EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Trasport fuq ix-xmajjar sikur u effiċjenti: servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi regoli dwar l-użu tas-servizzi armonizzati ta' informazzjoni tax-xmajjar (RIS)*. Dawn ir-regoli huma maħsuba sabiex tiġi żgurata s-sigurtà, l-effiċjenza u l-kompatibbiltà ambjentali tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-UE. Huma japplikaw għall-kanali, għax-xmajjar, għal-lagi u għall-portijiet li jistgħu jieħdu bastimenti ta’ bejn 1,000 u 1,500 tunnellata.

PUNTI EWLENIN

  • Servizzi ta’ informazzjoni tax-xmajjar jinkludu:
    • dejta ġeografika, idroloġika u amministrattiva dwar il-passaġġi interni (“informazzjoni tal-kanali navigabbli”);
    • dejta relevanti għan-navigazzjoni fuq perjodu qasir, medju u twil (“informazzjoni tattika u strateġika tat-traffiku”);
    • azzjoni fil-każ ta' inċident (“għajnuna għat-trattament ta' diżastri”);
    • statistiċi, servizzi doganali, u ħlasijiet għall-użu tal-passaġġi fuq l-ilma u tal-portijiet.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
    • jiżguraw li l-RIS tagħhom huma effiċjenti, jippermettu l-espansjoni u jistgħu jikkordinaw ma’ sistemi oħra;
    • jipprovdu lill-utenti tal-RIS bid-dejta kollha rilevanti dwar l-ippjanar tan-navigazzjoni u ta' vjaġġi;
    • iwaqqfu ċentri tal-RIS skond il-ħtiġijiet reġjonali;
    • jinnominaw awtoritajiet biex jissorveljaw l-applikazzjonijiet tal-RIS u l-iskambju internazzjonali tad-dejta.
  • Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli biex tistabbilixxi, skont iż-żmien tal-iskadenza miftiehma, il-linji gwida tekniċi għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-użu operattiv tal-RIS. Dawn jinkludu:
    • sistema elettronika ta' display tal-mapep u ta' informazzjoni;
    • rapportaġġ elettroniku tal-bastimenti;
    • avviżi lill-kaptani;
    • sistemi ta' monitoraġġ u lokalizzazzjoni ta' bastimenti;
    • kompatibbiltà tat-tagħmir tal-RIS.
  • Il-Kummissjoni, megħjuna minn kumitat ta’ esperti nazzjonali, żviluppat rekwiżiti tekniċi tal-RIS.

Programm ta’ azzjoni

Fl-2006, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar programm ta' azzjoni tal-UE integrat għal trasport fuq passaġġi tal-ilma interni. Magħruf bħala Naiades (Programm ta' Azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni), il-programm ġie aġġornat fl-2013 (Naiades II) u stabbilixxa għanijiet speċifiċi sal-2020. Il-komunikazzjoni Naiades II tal-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq il-kundizzjonijiet sabiex it-trasport tan-navigazzjoni interna jsir mod ta' trasport ta’ kwalità.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2005. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-20 ta’ Ottubru 2007.

SFOND

  • L-UE għandha aktar minn 37,000 km ta’ kanali u xmajjar li jgħaqqdu bliet u żoni ekonomiċi ewlenin. Dawn il-passaġġi fuq l-ilma interni jagħtu kontribut kbir għal sistema ta’ trasport sostenibbli, inaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis fuq it-toroq tal-UE.
  • Portal tas-Servizzi ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar

TERMINI EWLENIN

* Servizzi ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS): dawn jappoġġaw navigazzjoni interna tat-traffiku u t-trasport u, fejn possibbli, jikkoordinaw ma’ forom oħra ta’ trasport.

ATT

Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152–159)

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2005/44/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija għar-referenza biss.

l-aħħar aġġornament 25.07.2016

Top