EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni legali: Topografiji ta’ prodotti semikondutturi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 87/54/KEE dwar il-protezzjoni legali ta’ topografiji ta’ prodotti semikondutturi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva għandha l-għan li tipprovdi sistema ċara u armonizzata madwar il-pajjiżi tal-UE għall-protezzjoni legali ta’ topografiji* (disinji ta’ tqassim) ta’ prodotti semikondutturi*.
  • L-għan ta’ din il-forma partikolari ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali huwa li jiġi evitat li l-mikroċipp oriġinali jew id-disinni taċ-ċirkwiti integrati jiġu kkupjati u sussegwentement kummerċjalizzati, jew kif inhuma, jew fi kwalunkwe prodott li jkunu inkorporati fih.

PUNTI EWLENIN

Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni ta’ topografiji ta’ prodotti semikondutturi

Il-pajjiżi tal-UE:

  • għandhom jadottaw leġiżlazzjoni li tipproteġi topografiji ta’ semikondutturi fejn id-disinn tagħhom jissodisfa żewġ kundizzjonijiet:
    • huma r-riżultat tal-isforz intellettwali tal-kreatur tagħhom stess,
    • dawn mhumiex komuni fost l-industrija tas-semikondutturi. Fejn l-elementi tat-topografija ta’ prodott semikonduttur ikunu komuni fl-industrija, jistgħu jkunu protetti biss sal-punt li t-taħlita ta’ dawn l-elementi, meqjusa fit-totalità tagħhom, tissodisfa l-kundizzjoni t’hawn fuq;
  • għandu jingħata d-dritt għall-protezzjoni lill-persuna li toħloq it-topografija, jekk dik il-persuna hija individwu li huwa ċittadin ta’ pajjiż tal-UE jew li normalment huwa residenti hemmhekk. Madankollu, huma jistgħu jispeċifikaw lil min jingħata d-dritt fejn tinħoloq topografija matul l-impjieg tal-kreatur jew taħt kuntratt li ma jkunx kuntratt ta’ impjieg;
  • tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tingħata protezzjoni lil individwi, kumpaniji jew persuni ġuridiċi oħra li jisfruttaw b’mod kummerċjali għall-ewwel darba topografija:
    • li qabel ma kinitx sfruttata b’mod kummerċjali,
    • li jkunu ġew awtorizzati esklussivament biex jisfruttaw it-topografija b’mod kummerċjali madwar l-UE mill-persuna intitolata li tawtorizzaha;
  • jistgħu jidħlu f’negozjati ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE biex jestendu d-dritt għall-protezzjoni lil persuni li mhumiex koperti mid-Direttiva. Meta jagħmlu dan, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea;
  • jistgħu jirrifjutaw jew ineħħu l-protezzjoni fir-rigward tat-topografija ta’ prodott semikonduttur fejn applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’forma xierqa ma tkunx ġiet ippreżentata lil awtorità pubblika fi żmien sentejn minn meta tkun ġiet sfruttata b’mod kummerċjali għall-ewwel darba;
  • jistgħu jirrikjedu li materjal li jidentifika jew li jagħti eżempju tat-topografija jiġi ddepożitat mal-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, dan il-materjal ma għandux ikun disponibbli għall-pubbliku meta jkun sigriet kummerċjali.

Drittijiet esklussivi

Id-drittijiet mogħtija huma drittijiet esklussivi. Dawn jinkludu:

  • id-dritt li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r-riproduzzjoni ta’ topografija protetta; u
  • id-dritt li jiġi awtorizzat jew ipprojbit l-isfruttament kummerċjali jew l-importazzjoni għal dak l-iskop ta’ topografija jew ta’ prodott semikunduttur manifatturat bl-użu tat-topografija.

Id-dritt esklussiv li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r-riproduzzjoni ma japplikax għar-riproduzzjoni:

  • għal skopijiet privati għal għanijiet mhux kummerċjali;
  • għall-iskop tal-analiżi, l-evalwazzjoni jew it-tagħlim tal-kunċetti, il-proċessi, is-sistemi jew it-tekniki inkorporati fit-topografija jew it-topografija nnifisha.

Il-protezzjoni mogħtija lit-topografiji ta’ prodotti semikondutturi ma testendi għall-ebda kunċett, proċess, sistema, teknika jew informazzjoni kkodifikata inkorporata fit-topografija minbarra t-topografija nnifisha.

Reġistrazzjoni

  • Fejn ir-reġistrazzjoni tat-topografija hija kundizzjoni għall-għoti ta’ drittijiet esklussivi, dawk id-drittijiet isiru applikabbli jew:
    • fid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni; jew
    • fid-data li fiha t-topografija tiġi sfruttata għall-ewwel darba fi kwalunkwe post fid-dinja, skont liema tiġi l-ewwel.
  • Meta r-reġistrazzjoni ma tkunx kundizzjoni għall-għoti ta’ drittijiet esklussivi, id-drittijiet jibdew japplikaw meta t-topografija tkun sfruttata b’mod kummerċjali għall-ewwel darba fi kwalunkwe post fid-dinja jew meta tkun stabbilita għall-ewwel darba jew ikkodifikata.

