Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet: proċeduri ta’ reviżjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet: proċeduri ta’ reviżjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE dwar il-proċeduri tal-akkwist fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jiżguraw li deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet fis-settur tal-utilitajiet, kif ukoll deċiżjonijiet preliminari ta' proċedura f’dak il-kuntest, ikunu jistgħu jiġu riveduti malajr u b’mod effettiv għar-raġuni li dawk id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kuntratti pubbliċi.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva 92/13/KEE tapplika għal kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet fis-settur tal-utilitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli sostantivi relevanti (id-Direttiva 2014/23/UE u d-Direttiva 2014/25/UE, filwaqt li din tal-aħħar tissostitwixxi d-Direttiva 2004/17/KE mit-18 ta’ April 2016).
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta' reviżjoni jkunu disponibbli tal-anqas għal kull persuna li jkollha jew ikun kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew qiegħda f’riskju li tiġi ppreġudikata minn ksur allegat.
  • Id-Direttiva 92/13/KEE tippermetti li jitressqu azzjonijiet kemm qabel jiġi ffirmat il-kuntratt (rimedji prekuntrattwali) kif ukoll wara (rimedji postkuntrattwali).
    • Ir-rimedji prekuntrattwali huma maħsuba biex jikkoreġu l-ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku matul il-proċedura tal-offerti u, f’kull każ, qabel il-kuntratt isir effettiv. Dawn jinkludu d-dritt ta' miżuri intermedjarji, perjodu obbligatorju ta’ sospensjoni u r-rekwiżit għas-sospensjoni tal-proċedura tal-akkwist waqt li l-appell ikun qed jiġi investigat biex ma jiġix permess l-għoti tal-kuntratt.
    • Ir-rimedji postkuntrattwali għandhom l-għan li jiddikjaraw kuntratt eżistenti ineffettiv u/jew li jipprovdi kumpens (prinċipalment għal danni) lill-partijiet affettwati wara li l-kuntratt inkwistjoni jkun ingħata.
  • Id-Direttiva 92/13/KEE ġiet emendata kollha kemm hi mid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet emendi ulterjuri, prinċipalment biex iżżid il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/13/KEE fir-rigward tal-konċessjonijiet taħt id-Direttiva 2014/23/UE u biex taġġorna r-referenzi għar-regoli sostantivi kif stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE.
  • Id-Direttiva 89/665/KEE hija ekwivalenti għad-Direttiva 92/13/KEE għas-settur pubbliku. Din kienet emendata kollha kemm hi mid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet emendi ulterjuri għall-bżonnijiet tagħha stess u għal dawk tad-Direttiva 2014/24/UE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mis-6 ta’ Marzu 1992. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Jannar 1993.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara d-“Direttivi tal-Appell” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 76, 23.3.1992, p 14-20)

L-emendi sussegwenti għad-Direttiva 92/13/KEE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata (li tinkorpora biss l-emendi introdotti sad-Direttiva 2007/66/KE inkluż din id-direttiva) għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p 1-113) (valida sat-18.4.2016)

Id-Direttiva2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 243-374) (valida mit-18.4.2016)

Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p 1-64). Ara l-verżjoni konsolidata.

Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65–242). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.03.2016

Top