EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-investituri meta ditta tal-investiment tfalli

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 97/9/KE dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tipproteġi lill-investituri wara l-falliment ta’ ditta tal-investiment.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva teħtieġ li pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) jistabbilixxu skema waħda jew aktar ta’ kumpens għall-investitur*. Id-ditti kollha ta’ investimenti li jipprovdu servizzi ta’ investiment għandhom jappartjenu għal skema bħal din (istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jiġu eżentati diment li jkunu diġà jappartjenu għal skema li tiggarantixxi protezzjoni li tkun mill-inqas ekwivalenti għal dik fornuta taħt skema ta’ kumpens u diment li jkunu jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet speċifiċi).
  • L-iskema ta’ kumpens topera meta:
    • l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li fl-opinjoni tagħhom, ditta ta’ investiment tkun tidher, għal dak iż-żmien, li ma tkunx tista’ tlaħħaq mal-obbligazzjonijiet tagħha li joriġinaw mill-pretensjonijiet tal-investituri u li ma jkollhiex prospett fil-qrib li tkun tista’ tagħmel dan; jew
    • awtorità ġudizzjarja tkun ħarġet sentenza li jkollha l-effett li tissospendi l-abbiltà tal-investituri li jkunu jistgħu jagħmlu talbiet kontra tagħha.
  • Għandha tiġi pprovduta kopertura għal talbiet li joriġinaw minn nuqqas li ditta tal-investiment tkun tista’:
    • tħallas lura flejjes dovuti minnha jew li jappartienu lill-investituri u miżmuma f’isimhom b’konnessjoni man-negozju tal-investiment; jew
    • trodd lura lill-investituri xi strumenti li jappartienu lilhom u miżmuma, amministrati jew ġestiti f’isimhom b’konnessjoni man-negozju tal-investiment.
  • Meta ditta ta’ investiment hija wkoll istituzzjoni ta’ kreditu, il-pajjiż tal-oriġini tal-UE jiddeċiedi liema direttiva għandha tapplika għal pretensjonijiet monetarji: id-Direttiva msemmija hawn fuq jew dik li tirregola skemi ta’ garanzija ta’ depożitu. Ebda talba fir-rigward ta’ ammont wieħed mhija eliġibbli għal kumpens taħt iż-żewġ direttivi.
  • Id-Direttiva tistipula livell minimu ta’ kumpens tal-UE għal kull investitur ta’ EUR 20 000, u fl-istess ħin tawtorizza lill-pajjiżi tal-UE jipprovdu għal livell ogħla ta’ kumpens jekk jixtiequ jagħmlu dan. Madankollu, ċerti kategoriji ta’ investituri jistgħu jiġu esklużi mill-pajjiżi tal-UE mill-kopertura tal-iskema jew jistgħu jingħataw livell ta’ kopertura aktar baxx. L-arranġamenti għall-organizzazzjoni u għall-finanzjament tal-iskemi jitħallew għad-diskrezzjoni tal-pajjiżi tal-UE.
  • Għandhom jiġu segwiti xi proċeduri meta ditta ta’ investiment ma tikkonformax mal-obbligazzjonijiet tagħha bħala membru ta' skema (penali li jaslu sa esklużjoni).
  • Friegħi ta’ ditti ta’ investiment jistgħu jissieħbu fi skemi ta’ kumpens fil-pajjiż ospiti jekk jixtiequ.
  • Il-kopertura tapplika għal pretensjonijiet aggregati mill-investitur, irrispettivament min-numru ta’ kontijiet, il-valuta u l-lokalità fl-UE. Madankollu, fil-każ ta’ negozju ta’ investiment konġunt, it-talbiet jinqasmu b'mod ugwali bejn l-investituri.
  • L-iskema ta’ kumpens tista’ tiffissa perjodu li matulu, l-investituri għandhom jissottomettu t-talbiet tagħhom. Il-fatt li dak il-perjodu skada ma jistax, madankollu, ikun invokat mill-iskema sabiex iċċaħħad kopertura lill-investitur. Pretensjoni tal-investitur għandha tiġi ssodisfata fi żmien massimu ta’ tliet xhur mill-istabbiliment tal-eliġibiltà u mill-ammont tat-talba.
  • Hemm obbligi stabbiliti rigward l-informazzjoni li għandha tiġi fornuta lill-investituri.
  • Il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta biex temenda d-Direttiva f’Lulju 2010. Dan seħħ fid-dawl tal-iżviluppi minn meta d-Direttiva daħlet fis-seħħ u l-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2008. L-emenda proposta ġiet informata wkoll minn evalwazzjoni li saret fl-2009. Il-proposta setgħet:
    • żiedet il-limitu tal-kumpens għal EUR 50 000;
    • naqset id-dewmien tal-iżborż;
    • teħtieġ li skemi jkunu ffinanzjati minn qabel permezz ta’ ammont minimu komuni u li jestendu l-kopertura għal entitajiet ta’ partijiet terzi speċifiċi.
  • Il-proposta ġiet irtirata f’Marzu 2015 minħabba nuqqas ta’ progress fin-negozjati bejn il-koleġiżlaturi (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea).

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-26 ta’ Marzu 1997. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sas-26 ta’ Settembru 1998.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

skema ta’ kumpens għall-investitur: skema li tipproteġi investituri li jużaw servizzi ta’ investiment. Din tipprovdihom b’kumpens f’każijiet fejn ditta ta’ investiment ma tistax treġġa’ lura assi li jappartjenu għalihom.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22-31)

l-aħħar aġġornament 06.10.2016

Top