Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet: proċeduri ta’ reviżjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet: proċeduri ta’ reviżjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din teħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet proċedurali preliminari f’dak il-kuntest, jiġu riveduti malajr u b’mod effettiv f’każ li jkunu kisru l-liġi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva 89/665/KEE tapplika għall-kuntratti pubbliċi fis-settur pubbliku u għal konċessjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-regoli sostantivi rilevanti (jiġifieri r-regoli li jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet). Id-Direttiva 2014/23/UE u d-Direttiva 2014/24/UE jissostitwixxu d-Direttiva 2004/18/KE mit-18 ta’ April 2016.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli għall-inqas għal kull persuna li għandha, jew kellha, interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet, jew tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.
  • Id-Direttiva 89/665/KEE tippermetti li l-azzjonijiet jitressqu kemm qabel ikun iffirmat il-kuntratt (rimedji prekuntrattwali) kif ukoll wara (rimedji postkuntrattwali).
    • Ir-rimedji prekuntrattwali huma maħsuba biex jirrimedjaw il-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku matul il-proċedura tas-sejħa għall-offerti u, fi kwalunkwe każ, qabel ma jidħol fis-seħħ il-kuntratt. Dawn jinkludu d-dritt għal miżuri interim, perjodu ta’ sospensjoni obbligatorju u r-rekwiżit ta’ sospensjoni tal-proċedura tal-għoti waqt li jkun qed jiġi investigat l-appell biex jiġi evitat l-għoti tal-kuntratt.
    • L-għan tar-rimedji postkuntrattwali huwa li kuntratt eżistenti jiġi ddikjarat ineffettiv u/jew biex jipprovdu kumpens (prinċipalment għad-danni) lill-partijiet affettwati wara li jkun ingħata l-kuntratt inkwistjoni.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mit-3 ta’ Jannar 1990. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-21 ta’ Diċembru 1991.

SFOND

  • Id-Direttiva 89/665/KEE kienet emendata kollha kemm hi bid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet emendi ulterjuri, prinċipalment biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/665/KEE rigward il-konċessjonijiet skont id-Direttiva 2014/23/UE u biex taġġorna r-referenzi tar-regoli sostantivi għall-kuntratti pubbliċi stipulati fid-Direttiva 2014/24/UE.
  • Id-Direttiva 92/13/KEE hija ekwivalenti għad-Direttiva 89/665/KEE għall-kuntratti pubbliċi fis-settur tal-utilitajiet. Din ġiet emendata kollha kemm hi mid-Direttiva 2007/66/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet emendi ulterjuri għall-bżonnijiet tad-Direttiva 2014/25/UE.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33-35)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/665/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata (li tinkorpora biss l-emendi introdotti sad-Direttiva 2007/66/KE u li jinkludu din id-direttiva) hija biss ta' valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 76, 23.3.1992, p. 14-20). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1-64). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65-242). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.03.2016

Top