Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Sistema ta' kumpens tal-UE għar-rifjut ta' imbarkazzjoni u d-dewmien tat-titjiriet

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Sistema ta' kumpens tal-UE għar-rifjut ta' imbarkazzjoni u d-dewmien tat-titjiriet

L-azzjoni tal-UE fil-qasam tat-trasport bl-ajru hija mmirata b'mod partikolari biex tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni għall-passiġġieri. Ir-regolament jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tal-għoti ta' kumpens lill-passiġġieri tal-ajru u ta' assistenza f'każ li ma jitħallewx jitilgħu abbord jew dewmien sostanzjali ta' titjira.

SINTEŻI

Dan ir-regolament japplika:

  • għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta' pajjiż tal-UE li għalih japplikaw it-Trattati tal-UE; u
  • għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f'pajjiż mhux tal-UE u li jkunu sejrin lejn ajruport li jkun jinsab fit-territorju ta' pajjiż tal-UE li għalih japplikaw it-Trattati tal-UE.

Bil-kundizzjoni li l-passiġġieri jkollhom prenotazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata u, ħlief f'każ ta' kanċellazzjoni, jippreżentaw ruħhom għaċ-check in fil-ħin indikat minn qabel jew jekk ma jkunx indikat ħin, sa mhux aktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

Ir-regolament jagħti drittijiet lill-passiġġieri f'dawn is-sitwazzjonijiet:

  • f'każ li ma jitħallewx jitilgħu abbord kontra r-rieda tagħhom;
  • f'każ li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata;
  • f'każ ta' dewmien fit-titjira.

Dan ir-regolament ma japplikax għall-passiġġieri li jivjaġġaw b'xejn jew b'rata mnaqqsa mhux direttament jew indirettament aċċessibbli għall-pubbliku.

Rifjut ta' imbarkazzjoni

Meta t-trasportatur tal-ajru effettiv jipprevedi raġonevolment li jista' jkun il-każ li jkollu jirrifjuta xi imbarkazzjonijiet fuq titjira, huwa għandu l-ewwel nett isejjaħ għal voluntiera li jaċċettaw li jirrinunzjaw għar-riżervazzjoni tagħhom bi skambju għal ċerti servizzi. Meta n-numru ta' voluntiera ma jkunx biżżejjed biex tkun tista' ssir l-imbarkazzjoni, it-trasportatur tal-ajru jista' jirrifjuta l-imbarkazzjoni tal-passiġġieri kontra r-rieda tagħhom billi jagħti kumpens lil dawk il-passiġġieri.

It-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħtu prijorità lill-persuni b'mobilità ristretta u lil kull persuna li takkumpanjahom.

F'każ ta' kanċellazzjoni jew ta' rifjut ta' imbarkazzjoni fuq titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom:

  • id-dritt għar-rimbors tal-biljett f'terminu ta' sebat ijiem, jew titjira lura lejn il-punt tat-tluq oriġinali tagħhom jew diverżjoni lejn id-destinazzjoni finali tagħhom;
  • id-dritt li jittieħed ħsieb tagħhom (ikel u xorb, akkomodazzjoni f'lukanda, trasport mill-ajruport tal-post tal-akkomodazzjoni, il-possibbiltà li jagħmlu żewġ telefonati b'xejn jew li jibagħtu b'xejn żewġ faxes, żewġ fotokopji jew żewġ messaġġi elettroniċi);
  • kumpens li l-ammont tiegħu jammonta għal:
    • EUR 250 għat-titjiriet kollha ta' 1 500 km jew inqas;
    • EUR 400 għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE ta' aktar minn 1 500 km u għat-titjiriet l-oħrajn kollha ta' bejn 1 500 u 3 500 km;
    • EUR 600 għat-titjiriet l-oħra kollha.

Dewmien

Ir-regolament jintroduċi sistema li tikkonsisti fi tliet kategoriji:

  • għal dewmien twil (sagħtejn jew aktar, skont id-distanza tat-titjira), il-passiġġieri għandhom jiġu offruti f'kull każ ikel u xorb kif ukoll żewġ telefonati, telex, fax jew emails, b'xejn;
  • jekk il-ħin tat-tluq ikun previst għall-għada, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti wkoll akkomodazzjoni f'lukanda u trasport sal-post ta' akkomodazzjoni u minn hemm sal-ajruport;
  • jekk id-dewmien ikun ta' mill-inqas ta' ħames siegħat, il-passiġġieri jistgħu jagħżlu r-rimbors tal-prezz sħiħ tal-biljett flimkien ma', jekk ikun il-każ, titjira lura sal-punt tat-tluq inizjali.

Sopraklassifikazzjoni u diklassifikazzjoni

Jekk trasportatur tal-ajru jpoġġi passiġġier fi klassi inferjuri minn dik li għaliha jkun inxtara l-biljett, huwa jiġi rrimborsat, f'terminu ta' sebat ijiem skont kif ġej:

  • 30 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha ta' 1 500 km jew inqas;
  • 50 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha ġewwa l-UE ta' aktar minn 1 500 km, ħlief għat-titjiriet bejn il-pajjiżi tal-UE u d-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, kif ukoll għat-titjiriet l-oħrajn kollha ta' 1 500 km sa 3 500 km;
  • 75 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha li ma jaqgħux taħt il-punti preċedenti, inklużi t-titjiriet bejn il-pajjiżi tal-UE u d-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fis-17 ta' Frar 2005.

SFOND

Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 - Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1–8)

l-aħħar aġġornament 13.12.2015

Top