Help Print this page 
Title and reference
Sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-UE

Din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) tistabbilixxi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni u monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti. Din tfittex li ttejjeb is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima u tal-portijiet, il-ħarsien ambjentali u t-tħejjija għat-tniġġis. Hija tippermetti wkoll l-iskambju u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni addizzjonali li tiffaċilita t-traffiku u t-trasport marittimu effiċjenti.

ATT

Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE.

SOMMARJU

Din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) tistabbilixxi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni u monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti. Din tfittex li ttejjeb is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima u tal-portijiet, il-ħarsien ambjentali u t-tħejjija għat-tniġġis. Hija tippermetti wkoll l-iskambju u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni addizzjonali li tiffaċilita t-traffiku u t-trasport marittimu effiċjenti.

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi sistema li timmonitorja l-ibħra u l-kosti tal-Ewropa - is-sorveljanza u l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima (il-pożizzjonijiet tal-vapuri) - u tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fil-kompiti operattivi tagħhom.

Il-liġi ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/100/UE bil-għan li ttejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni fil-qasam marittimu u tipprovdi soluzzjonijiet imfassla apposta għall-awtoritajiet. Din tippermetti li l-informazzjoni miġbura u skambjata bl-użu tas-sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-UE (SafeSeaNet (SSN)) tiġi integrata mad-dejta miksuba mis-sistemi ta’ monitoraġġ u rintraċċar l-oħrajn tal-UE, bħal CleanSeaNet u minn sistemi esterni (eż. sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS) bis-satellita).

Hija tistipula r-responsabbiltajiet tal-pajjiżi tal-UE, tal-awtoritajiet marittimi, tal-ispedituri, tal-operaturi marittimi u tal-kaptani tal-vapuri.

PUNTI EWLENIN

Il-vapuri kollha ta’ 300 tunnellata gross u aktar huma koperti, irrispettivament minn jekk iġorrux oġġetti perikolużi jew le, għajr għal:

vapuri tal-gwerra;

bastimenti tas-sajd, vapuri tradizzjonali u inġenji rikreattivi b’tul ta’ inqas minn 45 metru;

bunkers taħt l-1,000 tunnellata.

Rekwiżiti fuq l-operaturi tal-vapuri fi triqithom lejn portijiet tal-UE

Huma għandhom jinnotifikaw ċerta informazzjoni (l-identifikatur tal-vapur, in-numru totali ta’ persuni abbord, il-port tad-destinazzjoni, il-ħin stmat tal-wasla, eċċ.) lill-punt ta’ kuntatt waħdieni nazzjonali għall-affarijiet marittimi (mill-1 ta’ Ġunju 2015).

Apparat u installazzjonijiet

Il-vapuri li jidħlu f’port ta’ pajjiż tal-UE għandhom ikunu mgħammra b’:

sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika, u

sistema ta’ reġistratur tad-dejta dwar il-vjaġġ (VDR) (“il-kaxxa s-sewda”), li hija maħsuba biex tiffaċilita l-investigazzjonijiet wara li jseħħu inċidenti.

Il-pajjiżi tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għandu jkollhom riċevituri tal-AIS u għandhom jikkollegaw il-punti ta’ kuntatt waħdieni nazzjonali/SSN nazzjonali mas-sistema ta’ SSN ċentrali.

Oġġetti perikolużi jew li jniġġsu abbord il-vapuri

qabel itellgħu tali oġġetti abbord, l-ispedituri għandhom jiddikjaraw dawn lill-operatur;

l-operatur, l-aġent jew il-kaptan ta’ vapur għandu jinnotifika wkoll tagħrif ġenerali, bħall-identifikazzjoni tal-vapur u l-informazzjoni pprovduta mill-ispeditur, lill-awtorità kompetenti.

Il-monitoraġġ ta’ vapuri perikolużi u intervent f’każ ta’ inċidenti u aċċidenti

L-awtoritajiet għandhom jinformaw lill-pajjiżi tal-UE kkonċernati jekk ikunu nnotifikati dwar vapuri li:

preċedentement kienu involuti f’inċidenti jew aċċidenti fuq il-baħar,

naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ notifika u rappurtar,

deliberatament irrilaxxaw sustanzi li jniġġsu jew

kienu miċħuda l-aċċess fil-portijiet.

Il-kaptan ta’ vapur għandu jirrapporta minnufih:

kwalunkwe inċident jew aċċident li jaffettwa s-sikurezza tal-vapur;

kwalunkwe inċident jew aċċident li jikkomprometti s-sikurezza tat-tbaħħir;

kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ twassal għal tniġġis tal-baħar jew tal-kosta ta’ pajjiż tal-UE;

kwalunkwe roqgħa ta’ materjal li jniġġes u kontenituri jew pakketti li jintlemħu mexjin mal-kurrent fil-baħar.

Postijiet ta’ refuġju

Il-pajjiżi kollha tal-UE/ŻEE għandhom iħejju pjanijiet sabiex jakkomodaw lill-vapuri li jkunu jeħtieġu assistenza f’postijiet ta’ refuġju. Huma għandhom ukoll jiltaqgħu regolarment sabiex jiskambjaw l-esperjenza tagħhom u jieħdu miżuri konġunti ta’ titjib.

Konformità

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jivverifikaw l-operat tas-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom u jintroduċu sistema ta’ penali finanzjarji li jaġixxu bħala deterrent kontra n-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tad-direttiva.

Ġestjoni

Is-sistema hija żviluppata u ġestita mill-Kummissjoni Ewropea u mill-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima hija responsabbli mill-operat tekniku tagħha.

SFOND

Din id-direttiva hija parti integrali mill-politika tal-UE dwar is-sikurezza marittima. Minbarra r-rwol tagħhom fiż-żamma tas-sikurezza, tas-sigurtà u tas-sostenibbiltà, is-sistema u l-pjattaforma huma ċentrali għall-ħolqien ta’ żona marittima Ewropea unika mingħajr ostakoli - l-Ispazju tat-Trasport Marittimu Ewropew.

Aktar tagħrif huwa disponibbli minn:

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għall-implimentazzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2002/59/KE

5.8.2002

5.2.2004

ĠU L 208 tal-5.8.2002, pp.10-27

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Id-Direttiva 2009/17/KE

31.5.2009

31.11.2010

ĠU L 131 tat-28.5.2009, pp. 101-113

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/15/UE

16.3.2011

16.3.2012

ĠU L 49 tal-24.2.2011, pp. 33-36

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/100/UE

18.11.2014

18.11.2015

ĠU L 308 tad-29.10.2014, pp. 82-87

L-aħħar aġġornament: 23.04.2015

Top