Help Print this page 
Title and reference
Sigurtà fit-triq: dimensjonijiet awtorizzati u piżijiet massimi għat-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċis.

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sigurtà fit-triq: dimensjonijiet awtorizzati u piżijiet massimi għat-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċis.

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva Nru 96/53/KE — dimensjonijiet u piżijiet ta’ vetturi kummerċjali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi l-limiti massimi għal vetturi tqal tal-merkanzija, karozzi tal-linja u kowċis li joffru trasport internazzjonali fi ħdan l-UE.

Din teħtieġ li l-kumpaniji nazzjonali tat-trasport jissodisfaw l-istandards stabbiliti għat-trasport internazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Fit-traffiku internazzjonali u nazzjonali, id-direttiva tistabbilixxi l-limiti massimi għad-dimensjonijiet ta’:

vetturi tal-merkanzija b’piż ta’ aktar minn 3.5 tunnellati,

vetturi tal-passiġġieri li jġorru aktar minn 9 persuni.

Fit-traffiku internazzjonali tistipula wkoll limiti massimi għall-piż u ċerti karatteristiċi oħra tal-vetturi definiti fl-annessi għad-direttiva.

X’inhu permess?

Fit-trasport internazzjonali, kwalunkwe vettura li taqbeż il-limiti stabbiliti ma titħalliex tuża t-toroq ta’ pajjiż tal-UE, ħlief b’permessi speċjali.

Fit-trasport nazzjonali, kwalunkwe vettura li taqbeż il-limiti stabbiliti fuq id-dimensjonijiet ma titħalliex tuża t-toroq ta’ pajjiż tal-UE. Madankollu, hemm diversi derogi għal dawn il-limiti, inkluż:

għat-tul tal-vetturi b’karatteristiċi aerodinamiċi ddisinjati sabiex iżidu l-effiċjenza fl-enerġija,

tul tal-vetturi ddisinjati sabiex jittrasportaw oġġetti partikolari bħall-injam;

għall-piż tal-vetturi li jittrasportaw kontejners fit-trasport ikkombinat*.

Vetturi minn pajjiż tal-UE wieħed li jaqgħu fi ħdan il-limiti stabbiliti jridu jitħallew jużaw it-toroq ta’ pajjiż tal-UE ieħor, bl-eċċezzjoni possibbli ta’ xi partijiet minn toroq limitati bħal villaġġi żgħar jew postijiet ta’ interess speċjali, fejn l-amministrazzjoni tista’ tistabbilixxi limiti aktar baxxi. Il-pajjiżi tal-UE jitħallew ikollhom limiti ogħla fuq il-piżijiet għat-trasport nazzjonali fit-territorji tagħhom, u li jittestjaw teknoloġiji ġodda fuq vetturi li jaqbżu l-limiti stabbiliti għal perjodu ta’ żmien limitat.

Konformità

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-vetturi jkunu jistgħu juru li jikkonformaw mar-regoli, billi jipprovdu jew:

pjanċa tal-fabbrikant bi pjanċa addizzjonali li turi d-dimensjonijiet,

pjanċa singola li jkun fiha ż-żewġ indikazzjonijiet t’hawn fuq,

dokument maħruġ mill-pajjiż tal-UE fejn ġiet irreġistrata l-vettura, li jkun fih l-istess informazzjoni.

L-infurzar tar-regoli

Il-gvernijiet nazzjonali jiddeċiedu kif jiġu infurzati r-regoli u liema pieni huma imposti jekk jinqabżu l-limiti. Għandu jintbagħat rapport lill-Kummissjoni Ewropea kull sentejn li jistabbilixxi:

l-għadd ta’ verifiki mwettqa fis-sentejn kalendarji preċedenti,

l-għadd ta’ vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi mgħobbija żżejjed identifikati.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Settembru 1996. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jittrasponuha fid-dritt nazzjonali sas-16 ta’ Settembru 1997.

SFOND

Piżijiet u dimensjonijiet fit-toroq

TERMINI EWLENIN

* Trasport ikkombinat: trasport ta’ merkanzija li jinvolvi kombinazzjoni ta’ trasport bit-triq u trasport alternattiv bil-ferrovija u/jew trasport ibbażat fuq l-ilma. L-użu ta’ dawn il-mezzi alternattivi għandu jkun għall-biċċa l-kbira tal-vjaġġ, filwaqt li l-użu tat-trasport stradali għandu jkun limitat għal distanzi qosra fil-bidu u/jew fit-tmiem tal-vjaġġ.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59–75)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 96/53/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 10.11.2015

Top