Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID) u servizzi tal-investiment

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID) u servizzi tal-investiment

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija maħsuba biex issaħħaħ is-sett ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) għal servizzi ta’ investiment u swieq regolati bil-għan li tilħaq żewġ għanijiet ewlenin:

  • il-protezzjoni tal-investituri u s-salvagwardja tal-integrità tas-suq billi tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati li jirregolaw l-attivitajiet tal-intermedjarji awtorizzati;
  • il-promozzjoni ġusta, trasparenti, effiċjenti u integrata tas-swieq finanzjarji.

PUNTI EWLENIN

Kundizzjonijiet u proċeduri ta’ awtorizzazzjoni

  • Id-direttiva teħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jarmonizzaw ir-regoli li jirregolaw is-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment. Għal dan il-għan, il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti lil ditti tal-investiment joperaw ġewwa l-UE kollha. Dawn id-ditti għandhom ikunu rreġistrati u r-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Kull awtorizzazzjoni tiġi nnotifikata lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).
  • L-ESMA tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji. Barra minn hekk, hija tgħin lill-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE u fl-evalwazzjoni tas-swieq tagħhom.
  • Fi kliem ieħor, id-direttiva għandha tippermetti lill ditti tal-investiment, banek u boroż joffru s-servizzi tagħhom bejn fruntiera u oħra fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżhom. Billi l-awtorizzazzjoni hija soġġetta għall-istess kundizzjonijiet fil-pajjiżi kollha tal-UE, hija tippromwovi l-armonizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw id-ditti tal-investiment.
  • F’dan il-kuntest, id-Direttiva hija maħsuba sabiex tallinja regoli nazzjonali li jirregolaw il-provvediment ta’ servizzi ta’ investiment u l-operat ta’ boroż, bil-għan aħħari li toħloq “ktieb tar-regoli tat-titoli” uniku Ewropew. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-investituri, l-emittenti u partijiet oħrajn interessati fis-suq billi jippromwovi swieq effiċjenti u kompetittivi.

Stima prudenzjali

  • Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-valutazzjoni tal-proċedura u l-kriterji tal-ilħuq ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti*. Għandha l-għan li tarmonizza:
    • il-limiti tan-notifika għal akkwist previst jew id-disponiment ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti;
    • il-valutazzjoni tal-proċedura; u
    • il-lista tal-kriterji ta' valutazzjoni.
  • F’dan il-kuntest ta’ akkwiżizzjoni prevista, il-valutazzjoni prudenzjali tal-azzjonisti u tal-amministrazzjoni tissodisfa l-kriterji dettaljati u hija mwettqa b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti.
  • Id-Direttiva tiddikjara b’mod partikolari li l-awtoritajiet kompetenti jiġġudikaw l-adegwatezza tal-akkwirent propost u l-istabilità finanzjarja tal-akkwist previst fuq il-bażi ta’:
    • ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ dawk li jmexxu n-negozju tal-kumpanija tal-assigurazzjoni wara l-akkwist previst;
    • l-istabilità finanzjarja tal-akkwirent propost;
    • l-eżistenza ta’ raġunijiet raġonevoli li jwasslu għal suspett ta’ operazzjoni jew tentattiv ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ terroriżmu finanzjarju.

Il-protezzjoni tal-investituri

  • Id-Direttiva ttejjeb il-protezzjoni tal-investitur b'mod konsiderevoli billi tistabbilixxi regoli ta' kondotta għan-negozju għall-għoti ta’ servizzi ta’ investiment lill-klijenti u standards minimi għall-mandat u l-poteri li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Hija tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi effettivi għall-kooperazzjoni f’ħin reali fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tar-regoli.

It-trasparenza u l-integrità tas-suq

  • Id-Direttiva toħloq obbligu għas-salvagwardja tal-integrità tas-suq, biex tirrapporta tranżazzjonijiet u żżomm ir-rekords. L-AETS għandha aċċess għal din l-informazzjoni.
  • B’mod partikolari, hija tistabbilixxi obbligi ta’ trasparenza ta’ qabel in-negozjar. Dan jeħtieġ li “internalizzaturi” (jiġifieri ditti li jinnegozjaw akkont tagħhom infushom billi jwettqu l-ordnijiet tal-klijenti barra minn swieq regolati jew faċilitajiet tan-negozjar multilaterali) jiddivulgaw il-prezzijiet li bihom huma lesti jixtru minn u/jew ibigħu lill-klijenti tagħhom. Madanakollu, hija tillimita dan l-obbligu tad-divulgazzjoni għal tranżazzjonijiet mhux ogħla mid-daqs standard tas-suq, definiti bħala d-daqs medju tal-ordnijiet imwettqa fis-suq.
  • Dan ifisser li broker-dealers tal-bejgħ bl-ingrossa Ewropej mhumiex soġġetti għar-regola ta’ trasparenza ta’ qabel il-kummerċ u mhumiex esposti għal riskji sinifikanti fir-rwol tagħhom bħala dawk li jiffurmaw is-suq.
  • Kull pajjiż tal-UE huwa responsabbli biex jistabbilixxi lista ta’ swieq regolati u li jikkomunikawha lill-pajjiżi l-oħrajn tal-UE u lill-AETS.

