Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Arranġamenti tal-votazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Arranġamenti tal-votazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 2003/223/KE — emenda għall-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

  • Tintroduċi sistema ta' rotazzjoni għall-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), biex jiġi żgurat teħid ta' deċiżjonijiet ġust u effiċjenti.
  • Tqis il-fatt li n-numru ta' gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali jiżdied hekk kif pajjiżi ġodda jintroduċu l-euro.
  • Tistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar l-assenjazzjoni u r-rotazzjoni tad-drittijiet għall-vot tal-gvernaturi.

PUNTI EWLENIN

Kunsill Governattiv

  • Il-Kunsill Governattiv huwa wieħed mit-3 korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-BĊE. Iż-2 korpi l-oħrajn huma l-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali.
  • Il-Kunsill Governattiv huwa l-korp ewlieni li jieħu d-deċiżjonijiet. B'mod partikolari, jiddefinixxi l-politika monterja għaż-żona tal-euro.
  • Il-Kunsill Governattiv huwa magħmul minn 6 membri tal-Bord Eżekuttiv u mill-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Għalhekk, in-numru ta' gvernaturi jiżdied kull darba li pajjiż ġdid jissieħeb fiż-żona tal-euro.

Sistema ta' rotazzjoni tal-votazzjoni skont il-gruppi

  • Mid-data meta n-numru ta' membri tal-Kunsill Governattiv jaqbeż il-21, l-arranġamenti tal-votazzjoni jiġu aġġustati.
  • In-numru totali ta' drittijiet ta' votazzjoni huwa għalhekk limitat għal 21. Is-6 membri tal-Bord Eżekuttiv jibqa' jkollhom drittijiet għall-vot permanenti. Il-gvernaturi jaqsmu l-bqija tal-15-il dritt tal-vot, li huma jaqsmu b'sistema ta' rotazzjoni bejniethom.
  • Għaldaqstant, il-gvernaturi huma allokati għal gruppi li huma differenti bejniethom skont il-frekwenza li biha l-membri tagħhom għandhom id-drittijiet għall-vot. Il-gruppi huma ffurmati skont klassifikazzjoni tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, abbażi ta':
    • is-sehem fil-prodott domestiku gross aggregat bil-prezzijiet tas-suq (PDG mp)* fil-pajjiżi taż-żona tal-euro;
    • is-sehem fil-karta tal-bilanċ aggregata totali tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji tal-pajjiżi taż-żona tal-euro.
  • Dawn l-indikaturi għandhom l-għan li jiżguraw l-objettività billi jqisu l-piż ekonomiku tal-pajjiż fiż-żona tal-euro u d-daqs tas-settur finanzjarju tiegħu.
  • Barra minn hekk, id-deċiżjoni tipprovdi li s-sistema ta' rotazzjoni ta' votazzjoni tiġi implimentata f'2 fażijiet.

L-ewwel fażi: Drittijiet tal-votazzjoni meta n-numri ta' gvernaturi jkun akbar minn 15

  • Mid-data meta n-numru ta' gvernaturi jaqbeż 15, u sakemm jilħaq 22, il-gvernaturi huma allokati għal 2 gruppi.
    • L-ewwel grupp huwa magħmul minn 5 gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi bl-ikbar ishma fit-total taż-żona tal-euro għall-indikaturi deskritti fuq.
    • It-tieni grupp huwa magħmul mill-gvernaturi l-oħrajn kollha
  • Il-5 gvernaturi fl-ewwel grupp jikkondividu 4 drittijiet għall-vot u l-bqija tal-gvernaturi fit-tieni grupp jikkondividu 11.
  • Il-gvernaturi fl-ewwel grupp ma jistgħux ikollhom frekwenzi ta' votazzjoni iktar baxxi minn dawn fit-tieni grupp.
  • L-ewwel fażi normalment titqies li ntlaħqet f'Jannar 2009, meta s-Slovakkja ssieħbet fiż-żona tal-euro bħala s-16-il membru tagħha. Madankollu, f'Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni li jipposponi l-bidu tas-sistema ta' rotazzjoni.
  • Minflok, is-sistema ta' rotazzjoni ġdida ġiet introdotta fl-1 ta' Jannar 2015 meta l-Litwanja ssieħbet fiż-żona euro bħala d-19-il membru.

