Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Assigurazzjoni tar-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Assigurazzjoni tar-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 — ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi tal-assigurazzjoni għat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani fir-rigward tal-passiġġieri, tal-bagalji, tal-merkanzija u ta’ partijiet terzi.

PUNTI EWLENIN

Ambitu

Dan ir-regolament japplika għat-trasportaturi tal-ajru kollha li jtiru ġewwa, fi, barra minn jew fuq it-territorju ta’ pajjiż tal-UE. It-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani għandhom ikunu assigurati, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

  • il-passiġġieri,
  • il-bagalji,
  • il-merkanzija u l-partijiet terzi,
  • ir-riskji assoċjati mar-responsabbiltà speċifika għall-avjazzjoni (inklużi l-atti ta’ gwerra, it-terroriżmu, il-piraterija tal-ajru, l-atti ta’ sabutaġġ, il-qbid illegali tal-ajruplani u l-aġitazzjoni ċivili).

Huwa ma japplikax għal:

  • inġenji tal-ajru tal-Istat (inġenji tal-ajru militari, doganali jew tal-pulizija),
  • mudell ta’ inġenju tal-ajru b’massa massima ta’ tluq (MTOM)* ta’ inqas minn 20 kg,
  • inġenji tal-ajru li jinqatgħu mill-art bil-ġiri (inklużi paragliders li jaħdmu bil-magna u hang gliders),
  • blalen tal-ajru (captive balloons),
  • tajriet,
  • paraxuts (inklużi “parascending parachutes”),
  • inġenji tal-ajru, inklużi glajders, b’MTOM ta’ inqas minn 500 kg, u microlights, li jintużaw għal finijiet mhux kummerċjali jew għal korsijiet tat-titjir lokali li ma jinvolvux il-qsim tal-fruntieri internazzjonali (safejn huma kkonċernati l-obbligi tal-assigurazzjoni skont dan ir-regolament relatati mar-riskji ta' gwerra u terroriżmu).

Konformità

It-trasportaturi tal-ajru u, meta meħtieġ, l-operaturi tal-ajruplani, għandhom juru li huma jikkonformaw mar-regolament billi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE kkonċernat* b’ċertifikat tal-assigurazzjoni jew b’evidenza oħra ta’ assigurazzjoni valida.

Assigurazzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltà għall-passiġġieri, il-bagalji u l-merkanzija

Għal responsabbiltà fir-rigward tal-passiġġieri, il-kopertura tal-assigurazzjoni minima hija ta’ 250 000 SDRs* għal kull passiġġier. Madankollu, fir-rigward tal-operazzjonijiet mhux kummerċjali b’inġenji tal-ajru b’MTOM ta’ 2,700 kg jew inqas, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu livell aktar baxx ta’ kopertura tal-assigurazzjoni minima, iżda mhux inqas minn 100 000 SDRs għal kull passiġġier.

Għal responsabbiltà fir-rigward tal-bagalji, il-kopertura tal-assigurazzjoni minima għandha tkun ta’ 1 131 SDRs għal kull passiġġier f’operazzjonijiet kummerċjali.

Għal responsabbiltà fir-rigward tal-merkanzija, il-kopertura tal-assigurazzjoni minima għandha tkun ta’ 19-il SDR għal kull kilogramma f’operazzjonijiet kummerċjali.

Assigurazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà għal partijiet terzi

Il-kopertura tal-assigurazzjoni minima għal kull inċident u għal kull inġenju tal-ajru tiddependi fuq l-MTOM tal-inġenju tal-ajru.

Infurzar u sanzjonijiet

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani jikkonformaw mar-regolament. Kwalunkwe sanzjoni għall-ksur għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.
  • Għat-trasportaturi tal-ajru tal-UE, is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu l-irtirar tal-liċenzja operattiva.
  • Fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi u tal-operaturi tal-ajruplani li jużaw inġenji tal-ajru rreġistrati barra l-UE, is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu r-rifjut tad-dritt tal-illandjar fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE.
  • Jekk pajjiż tal-UE ma jkunx sodisfatt li l-kundizzjonijiet ġew issodisfati, huwa għandu jipprojbixxi inġenju tal-ajru milli jitlaq sakemm it-trasportatur tal-ajru jew l-operatur tal-ajruplani kkonċernat ikun ipproduċa evidenza ta’ kopertura tal-assigurazzjoni adegwata.

Sabiex iqis l-inflazzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 285/2010 irreveda l-limiti ta’ kumpens speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 785/2004.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa beda japplika mit-30 ta' April 2005.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara “L-ajru – assigurazzjoni” fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea

TERMINI EWLENIN

* Massa massima tat-tluq: din tikkorrespondi għal ammont iċċertifikat speċifiku għat-tipi kollha ta’ inġenji tal-ajru kif iddikjarat fiċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru.

* Pajjiż tal-UE kkonċernat: il-pajjiż tal-UE li ta l-liċenzja operattiva lit-trasportatur tal-ajru tal-UE jew fejn huwa rreġistrat l-ajruplan tal-operatur tal-ajruplani. Għat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani ta’ pajjiżi terzi li jużaw ajruplani rreġistrati barra l-UE, dan jirreferi għall-pajjiż tal-UE li lejh jew minnu jsiru t-titjiriet.

* SDR: dritt speċjali ta’ prelevament jew talba potenzjali fuq il-muniti użabbli b’mod liberu tal-membri tal-Fond Monetarju Internazzjonali (SDR kif definit mill-Fond Monetarju Internazzjonali).

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 1-6)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 785/2004 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35-50). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni) (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3-20)

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2-5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta' April 2001 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 38)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni għall-operaturi tal-ajruplani fl-UE — Rapport dwar it-tħaddim tar-Regolament 785/2004 (COM(2008) 216 finali tal-24.4.2008)

l-aħħar aġġornament 22.02.2016

Top