Il-protezzjoni tal-operatur

  • Id-Direttiva tinkludi sett ta’ miżuri protettivi għall-“internalizzaturi sistematiċi” meta jkunu obbligati jikkwotaw prezzijiet, biex ikunu jistgħu jipprovdu dan is-servizz essenzjali lill-klijenti mingħajr ma jidħlu f’riskji mhux mixtieqa. Dawn il-miżuri jinkludu l-possibilità li l-prezzijiet ikkowtati jiġu aġġornati jew irtirati.
  • Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll suq ġust għall-investituri tax-xiri bl-imnut. Hija tipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji milli jiddiskriminaw bejn investituri bħal dawn, eż. billi joffru lil xi wħud minnhom titjib fil-prezzijiet ikkwotati pubblikament.

Il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-ESMA u lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi l-oħrajn tal-UE. L-awtoritajiet kompetenti jaġixxu bħala punt ta’ kuntatt fil-pajjiżi Ewropej. L-EMSA żżomm lista aġġornata ta’ dawn l-awtoritajiet. Dawn l-awtoritajiet huma mitluba jikkooperaw mill-qrib mal-ESMA.
  • Pajjiżi tal-UE u l-ESMA jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni rigward:
    • is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu;
    • il-proċeduri ta’ likwidazzjoni u falliment ta’ ditti;
    • il-proċeduri ta’ verifiki statutorji tal-kontijiet ta’ ditti tal-investiment;
    • is-superviżjoni tal-korpi involuti fil-proċeduri ta’ likwidazzjoni u l-falliment tad-ditti tal-investiment;
    • is-superviżjoni tal-persuni inkarigati mit-twettiq tal-verifiki statutorji tal-kontijiet tal-impriżi tal-assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, id-ditti tal-investiment u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

Regoli addizzjonali

  • Id-Direttiva hija maħsuba biex ittejjeb ir-regoli tal-UE fis-swieq tat-titoli. Hija għalhekk tistabbilixxi l-obbligi ġenerali li l-awtoritajiet ta’ pajjiżi tal-UE għandhom jinfurzaw.
  • Miżuri, rapporti u reviżjonijiet ta’ implimentazzjoni huma adottati mill-Kummissjoni wara konsultazzjonijiet mal-parteċipanti fis-suq mill-pajjiżi tal-UE u filwaqt li jikkunsidraw l-opinjonijiet tal-ESMA.

Riformulazzjoni

Id-Direttiva 2004/39/KE ġiet aġġornata mid-Direttiva 2014/65/UE (“MiFID II”), fi sforz biex tinkorpora l-emendi sinifikanti li saru fit-test matul iż-żmien.

Flimkien mar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-atti u r-regolamenti delegati tagħhom, id-Direttiva 2014/65/UE se tissostitwixxi din id-direttiva sa mit-3 ta’ Jannar 2018. (Id-Direttiva 2014/65/UE oriġinarjament kellha tidhol fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2017 iżda din id-data ġiet posposta b’sena għat-3 ta’ Jannar 2018 mid-Direttiva (UE) 2016/1034).

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-30 ta’ April 2004. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Jannar 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Parteċipazzjoni kwalifikanti: tfisser kull parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’ditta tal-investiment li tirrappreżenta 10 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot jew li jagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tad-ditta tal-investiment li fiha jinżamm dan is-sehem

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1–44)

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2004/39/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għar-referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349–496)

Ara l-verżjoni konsolidata

Id-Direttiva 2011/61/UE tat-8 ta’ Ġunju 2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta' Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1–73)

Ara l-verżjoni konsolidata

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta' ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta' dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26–58)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 tal-10 ta’ Awwissu 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligi tad-ditti ta’ investiment li jżommu r-reġistri, ir-rapportaġġ tat-tranżazzjonijiet, it-trasparenza tas-suq, l-ammissjoni ta’ l-istrumenti finanzjarji għan-negozjar, u t-termini ddefiniti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1-25)

l-aħħar aġġornament 11.10.2016

Top