EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli għall-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni

Regolament (KE) Nru 181/2008 li jistabbilixxi ċerti miżuri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika tal-kapaċità tal-flotta Komunitarja biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni

Regolament (UE) Nru 546/2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex jiġi ppromwovut it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

  • Flimkien mar-Regolament (KE) Nru 181/2008 u r-Regolament (UE) Nru 546/2014, ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 jistabbilixxi r-regoli għal politika dwar il-kapaċità tal-flotta tal-UE.
  • Huma jfittxu li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ trasport bil-passaġġi fuq l-ilma intern sostenibbli u kompetittiv fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999

  • Ir-Regolament ikopri bastimenti li jittrasportaw il-merkanzija kummerċjalment. Hemm diversi eżenzjonijiet, bħal għall-bastimenti li joperaw fid-Danubju jew li jintużaw esklussivament għall-ħażna tal-oġġetti jew għat-tħammil.
  • Il-pajjiżi tal-UE li għandhom tunnellaġġ tal-flotta ta’ aktar minn 100,000 tunnellata, u bil-passaġġi fuq l-ilma konnessi ma’ pajjiżi oħrajn tal-UE, huma meħtieġa li jistabbilixxu Fond għall-Passaġġi fuq l-Ilma Interni (b’fondi ta’ riserva separati għat-trasportaturi ta’ merkanzija xotta*, tankers* u bastimenti li jimbottaw*).
  • Dawn il-fondi kellhom jiġu amministrati mill-awtoritajiet nazzjonali u jistgħu jintużaw f’2 sitwazzjonijiet:
    • f’każ ta’ “tfixkil serju tas-suq” fis-suq tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (skont it-tifsira tad-Direttiva 96/75/KE); u
    • jekk ikun hekk mitlub unanimament mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni – sa mill-bidu tal-2014, dawn il-fondi ta’ riżerva qatt ma ntużaw.
  • Ir-regolament oriġinarjament kien fih regola “qadim għall-ġdid”. Dan kien ifisser li kull sid li ried idaħħal bastiment ġdid fil-flotta kellu jew jieħu t-tunnellaġġ tal-bastiment l-antik għall-iskrapp jew iħallas il-flus. Din ir-regola intemmet taħt ir-Regolament (KE) Nru 411/2003 (li minn dakinhar ġie mħassar u mibdul bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 181/2008 — ara hawn taħt), u setgħet tiġi reattivata biss, akkompanjata bi jew mingħajr miżuri ta’ titjib strutturali, f’każ ta’ disturb serju fis-suq tax-xorta msemmi fid-Direttiva 96/75/KE.

Ir-Regolament (KE) Nru 181/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 181/2008 jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 718/1999. Huwa jistabbilixxi r-rata tal-kontribuzzjonijiet speċjali msemmija fir-Regolament (KE) Nru 718/1999 (l-Artikolu 7), il-proporzjonijiet għar-regola “qadim għall-ġdid”, u l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-kapaċità tal-flotta tal-Komunità.

Regolament Emendatorju (UE) Nru 546/2014

Skont ir-Regolament Emendatorju (UE) Nru 546/2014, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri disponibbli taħt ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 ġie estiż. Il-miżuri issa jinkludu:

  • għajnuna (bħall-informazzjoni) għall-ħaddiema fuq it-trasportaturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jitilqu mill-industrija biex jiksbu pensjoni ta’ rtirar kmieni jew jittrasferixxu għal xogħol ieħor;
  • skemi ta’ taħriġ vokazzjonali jew ta’ taħriġ mill-ġdid għall-membri tal-ekwipaġġ li jħallu l-industrija;
  • titjib tal-ħiliet fin-navigazzjoni interna u l-għarfien ta’ loġistika għall-protezzjoni tal-iżvilupp u tal-ġejjieni tal-professjoni;
  • inkoraġġiment lis-sidien-operaturi biex jissieħbu f’assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u jsaħħu l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-livell ta’ UE;
  • tħeġġiġ tat-titjib ta’ bastimenti sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet u s-sigurtà tax-xogħol;
  • inkoraġġiment tal-innovazzjoni fir-rigward ta’ bastimenti u l-prestazzjoni ambjentali mtejba tagħhom;
  • inkoraġġiment tal-użu tal-fondi ta’ riżerva flimkien ma’ strumenti finanzjarji bħal Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

MINN META SE JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 ilu japplika mid-29 ta’ April 1999.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 181/2008 ilu japplika mill-20 ta’ Marzu 2008.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) Nru 546/2014 ilu japplika mit-18 ta’ Ġunju 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Trasportaturi ta’ merkanzija xotta: bastimenti li jġorru merkanzija xotta (eż. qamħ).
Tankers: bastimenti li jġorru merkanzija mxarrba (eż. żejt).
Bastimenti li jimbottaw: bastimenti li jservu biex jimbottaw bastimenti oħrajn bħal braken iżda mhux biex iġorru merkanzija.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 tad-29 ta’ Marzu 1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 90, 2.4.1999, pp. 1-5)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 718/1999 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 181/2008 tat-28 ta’ Frar 2008 li jistabbilixxi ċerti miżuri għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika tal-kapaċità tal-flotta Komunitarja biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 56, 29.2.2008, pp. 8-12)

Ir-Regolament (UE) Nru 546/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex jiġi ppromwovut it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 163, 29.5.2014, pp. 15-17)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/75/KE tad-19 ta’ Novembru 1996 dwar is-sistemi ta’ kiri u prezzar fit-trasport nazzjonali u internazzjonali bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 304, 27.11.1996, pp. 12-14)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 02.10.2020

Top