EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Armonizzazzjoni tar-rekwiżiti u l-proċeduri tal-avjazzjoni ċivili

 

SOMMARJU TA’:

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jintroduċi regoli uniformi madwar l-UE kollha li jispeċifikaw is-sikurezza minima u proċeduri relatati għall-avjazzjoni kummerċjali tal-ġwienaħ fissi tal-passiġġieri u l-merkanzija.

PUNTI EWLENIN

Applikazzjoni

  • Ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, li jkopri l-operat u l-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru kif ukoll l-individwi u l-organizzazzjonijiet involuti f’dawk il-kompiti. Dawn ir-rekwiżiti u l-proċeduri japplikaw għall-inġenji tal-ajru kollha użati mill-operaturi tal-UE.
  • Il-pajjiżi tal-UE kienu responsabbli biex jiżguraw li l-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili tagħhom issodisfaw ir-rekwiżiti għas-sħubija fl-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni kif speċifikat fl-arranġamenti (JAR qabel l-1 ta’ Jannar 1992).
  • Bħalissa, dan ir-regolament jibqa’ fis-seħħ minħabba li r-regoli nazzjonali dwar limiti ta’ ħin għat-titjir u l-ħidma u rekwiżiti ta’ mistrieħ fir-rigward ta’ taxi tal-ajru, servizzi mediċi ta’ emerġenza u operazzjonijiet ta’ trasport kummerċjali bl-ajru bi bdot wieħed permezz tal-ajruplani huma fis-seħħ bis-saħħa tal-Artikolu 8 tiegħu.

Kwistjonijiet ta’ sigurtà

  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jieħdu azzjoni immedjata dwar problemi ta’ sikurezza li jikkonċernaw prodott, persuna jew korp kopert b’dan ir-regolament, irrispettivament mir-regoli ta’ hawn fuq.
  • Fejn il-livelli ta’ sikurezza jinstabu li mhumiex adegwati jew għandhom nuqqasijiet taħt ir-rekwiżiti u l-proċeduri komuni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel proposti xierqa biex tirrimedja s-sitwazzjoni.
  • F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jaqblu ma’ eċċezzjonijiet mir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi koperti minn dan ir-regolament, sakemm ikunu konformi mal-għanijiet ta’ sikurezza tiegħu.

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA)

Il-Kummissjoni se tkun megħjuna mill-EASA meta tabbozza kwalunkwe emenda għar-rekwiżiti relatati mal-ekwipaġġ tal-kabina u mal-limitazzjonijiet tal-ħin tat-titjira u tax-xogħol.

Revoka

Ir-Regolament (KEE) Nru 3922/91 se jiġi revokat bir-Regolament (UE) 2018/1139 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi l-EASA (ara s-sommarju).

Ir-revoka se tkun mid-data tal-applikazzjoni tar-regoli dettaljati dwar limiti ta’ ħin għat-titjir u l-ħidma u rekwiżiti ta’ mistrieħ fir-rigward ta’ taxi tal-ajru, servizzi mediċi ta’ emerġenza u operazzjonijiet ta’ trasport kummerċjali bl-ajru bi bdot wieħed permezz tal-ajruplani li għad iridu jiġu adottati (ara l-Artikolu 32(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1139).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1992.

SFOND

Ara wkoll:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 373, 31.12.1991, pp. 4-8)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, pp. 1-122)

l-aħħar aġġornament 29.06.2020

Top