Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 219/2007, l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema tal-UE għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi l-proġett SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) Uniku Ewropew).
  • Il-proġett SESAR għandu l-għan li jtejjeb il-prestazzjoni tal-ATM billi jimmodernizza u jarmonizza s-sistemi tal-ATM tal-Ewropa permezz tad-definizzjoni, l-iżvilupp, il-validazzjoni u t-twaqqif ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi u operazzjonali innovattivi tal-ATM.
  • L-Impriża Konġunta SESAR (Joint Undertaking - JU) hija sħubija pubblika-privata li tieħu ħsieb il-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR. Din twaqqfet fl-2007 mill-Unjoni Ewropea u l-Eurocontrol, l-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru.

PUNTI EWLENIN DWAR IL-JU SESAR

  • Din hija Impriża Konġunta li tieħu ħsieb il-fażi tal-iżvilupp tal-proġett SESAR, il-komponent teknoloġiku (riċerka u żvilupp — R & Ż) tal-Ajru Uniku Ewropew (SES), pakkett ta’ miżuri tal-UE mfassal sabiex jissodisfa l-kapaċità futura tal-ħtiġijiet tas-sikurezza tal-ajru.
  • Hija għandha l-kompitu li tipprovdi lill-UE, b’konformità mal-pjan regolatorju tal-ATM, b’infrastruttura għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru ta’ prestazzjoni għolja sal-2035. Dan sabiex it-trasport tal-ajru jkun jista' jsir iktar sikur, iktar favur l-ambjent u effiċjenti, li jfisser vjaġġi iktar diretti bl-użu ta’ inqas fjuwil u inqas dewmien.
  • Din tinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea, il-Eurocontrol, fornituri ta’ servizz tan-navigazzjoni, organizzazzjonijiet tal-passiġġieri tal-ajru, utenti tal-ispazju tal-ajru, regolaturi, operaturi tal-ajruporti, persunal tal-linji tal-ajru, tal-ajruport u tan-navigazzjoni tat-traffiku tal-ajru, xjenzati u manifatturi ta’ tagħmir (madwar 3 000 espert). Il-JU hija korp tal-UE maħluq għal dan l-iskop taħt l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
  • Hija diġà pprovdiet pjan regolatorju tal-ATM (aġġornat fl-2012 u fl-2015) li jiddefinixxi l-kontenut, il-pjanijiet ta’ żvilupp u ta’ twaqqif għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ sistemi tal-ATM.
  • Hija tmexxi l-proċeduri biex jingħataw għotjiet lill-membri tagħha, b’konformità mar-regoli għall-parteċipazzjoni fil-Programm Qafas tal-UE Orizzont 2020 għar-R & Ż, wara l-estensjoni tiegħu fl-2014.

Il-kisbiet tas-SESAR JU s’issa jinkludu:

  • l-ewwel titjira tad-dinja f’erba’ dimensjonijiet (3D + ħin) sabiex jittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-trajettorja minn tarf għal ieħor.
  • għodda estensiva sabiex tiżdied is-sikurezza fuq ir-runways tal-ajruporti u
  • free routing sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-titjira u tal-fjuwil.

Mill-2014 ’il quddiem, il-fokus tal-programm ta’ SESAR JU Riċerka u Innovazzjoni (R & I) huwa fuq oqsma bħal:

  • servizz tan-netwerk ATM ottimizzat;
  • servizzi tat-traffiku tal-ajru avvanzati;
  • operazzjonijiet tal-ajruport bi prestazzjoni għolja.
  • infrastruttura tal-avjazzjoni avvanzata, integrata u razzjonalizzata.

Finanzjament

Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-fażi ta’ żvilupp tas-SESAR hija ta’ EUR 700 miljun taħt il-programmi TEN-T u FP7, ikkomplementata b’EUR 585 miljun taħt il-programm Orizzont 2020. Sabiex jittieħed kont tat-tul tal-programm Orizzont 2020, is-sejħiet għal proposti kollha tas-SESAR iridu jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2020.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Marzu 2007.

SFOND

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 ħoloq is-SESAR JU. Ir-regolament ġie emendat darbtejn, fl-2008 (Regolament (KE) Nru 1361/2008) u għal darb’ oħra fl-2014 (Regolament (UE) Nru 721/2014), meta t-tul ta’ żmien tas-SESAR JU ġie estiż sal-2024

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1–11)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 219/2007 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

l-aħħar aġġornament 08.02.2016

Top