Help Print this page 
Title and reference
Avukati li jipprattikaw barra l-pajjiż fuq bażi permanenti — regoli tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Avukati li jipprattikaw barra l-pajjiż fuq bażi permanenti — regoli tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 98/5/KE — il-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti f’pajjiż tal-UE minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Id-direttiva tippermetti lill-avukati li jikkawlifikaw f’pajjiż tal-UE wieħed jipprattikaw fuq bażi permanenti f’pajjiż ieħor taħt it-titolu professjonali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Id-direttiva tapplika għal ċittadini tal-UE, awtorizzati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ “avukat” , iżda s-sistema testendi wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi taż- Żona Ekonomika Ewropea u l-Isvizzera.

PUNTI EWLENIN

Id-dritt li tipprattika

L-avukati jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom fuq bażi permanenti f’pajjiż ieħor tal-UE taħt it-titolu professjonali miksub fil-pajjiż tal-UE tal-oriġini tagħhom.

Dawk li jkunu jixtiequ jagħmlu dan iridu jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE ospitanti.

Oqsma ta’ attività

L-avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom jistgħu jkomplu jwettqu l-istess attivitajiet professjonali bħall-avukati tal-pajjiż ospitanti, b’ċerti eċċezzjonijiet.

Jistgħu jagħtu pariri kemm dwar il-liġi tal-pajjiż tal-UE tal-oriġini kif ukoll ta' dak ospitanti, kif ukoll dwar il-liġi tal-UE u dik internazzjonali. Fir-rigward ta’ attivitajiet b’rabta mar-rappreżentazzjoni jew difiża ta’ klijent fi proċeduri legali, l-avukati li jkunu kkawlifikaw xi mkien ieħor minbarra l-pajjiż inkwistjoni jistgħu jkunu meħtieġa jaħdmu flimkien ma’ avukat lokali.

Pożizzjoni ugwali

L-avukati minn pajjiżi tal-UE oħrajn jistgħu jiksbu wkoll it-titolu professjonali tal-pajjiż tal-UE ospitanti taħt ċerti kundizzjonijiet. Iridu jkunu attivi b’mod effettiv u regolari għal perjodu ta’ tliet snin fil-pajjiż ospitanti u jrid ikun kellhom prattika suffiċjenti fil-liġi tal-pajjiż ospitanti matul dak il-perjodu.

Jekk l-attività fil-liġi tal-pajjiż ospitanti ma tkunx suffiċjenti, l-avukati li jkunu kwalifikaw barra l-pajjiż ospitanti xorta jistgħu jiksbu t-titolu professjonali tal-pajjiż ospitanti billi juru lill-awtoritajiet kompetenti li huma kisbu l-għarfien neċessarju permezz ta’ mezzi oħra (eż. attendenza għal lectures jew seminars).

Prattika bi sħab

Fejn pajjiż tal-UE ospitanti jippermetti prattiki bi sħab, avukat wieħed jew aktar li jappartjenu għal grupp fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala membri tal-grupp tagħhom fil-pajjiż ospitanti.

Kondotta professjonali

L-avukati li jipprattikaw fuq bażi permanenti f’pajjiż tal-UE ieħor għandhom josservaw ir-regoli ta’ kondotta professjonali tal-pajjiż ospitanti, anki jekk jibqgħu soġġetti għad-deontoloġija tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Proċeduri dixxiplinari

L-avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom huma soġġetti għal proċeduri dixxiplinari fil-pajjiż tal-UE ospitanti.

META TIDĦOL FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA?

Fl-14 ta’ Marzu 1998. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jittrasponuha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sal-14 ta’ Marzu 2000.

SFOND

Strumenti legali oħrajn tal-UE japplikaw ukoll għall-professjoni legali. Dawn huma relatati ma’:

il-possibbiltà li jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja jew okkażjonali (Direttiva 77/249/KEE), jew

ir-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali, sabiex jiksbu integrazzjoni immedjata fil-professjoni fil-pajjiż tal-UE ospitanti (Direttiva 2005/36/KE).

ATT

Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU L 77, 14.3.1998, p. 36-43)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 98/5/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, 26.3.1977, p. 17-18). Ara l-verżjoni konsolidata.

Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22-142). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.10.2015

Top