It-tieni fażi: Drittijiet tal-votazzjoni meta n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22

  • Meta n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi sejrin jiġu allokati fi 3 gruppi.
    • L-ewwel grupp sejjer ikun magħmul minn 5 gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi bl-ikbar ishma fit-total taż-żona tal-euro.
    • It-tieni grupp sejjer ikun magħmul minn nofs in-numru totali ta' gvernaturi. Il-gvernaturi f'dan il-grupp se jkunu ġejjin mill-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi li jkollhom pożizzjonijiet sussegwenti fil-klassifikazzjoni abbażi tal-kriterji ta' hawn fuq.
    • It-tielet grupp sejjer ikun magħmul mill-gvernaturi l-oħrajn kollha
  • 4 drittijiet għall-vot sejrin jiġu assenjati lill-ewwel grupp, 8 lit-tieni u 3 lit-tielet.
  • Fi ħdan kull grupp, il-gvernaturi jkollhom id-drittijiet għall-vot tagħhom għal ammonti ta' ħin ugwali. Il-Kunsill Governattiv sejjer jieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju.

Implimentazzjoni, aġġustamenti u tibdil futur

  • Kull meta n-numru ta' gvernaturi jiżdied, il-kompożizzjoni tal-gruppi tiġi aġġustata u l-aġġustamenti japplikaw sa minn dakinhar li l-gvernatur(i) jissieħeb(jissieħbu) fil-Kunsill Governattiv. Kull meta l-PDG mp* aggregat jiġi aġġustat (meħtieġ kull 5 snin), il-kompożizzjoni tal-gruppi tiġi aġġustata b'mod konformi ma' kwalunkwe tibdil u tapplika mill-ewwel ġurnata tas-sena ta' wara.
  • Kwalunkwe deċiżjoni li hija neċessarja għall-implimentazzjoni tad-dettalji operazzjonali tas-sistema ta' rotazzjoni sejra, bl-eċċezzjoni tal-arranġamenti ta' votazzjoni l-ġodda, tiġi adottata mill-membri kollha tal-Kunsill Governattiv b'maġġoranza ta' żewġ terzi, irrispettivament minn jekk għandhomx id-dritt għall-vot fil-ħin tad-deċiżjoni.
  • Il-Kunsill Governattiv adotta miżuri li jkopru r-rata ta' rotazzjoni, il-perjodu ta' rotazzjoni, ordni ta' gvernaturi fi ħdan gruppi u t-tranżizzjoni minn sistema ta' 2 gruppi għal waħda bi 3 fl-2009 (Deċiżjoni 2009/328/KE).

SFOND

Qabel ma jkunu jistgħu jintroduċu l-euro, il-pajjiżi tal-UE għandhom jissodisfaw għadd ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji magħrufin bħala “kriterji ta' konverġenza”.

Fil-preżent, 19-il pajjiż tal-UE biss minn 28 issodisfa dawn il-kriterji u adotta l-euro bħala munita unika. Il-pajjiżi l-oħrajn huma soġġetti għal derogi sakemm jissodisfaw il-kriterji. Id-Danimarka u r-Renju Unit huma soġġetti għal eżenzjonijiet minħabba li fil-preżent ma għandhomx l-intenzjoni li jadottaw l-euro.

TERMINU EWLIENI

* Il-prodott domestiku gross bil-prezz tas-suq (PDG mp): il-valur tal-flus tar-riżultat gross finali domestiku kollu jew prodott ta' pajjiż.

ATT

Id-Deċiżjoni 2003/223/KE tal-Kunsill li qed jiltaqa' fil-kompożizzjoni ta' kapijiet ta' l-istat jew tal-gvern tal-21 ta' Marzu 2003 fuq l-emenda ta' l-Artikolu 10.2 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 83, 1.4.2003, pp. 66-68)

ATTI RELATATI

Deċiżjoni 2009/5/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 li tipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/29) (ĠU L 3, 7.1.2009, pp. 4-5)

Deċiżjoni 2009/328/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Marzu 2009 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2009/5) (ĠU L 100, 18.4.2009, pp. 10-11)

l-aħħar aġġornament 08.03.2016

Top