Help Print this page 
Title and reference
Sigurtà marittima: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sigurtà marittima: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għandha l-għan li tiżgura livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sigurtà marittima u sikurezza marittima fl-Unjoni Ewropea (UE). Taħdem ukoll biex tevita t-tniġġis u biex tirreaġixxi għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri jew minn installazzjonijiet ta-żejt u tal-gass.

ATT

Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà.

SOMMARJU

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għandha l-għan li tiżgura livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sigurtà marittima u sikurezza marittima fl-Unjoni Ewropea (UE). Taħdem ukoll biex tevita t-tniġġis u biex tirreaġixxi għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri jew minn installazzjonijiet ta-żejt u tal-gass.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ir-regolament jistabbilixxi l-EMSA, li hija bbażata ġewwa Lisbona. L-Aġenzija tipprovdi assistenza teknika u appoġġ lill-Kummissjoni Ewropea (KE) u lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) fir-rigward tal-iżvilupp, l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dritt tal-UE dwar is-sikurezza, is-sigurtà u t-tniġġis fil-qasam marittimu.

PUNTI EWLENIN

L-EMSA għandha kompiti ewlenin u ta’ appoġġ.

Il-kompiti ewlenin huma:

assistenza fix-xogħol preparatorju għall-aġġornar u l-iżvilupp tal-liġijiet rilevanti tal-UE;

żjarat u spezzjonijiet fil-pajjiżi tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva ta’ atti legali vinkolanti rilevanti tal-UE;

attivitajiet ta’ taħriġ u assistenza teknika għall-amministrazzjonijiet nazzjonali;

appoġġ għal azzjonijiet ta’ reazzjoni għat-tniġġis f’każijiet ta’ tniġġis ikkawżat minn bastimenti u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass (l-EMSA tipprovdi assistenza operattiva biss fuq talba tal-pajjiż milqut).

L-EMSA topera wkoll iċ-Ċentru tad-Dejta tal-Unjoni Ewropea għall-Identifikazzjoni u Traċċar mill-Bogħod ta’ Bastimenti u s-Sistema tal-UE ta’ Informazzjoni u ta’ Skambju Marittimi (SafeSeaNet). L-Aġenzija tista’ tipprovdi wkoll appoġġ operattiv b’rabta ma’ investigazzjonijiet fejn ikun hemm imwiet jew korrimenti serji.

Kompiti ta’ appoġġ

L-EMSA tassumi biss dawn il-kompiti jekk joħolqu valur miżjud sostanzjali u jevitaw l-isforzi doppji u ma jiksrux id-drittijiet u l-obbligi tal-pajjiżi tal-UE. Dawn il-kompiti huma relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali, il-programm ta’ osservazzjoni tad-dinja GMES (issa Copernicus) u l-passaġġi fuq l-ilma interni.

Żjarat u spezzjonijiet tal-EMSA

L-EMSA żżur il-pajjiżi biex tassisti lill-KE u lill-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-verifika tal-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE u fl-iżgurar ta' livell għoli u uniformi ta’ sikurezza. L-Aġenzija twettaq spezzjonijiet ma’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi fir-rigward tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Struttura

L-EMSA hija korp tal-UE u għandha personalità ġuridika. Il-persunal tagħha jikkonsisti minn uffiċjali assunti mill-Aġenzija u uffiċjali tal-UE u ħaddiema ċivili ta’ pajjiżi tal-UE temporanjament assenjati jew issekondati lill-Aġenzija. Hija mmexxija minn Direttur Eżekuttiv li huwa kompletament indipendenti fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu/tagħha.

Il-Bord Amministrattiv jinkludi rappreżentanti mill-KE u minn kull pajjiż tal-UE, li kollha kemm huma għandhom vot. Jinkludi wkoll rappreżentanti min-Norveġja u l-Islanda u professjonista minn erba’ setturi marittimi, li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jivvota. Il-mandat tiegħu huwa ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded darba.

Il-Baġit

Ir-Regolament(UE) Nru 911/2014 jipprovdi għal pjan ta’ finanzjament pluriennali ta’ EUR 160.5 miljun għar-reazzjoni tal-EMSA għal attivitajiet ta’ tniġġis għall-perjodu 2014-2020. Il-baġit globali tal-EMSA jinkludi kontribuzzjoni ewlenija mill-baġit tal-UE u kontribuzzjonijiet addizzjonali minn pajjiżi mhux fl-UE involuti fil-ħidma tagħha. L-Aġenzija tista’ wkoll titlob tariffi għal pubblikazzjonijiet, taħriġ u kwalunkwe servizz ieħor li tipprovdi.

SFOND

Żewġ inċidenti (l-Erika fl-1999 u l-Prestige fl-2002) irriżultaw f’tixrid ta’ żejt fl-ilmijiet Ewropej. It-tnejn li huma kkawżaw ħsara ambjentali u ekonomika serja lill-kosti Franċiżi u Spanjoli. Dan wassal għall-istabbiliment tal-EMSA fl-2003 biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun ippreparata għal tixrid ta’ żejt fuq skala kbira.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1406/2002

25.8.2002

-

ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1-9.

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1644/2003

1.10.2003

-

ĠU L 245, 29.9.2003, p. 10-12.

Regolament (KE) Nru 724/2004

19.5.2004

-

ĠU L 129, 29.4.2004, p. 1-5.

Regolament (KE) Nru 2038/2006

31.12.2006

-

ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1-4.

Regolament (UE) Nru 100/2013

1.3.2013

-

ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30-40.

L-emendi suċċesivi u l-korrezzjonijiet għar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 911/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 115-120).

Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57-100).

Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, 30.9.2009, p. 11-21).

Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KE (ĠU L 208, 5.8.2009, p. 10-27).

L-aħħar aġġornament: 04.01.2015

Top