Help Print this page 
Title and reference
Ir-regolazzjoni tal-ispettru tar-radju

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ir-regolazzjoni tal-ispettru tar-radju

Il-frekwenzi tar-radju, li huma vitali għat-tħaddim ta’ ħafna affarijiet li nqisuhom bħala ovvji, bħat-telefowns ċellulari tagħna, ix-xandir u l-internet broadband jew mezzi ta’ kontroll mill-bogħod, huma riżorsa skarsa. Bil-għan li tiżgura l-aqwa użu tagħhom, l-Unjoni Ewropea (UE) qablet fuq kif għandha tikkoordina l-politika tagħha f’dan il-qasam sabiex tipprevjeni, pereżempju, interferenza f’komunikazzjonijiet importanti.

ATT

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju).

SOMMARJU

Din id-deċiżjoni tfittex li tikkoordina, ġewwa l-UE, politika dwar id-disponibbiltà tal-ispettru tar-radju u l-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu effiċjenti tiegħu. Hija tapplika l-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u tal-komunikazzjoni mingħajr fili, inkluż GSM, it-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni tal-komunikazzjoni mobbli (3G, 4G) għal frekwenzi bejn 9 kHz u 3000 GHz rilevanti għas-suq intern.

L-azzjonijiet meħuda skont id-deċiżjoni jieħdu kont tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Unjin tat-Telekomunikazzjoni Internazzjonali (ITU) fil-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u l-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT), organizzazzjoni intergovernattiva bi 48 pajjiż membru.

Il-Kumitat għall-Ispettru tar-Radju

Billi jibni wkoll fuq il-prinċipji ġenerali inklużi fil-Programm għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, li ġie adottat fl-2012, il-Kumitat għall-Ispettru tar-Radju jgħin lill-Kummissjoni tiddefinixxi, tiżviluppa u timplimenta politika tal-UE dwar l-ispettru tar-radju. Ippresedut mill-Kummissjoni, dan il-kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi membri u jeżamina proposti dwar miżuri tekniċi għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu tal-ispettru tar-radju.

Huwa joħroġ ukoll opinjonijiet fuq il-mandati trasmessi mill-Kummissjoni lis-CEPT dwar l-armonizzazzjoni tal-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u d-disponibbiltà tal-informazzjoni relatata mal-użu tal-ispettru. L-abbozz ta’ miżuri tal-Kummissjoni, ladarba jiġu approvati mill-kumitat u adottati mill-Kummissjoni, huma vinkolanti mal-UE kollha u għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri meta jagħtu drittijiet għall-użu tal-ispettru.

Sfond

Il-frekwenzi tar-radju jiġu allokati minn korpi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konferenzi Dinjija dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju (WRC) tal-Unjin tat-Telekomunikazzjoni Internazzjonali (ITU) u, fl-Ewropa, mill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-UE tassumi wkoll irwol fl-iżgurar tal-aqwa użu mill-ispettru tar-radju.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 676/2002/KE

24.2.2002

-

ĠU L 108 of 24.4.2002, p. 1-6

ATTI RELATATI

L-ARMONIZZAZZJONI TAL-MEDED TAL-FREKWENZA

Ħafna mid-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni rigward id-Deċiżjonijiet dwar l-Ispettru tar-Radju.

GRUPP GĦAL POLITIKA DWAR L-ISPETTRU TAR-RADJU

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (ĠU L 198 tal-27.7.2002, p. 49-51).

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi grupp konsultattiv, il-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, sabiex jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq kwistjonijiet bħad-disponibbiltà u l-użu tal-ispettru tar-radju, l-armonizzazzjoni u l-allokazzjoni tal-frekwenzi, il-ħruġ tad-drittijiet għall-użu tal-ispettru, l-ipprezzar, eċċ.

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

IL-PROGRAMM TAL-POLITIKA DWAR L-ISPETTRU TAR-RADJU

Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81 tal-21.3.2012, p. 7-17).

L-aħħar aġġornament: 18.07.2014

Top