Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji

Standards applikabbli mal-UE kollha għas-sewwieqa tal-ferroviji:

ATT

Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità

SOMMARJU

Standards applikabbli mal-UE kollha għas-sewwieqa tal-ferroviji:

  • jagħmluha aktar faċli sabiex joperaw is-servizzi ferrovjarji bejn il-pajjiżi tal-UE,
  • iżidu l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistemi ferrovjarji,
  • joħolqu suq tax-xogħol aktar flessibbli għas-sewwieqa nnifishom.

X’TAGĦMEL-ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomottivi u ferroviji fuq sistemi ferrovjarji fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Meta jimplimentaw id-direttiva, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu lis-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw esklussivament fuq:

  • metro, trammijiet u sistemi minuri oħra ta’ ferrovija;
  • netwerks separati mill-bqija tas-sistema tal-ferrovija u li huma intiżi biss għal servizzi lokali, urbani jew suburbani ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija;
  • infrastrutturi ferrovjarji tal-privat;
  • partijiet ta’ linji li jkunu magħluqin temporanjament għat-traffiku normali.

Ċertifikazzjoni tas-sewwieqa

Is-sewwieqa jrid ikollhom l-istat ta’ saħħa u l-kwalifiki meħtieġa. Dawn irid ikollhom ukoll id-dokumenti li ġejjin:

  • liċenzja li tikkonferma li sewwieq jissodisfa rekwiżiti minimi għall-istat ta' saħħa mediku u psikoloġiku, edukazzjoni bażika u ħiliet professjonali ġenerali;
  • ċertifikat komplementari armonizzat li jindika l-linji tal-ferrovija u t-tipi ta’ ferrovija li għalihom huwa awtorizzat is-sewwieq.

Il-kisba ta’ liċenzja u ċertifikat

L-applikanti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

  • ikollhom mill-inqas 20 sena, għalkemm il-pajjiżi tal-UE jistgħu joħorġu liċenzji limitati għat-territorju tagħhom stess għal sewwieqa mill-età ta’ 18-il sena;
  • ikunu ngħataw taħriġ bażiku u jissodisfaw ir-rekwiżiti mediċi stabbiliti fid-direttiva;
  • jipprovdu prova ta’ stat ta' saħħa fiżika u mentali tajjeb billi jgħaddu minn eżami mediku mwettaq minn tabib mediku rikonoxxut mill-awtorità kompetenti;
  • juru stat ta’ saħħa psikoloġika tajjeb billi jgħaddu minn eżami mwettaq minn psikologu rikonoxxut mill-awtorità kompetenti;
  • jipprovdu prova tal-ħiliet professjonali, u jekk meħtieġ, ta' dawk lingwistiċi tagħhom.

L-awtorità kompetenti trid toħroġ il-liċenzja fi żmien xahar minn meta tirċievi d-dokumenti neċessarji. Il-liċenzja hija valida għal 10 snin.

X’inhu r-rwol tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali?

L-awtorità maħtura minn pajjiż tal-UE sabiex toħroġ liċenzja ta’ sewwieq tal-ferrovija għandha għadd ta’ kompiti, li jinkludu:

  • il-ħruġ u l-aġġornament ta’ liċenzji, il-provvista ta’ sostituti u s-sospensjoni u l-irtirar tal-liċenzji jekk meħtieġ;
  • l-iżgurar ta’ eżamijiet u kontrolli perjodiċi;
  • l-iżgurar tal-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ reġistru ta’ persuni u korpi akkreditati (tobba mediċi, trainers, eżaminaturi, eċċ.);
  • iż-żamma u l-aġġornament ta’ reġistru ta’ liċenzji li jkunu nħarġu, ġew modifikati, sospiżi, ikkanċellati jew iddikjarati mitlufa jew meqruda, jew li skadew;
  • is-superviżjoni tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni tas-sewwieqa u t-twettiq tal-kontrolli neċessarji abbord ferroviji li jivvjaġġaw fi ħdan l-UE.

Il-kumpaniji tal-ferrovija jridu:

  • iżommu reġistru taċ-ċertifikati komplementari armonizzati kollha maħruġa, li skadew, ġew modifikati, sospiżi, ikkanċellati jew iddikjarati mitlufa jew meqruda;
  • jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ tas-sewwieqa tagħhom u jieħdu azzjoni immedjata jekk ikun hemm dubji dwar l-adegwatezza ta’ sewwieq għax-xogħol.

Sad-29 ta’ Ottubru 2018, is-sewwieqa kollha jrid ikollhom liċenzji u ċertifikati li jikkonformaw ma’ din id-direttiva.

Id-direttiva ġiet emendata mid-Direttiva 2014/82/UE. L-emendi kienu jinkludu bidliet żgħar fir-rekwiżiti sabiex jinħarġu liċenzja u ċertifikat biex ikun hemm applikazzjoni uniformi fil-pajjiżi kollha tal-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2007/59/KE

4.12.2007

3.12.2009

ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51-78

Att li jemenda

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/82/UE

15.7.2014

1.7.2015

ĠU L 184, 25.6.2014, p. 11-15

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/17/KE tad-29 ta’ Ottubru 2009 dwar l-adozzjoni ta’ parametri bażiċi għar-reġistri ta’ liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji u ċ-ċertifikati komplementari pprovduti skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 8, 13.1.2010, p. 17-31)

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 36/2010 tat-3 ta’ Diċembru 2009 dwar mudelli Komunitarji għal-liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji, ċertifikati komplementari, kopji ċċertifikati taċ-ċertifikati komplementari u formoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji, skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 13, 19.1.2010, p. 1-27)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/765/UE tat-22 ta’ Novembru 2011 dwar kriterji għar-rikonoximent ta’ ċentri tat-taħriġ involuti fit-taħriġ ta’ sewwieqa tal-ferroviji, dwar kriterji għar-rikonoxximent tal-eżaminaturi ta’ sewwieqa tal-ferroviji u dwar kriterji għall-organizzazzjoni ta’ eżamijiet skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 314, 29.11.2011, p. 36-40)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/766/UE tat-22 ta’ Novembru 2011 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent taċ-ċentri tat-taħriġ u tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 314, 29.11.2010, p. 41-46)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/89/UE tal-14 ta’ Frar 2014 dwar proġett bi prova għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ kooperazzjoni amministrattiva deskritti fid-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 36-39)

l-aħħar aġġornament 14.09.2015

Top