Help Print this page 
Title and reference
Id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali

Hija tistabbilixxi l-arranġamenti li permezz tagħhom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jivvotaw jew jitfgħu l-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali* fi kwalunkwe pajjiż tal-UE fejn jgħixu.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta' Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi l-arranġamenti li permezz tagħhom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jivvotaw jew jitfgħu l-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali* fi kwalunkwe pajjiż tal-UE fejn jgħixu.

PUNTI EWLENIN

Kwalunkwe ċittadin tal-UE li mhuwiex ċittadin nazzjonali tal-pajjiż tal-UE fejn jgħix għandu d-dritt li jivvota u li jitfa’ l-kandidatura tiegħu f’elezzjonijiet muniċipali f’dak il-pajjiż taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dak il-pajjiż.

Sabiex jieħdu sehem fl-elezzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE għandhom japplikaw biex ikunu fuq ir-reġistru elettorali tal-pajjiż tar-residenza tagħhom, billi jipprovdu l-istess dokumenti ta’ sostenn bħall-votanti nazzjonali. F’pajjiżi fejn il-votazzjoni hija obbligatorja, dawn ikunu koperti wkoll minn dan l-obbligu.

Jekk, sabiex ikunu jistgħu jivvotaw jew jitfgħu l-kandidatura tagħhom, iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiż ta’ residenza tal-UE huma mitluba li jkunu residenti għal perjodu minimu, iċ-ċittadini tal-UE minn barra l-pajjiż jistgħu jgħoddu perjodu ekwivalenti li jqattgħu f’pajjiżi oħrajn tal-UE lejn ir-rekwiżit.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jċaħħdu liċ-ċittadini tal-UE d-dritt li jitfgħu l-kandidatura tagħhom jekk huma:

ikunu tilfu dan id-dritt skont il-liġi tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom fl-UE bħala riżultat ta’ deċiżjoni individwali mogħtija skont il-liġi ċivili jew kriminali;

ma jkunux jistgħu jipproduċu dikjarazzjoni tan-nazzjonalità jew tar-residenza tagħhom, jew ċerti dokumenti oħrajn li jagħtu prova tal-identità tagħhom, jekk ikun hemm bżonn.

F’xi ċirkostanzi, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li l-kariga bħala persuna eletta f’elezzjoni muniċipali fil-pajjiż tar-residenza hija inkompatibbli mal-karigi miżmuma f’pajjiżi oħrajn tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jirriservaw ċerti karigi eletti għoljin għaċ-ċittadini nazzjonali tagħhom stess, jew li ċ-ċittadini eletti ta’ pajjiżi oħrajn tal-UE ma jistgħux jinnominaw delegati li mbagħad ikunu jistgħu jeleġġu membri ta’ assemblea parlamentari, jew jivvotaw f’dik l-assemblea.

Id-Direttiva tirrikonoxxi wkoll eċċezzjonijiet għal:

kwalunkwe pajjiż tal-UE fejn il-proporzjon ta’ ċittadini tal-UE fl-età li jistgħu jivvotaw u li jirrisjedu hemmhekk, iżda li mhumiex ċittadini nazzjonali tiegħu, jaqbeż l-20 % tal-elettorat totali, u

iċ-ċittadini tal-UE li diġà għandhom id-dritt li jivvotaw fl-elezzjonijiet għall-parlament nazzjonali tal-pajjiż tar-residenza tagħhom fl-UE.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Mill-20 ta' Jannar 1995.

TERMINU EWLIENI

* Elezzjonijiet muniċipali: L-elezzjonijiet miftuħin għar-residenti adulti kollha eliġibbli fil-livell bażiku tal-gvern lokali, kif elenkati fl-Anness għad-Direttiva.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 94/80/KE

20.1.1995

31.12.1995

ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38-47

L-emendi suċċessivi għall-Annessi tad-Direttiva 94/80/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top