EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-trasport bil-baħar— provvista ta’ servizzi, kompetizzjoni, ipprezzar inġust u aċċess għall-kummerċ fuq l-oċeani

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Dawn għandhom l-għan li jorganizzaw it-trasport marittimu f’konformità mal-prinċipji bażiċi tal-liġi tal-UE biex jiġu pprovduti servizzi, kompetizzjoni, u aċċess liberu għas-suq fit-trasport bil-baħar.

PUNTI EWLENIN

Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

Ir-Regolament Nru 4055/86:

  • jagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi tal-UE (u kumpaniji marittimi mhux tal-UE li jużaw bastimenti rreġistrati f’pajjiż tal-UE u kkontrollati minn ċittadini tal-UE) id-dritt li jġorru passiġġieri jew merkanzija bil-baħar bejn il-portijiet ta’ pajjiż tal-UE u l-portijiet jew l-istallazzjonijiet lil hinn mill-kosta ta’ pajjiż ieħor tal-UE jew pajjiż mhux tal-UE;
  • jeħtieġ li kwalunkwe restrizzjoni nazzjonali li tirriserva t-trasport ta’ merkanzija għall-bastimenti li jtajru l-bandiera nazzjonali għandha tiġu eliminata jew aġġustata, u ma jippermettix l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda;
  • jistabbilixxi proċedura għal każijiet fejn kumpaniji marittimi m’għandhomx oppportunità effettiva biex iġġorru merkaniżiji lejn u minn pajjiż partikolari mhux tal-UE;
  • jestendi l-benefiċċji tar-regolament lil ċittadini mhux tal-UE stabbiliti fl-UE.

Ir-Regolament Nru 3577/92/KEE jittratta speċifikament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-trasport marittimu fi ħdan il-pajjiżi tal-UE (“kabotaġġ marittimu”*).

Ipprezzar inġust fit-trasport marittimu

Ir-Regolament Nru 4057/86:

  • jawtorizza lill-UE tapplika dazji rimedjanti sabiex tipproteġi lis-sidien ta' bastiment f’pajjiżi tal-UE minn prattiki ta' pprezzar inġusti min-naħa tas-sidien ta’ bastimenti mhux tal-UE. Dawn id-dazji rimedjanti jistgħu jiġu imposti wara li investigazzjoni turi li ġiet ikkawżata ħsara minħabba prezzijiet inġusti u li l-interessi tal-UE jagħmlu l-intervent neċessarju;
  • rigward l-eżaminazzjoni tal-ħsara, jistabbilixxi l-fatturi jew l-indikaturi relevanti li għandhom jitqiesu, eż. tnaqqis fis-sehem mis-suq jew fil-profitti tas-sidien ta’ bastimenti, jew l-effett fuq l-impjiegi;
  • jistabbilixxi proċedura għal ilmenti, konsultazzjonijiet u investigazzjonijiet sussegwenti.

Aċċess liberu għall-kummerċ fuq l-oċeani

Ir-Regolament (KEE)Nru 4058/86:

  • japplika meta azzjoni minn pajjiż mhux tal-UE jew l-aġenti tiegħu tirrestrinġi l-aċċess liberu għat-trasport ta’ tagħbijiet ta' merkanzija tal-linja, tagħbijiet ta' merkanzija bl-ingrossa jew tagħbijiet ta' merkanzija oħra minn kumpaniji marittimi tal-UE jew minn bastimenti rreġistrati f’pajjiż tal-UE (ħlief fejn din l-azzjoni tittieħed f’konformità mal-Kodiċi dwar bastimenti tal-linja tal-Ġnus Magħquda);
  • jippermetti azzjoni kkoordinata mill-UE wara li ssir talba minn pajjiż tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea. Din l-azzjoni tista’ tinkludi rappreżentazzjoni diplomatika lil pajjiżi mhux tal-UE u kontromiżuri diretti lejn il-kumpaniji marittimi kkonċernati;
  • jippermetti li tittieħed azzjoni kkordinata simili fuq talba ta’ pajjiż ieħor li jappartjeni għall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi li magħha ġie konkluż ftehim reċiproku.

Regoli tal-kompetizzjoni

Ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni tal-UE stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1/2003 japplikaw ukoll fis-settur tat-trasport marittimu tal-UE. Madankollu, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 246/2009, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi eċċezzjonijiet għal ċerti tipi ta’ kooperazzjoni bejn kumpaniji tat-tbaħħir tal-linja* (konsorzji*). Il-Kummissjoni għalhekk adottat ir-Regolament (KE) Nru 906/2009, li jippermetti dawn l-eċċezzjonijiet, u estendietu sal-25 ta’ April 2020 bir-Regolament (UE Nru 697/2014.

META JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1987.
  • Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 4057/86 u (KEE) Nru 4058/86 ilhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 1987.
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ilu japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 246/2009 ilu japplika mill-14 ta’ April 2009.
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 906/2009 ilu japplika mis-26 ta’ April 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Kabotaġġ: meta kumpanija li ġġorr merkanzija, irreġistrata f’pajjiż wieħed tal-UE, twettaq trasport nazzjonali f’pajjiż ieħor tal-UE.
Tbaħħir tal-linja: il-ġarr regolari tal-merkanzija fuq rotta jew rotot partikolari bejn il-portijiet, f’dati u ħinijiet notifikati minn qabel, u disponibbli lil kwalunkwe utent li jħallas għat-trasport, anke jekk fuq bażi okkażjonali.
Konsorzji: ftehimiet (jew settijiet ta’ ftehimiet) bejn żewġ trasportaturi marittimi jew aktar li jipprovdu servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu għall-ġarr ta’ tagħbijiet relatati ma’ kummerċ wieħed jew aktar biss. L-għan tagħhom huwa li jipprovdu servizz konġunt ta’ trasport marittimu li huwa aħjar mis-servizz li kull wieħed mill-membri seta’ offra individwalment (jiġifieri mingħajr il-konsorzju).

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, 31.12.1986, pp. 1–3)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KEE) Nru 4055/86 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4057/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 dwar prattiċi ta' prezzijiet mhux ġusti fit-trasport marittimu (ĠU L 378, 31.12.1986, pp. 14–20)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4058/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 dwar azzjoni koordinata sabiex jiġi ssalvagwardat l-aċċess liberu għal tagħbijiet ta' merkanzija f'kummerċ fuq l-oċeani (ĠU L 378, 31.12.1986, pp. 21–23)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1–25)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 246/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (consortia) (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 79, 25.3.2009, pp. 1-4)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 906/2009 tat-28 ta’ Settembru 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 (3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji marittimi tal-linja (consortia) (ĠU L 256, 29.9.2009, pp. 31–34)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 17.10.2016

Top