EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ħlasijiet bi flus mhux kontanti — il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti.

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

Din tissupplimenta regoli oħrajn tal-UE li jiġġieldu l-frodi li tinvolvi mezzi ta’ ħlas mhux f’kontanti. B’mod partikolari, tiddefinixxi t-tipi ta’ mġiba frodulenti li għandha titqies bħala reat kriminali punibbli fil-pajjiżi kollha tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Taħt din id-deċiżjoni qafas, il-frodi li jinvolvi kwalunkwe forma ta’ mezzi ta’ pagament mhux fi flus (eż. trasferimenti ta’ kreditu, debiti diretti, kards tal-ħlas) jitqies bħala reat kriminali punibbli b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Reati kriminali

Din id-deċiżjoni qafas ma tirreferix għal reati speċifiċi taħt il-liġi kriminali nazzjonali eżistenti tal-pajjiżi tal-UE peress li jista’ jkun hemm differenzi minn pajjiż għal ieħor.

Tipi differenti ta’ atti huma definiti fuq il-bażi ta’ jekk humiex diretti lejn:

  • l-istrument ta’ ħlas innifsu, eż. is-serq ta’ kard ta’ kreditu jew ta’ ċekk tal-vjaġġaturi;
  • il-proċess ta’ strumenti ta’ ħlas, eż. it-twettiq ta’ trasferiment bankarju mhux awtorizzat;
  • is-sistema għall-ordni, il-ġbir, l-ipproċessar, l-ikklerjar u l-ħlas ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, eż. it-tfassil jew il-kisba ta’ programm tal-kompjuter li jippermetti trasferiment bankarju mhux awtorizzat.

Pieni

  • Id-deċiżjoni qafas teżiġi li t-tipi kollha ta’ mġiba msemmija hawn fuq jiġu kklassifikati bħala reati kriminali fil-pajjiżi kollha tal-UE.
  • Il-pajjiżi tal-UE iridu jistabbilixxu pieni għal dawn ir-reati, skont jekk jitwettqux minn persuni jew organizzazzjonijiet.
  • Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-pajjiżi tal-UE għandhom ċerta diskrezzjoni biex jiddeterminaw il-gravità ta’ reati u n-natura u s-severità tal-pieni li japplikaw.

Il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni

Id-deċiżjoni qafas teħtieġ ukoll li l-pajjiżi tal-UE jipprovdu għajnuna reċiproka fil-proċeduri ġudizzjarji relatati ma’ dawn ir-reati. Barra minn hekk, għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt jew jużaw il-mekkaniżmi eżistenti sabiex jiżguraw li l-informazzjoni dwar dawn ir-reati tiġi kondiviża.

Il-kooperazzjoni dwar il-frodi u l-falsifikazzjoni fl-UE hija possibbli permezz ta’ għadd ta’ miżuri, mekkaniżmi, aġenziji u istituzzjonijiet, fosthom:

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mit-2 ta’ Ġunju 2001. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali sat-2 ta’ Ġunju 2003.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti (ĠU L 149, 2.6.2001, pp. 1-4).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 112-142)

Rapporti

Rapport mill-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti (COM(2004) 346 final, 30.4.2004)

Rapport mill-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti (COM(2006) 65 final, 20.2.2006)

l-aħħar aġġornament 01.08.2016

Top