L-iskadenza tad-drittijiet

Id-drittijiet esklussivi jiskadu 10 snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha t-topografija ġiet sfruttata b’mod kummerċjali għall-ewwel darba. Fejn tkun meħtieġa reġistrazzjoni, il-perjodu ta’ 10 snin jiġi kkalkulat:

  • mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni; jew
  • mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha t-topografija ġiet sfruttata b’mod kummerċjali għall-ewwel darba, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

Estensjoni tal-protezzjoni legali għal pajjiżi mhux tal-UE

Il-protezzjoni legali ta’ topografiji ta’ prodotti semikondutturi ġiet estiża għal individwi, kumpaniji u persuni ġuridiċi oħra minn:

  • l-Istati Uniti (id-Deċiżjoni 93/16/KEE),
  • il-Kanada (id-Deċiżjoni 94/700/KE),
  • Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-Deċiżjoni 94/824/KE), u
  • Isle of Man (id-Deċiżjoni 96/644/KE).

L-infurzar tad-DPI

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li ħassar ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003, estenda l-lista ta’ drittijiet protetti biex jinkludi wkoll topografiji ta’ prodotti semikondutturi mill-1 ta’ Jannar 2014.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha tapplika mit-23 ta’ Diċembru 1986 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-7 ta’ Novembru 1987.

SFOND

Fil-livell internazzjonali, fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, it-Trattat ta’ Washington dwar il-Proprjetà Intellettwali fir-Rigward taċ-Ċirkwiti Integrati ġie adottat fl-1989. Dan jipprovdi protezzjoni għat-topografiji ta’ ċirkwiti integrati. Għalkemm it-trattat ma daħalx fis-seħħ, il-kontenut tiegħu ġie inkorporat b’referenza għall-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (ġeneralment magħruf bħala l-Ftehim TRIPS – ara s-sommarju) iffirmat taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Topografija: fil-każ ta’ prodott semikonduttur (ara t-terminu prinċipli li jmiss), serje ta’ immaġnijiet relatati, iżda fissi jew kodifikati:
  • li tirrappreżenta d-disinn tridimensjonali tas-saffi li jiffurmaw prodott semikonduttur;
  • kull immaġni fis-serje għandha d-disinn, jew parti mid-disinn, ta’ wiċċ tal-prodott semikonduttur fi kwalunkwe stadju tal-manifattura tiegħu.
Prodott semikonduttur: ċirkwiti integrati, magħrufa wkoll bħala mikroċipep (jew ċipep), huma l-forma finali jew intermedja ta’ kwalunkwe prodott:
  • li jikkonsisti minn qafas ta’ materjal li jinkludi saff ta’ materjal semikonduttur; u
  • li jkollu wieħed jew aktar saffi oħrajn magħmula minn materjal tal-konduttività, tal-insulazzjoni jew tas-semikondutturi, bis-saffi skont disinn tridimensjonali predeterminat; u
  • maħsub biex iwettaq, esklussivament jew flimkien ma’ funzjonijiet oħra, funzjoni elettronika.

Iċ-ċipep huma inkorporati f’ħafna oġġetti tal-konsumatur bħal tagħmir domestiku bħal magni tal-ħasil jew televiżjonijiet, kif ukoll f’karozzi, mowbajls, kompjuters, tagħmir mediku u magni.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 87/54/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1986 dwar il-protezzjoni legali ta’ topografiji ta’ prodotti semikundutturi (ĠU L 24, 27.1.1987, pp. 36-40)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU L 181, 29.6.2013, pp. 15-34)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea — Anness XVII — Proprjetà intellettwali — Lista prevista fl-Artikolu 65(2) (ĠU L 1, 3.1.1994, pp. 482-483)

ESTENSJONI TAL-PROTEZZJONI GĦAL PAJJIŻI MHUX FL-UE

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/644/KE tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi lil persuni mill-Isle of Man (ĠU L 293, 16.11.1996, pp. 18-19)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/824/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti tas-semikondutturi għal persuni minn Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 349, 31.12.1994, pp. 201-202)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/700/KE tal-24 ta’ Ottubru 1994 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodott semikondutturi lil persuni mill-Kanada (ĠU L 284, 1.11.1994, pp. 61-62)

Id-Decizjoni tal-Kunsill 93/16/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1992 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali tat-topografiji ta’ prodotti semikondutturi lil persuni mill-Istati Uniti tal-Amerka u ċerti territorji (ĠU L 11, 19.1.1993, pp. 20-21)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 93/16/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 04.11.2020

Top