Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel

X'INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jfittex li jirregola l-indikazzjonijiet* fuq it-tikketti tal-ikel u rreklamar fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Huwa għandu l-għan li jiżgura li l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni* u s-saħħa* fuq it-tikketti tal-ikel u fil-preżentazzjonijiet u r-reklamar ikunu ċari u bbażati fuq evidenza li hija aċċettata b’mod ġenerali mill-komunità xjentifika.
  • Hemm firxa wiesgħa ta’ sustanzi, bħal vitamini, minerali, amminoaċidi, aċidi grassi essenzjali, fibri u estratti erbali b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, li jistgħu jkunu preżenti f’oġġett tal-ikel u jkunu soġġetti għal indikazzjoni.
  • Ir-Regolament ifittex li:
    • jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi;
    • jagħti lill-konsumatur it-tagħrif neċessarju sabiex ikun jista’ jagħmel l-għażliet b’għarfien sħiħ tal-fatti; u
    • joħloq kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għall-industrija tal-ikel.

PUNTI EWLENIN

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji profili ta’ nutrijenti* u kundizzjonijiet għall-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, billi tieħu f’kunsiderazzjoni:

  • il-kwantitajiet ta’ nutrijenti u sustanzi* oħrajn li jkun hemm fl-ikel, bħal:
    • aċidi grassi,
    • aċidi grassi saturati,
    • trans-aċidi grassi,
    • zokkor, u
    • melħ;
  • ir-rwol u l-importanza tal-ikel fid-dieta b’mod ġenerali jew il-gruppi f’riskju, bħat-tfal;
  • il-preżenza tan-nutrijenti xjentifikament rikonoxxuti bħala li għandhom effett fuq is-saħħa.

L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa ma għandhomx:

  • ikunu foloz, ambigwi jew qarrieqa;
  • jagħtu lok għal dubju dwar is-sikurezza jew l-adegwatezza nutrittiva ta’ ikel ieħor;
  • jinkoraġġixxu l-konsum eċċessiv;
  • jissuġġerixxu li dieta varjata u bilanċjata ma tistax tipprovdi kwantitajiet xierqa ta’ nutrijenti;
  • jagħmlu suġġerimenti li s-saħħa tista’ tiġi affettwata billi ma jiġix ikkonsmat l-ikel;
  • jirreferu għal rata jew ammont ta’ telf tal-piż;
  • jirreferu għar-rakkomandazzjonijiet ta’ professjonisti tas-saħħa individwali.

L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jkun permess biss jekk jintwera li l-preżenza, l-assenza jew il-kontenut imnaqqas ta’ sustanza f’oġġett tal-ikel għandhom effett ta’ benefiċċju, kif stabbilit mid-dejta xjentifika aċċettata. Sustanzi bħal dawn għandhom ikunu fi kwantitajiet li jistgħu jiġu kkonsmati b’mod raġonevoli u f’ammont li jagħti l-effett mixtieq.

L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jkunu permessi biss jekk l-informazzjoni li ġejja tkun fuq it-tikketta:

  • il-popolazzjoni fil-mira għall-indikazzjoni;
  • dikjarazzjoni tal-importanza ta’ dieta varjata u bilanċjata u ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa;
  • il-kwantità u l-mudell tal-konsum meħtieġ sabiex jinkiseb l-effett ta’ benefiċċju indikat;
  • dikjarazzjoni mmirata lejn dawk il-persuni li għandhom jevitaw li jikkunsmaw l-oġġett tal-ikel (eż. nisa tqal);
  • twissija għall-prodotti li x’aktarx jippreżentaw riskju għas-saħħa jekk jiġu kkonsmati b’mod eċċessiv;
  • meta jiġi indikat riskju mnaqqas tal-marda, dikjarazzjoni li l-marda għandha diversi fatturi ta’ riskju u li t-tibdil ta’ wieħed minn dawn jista’ jkollu u jista’ ma jkollux effett ta’ benefiċċju;
  • kwalunkwe restrizzjonijiet jew direzzjonijiet għall-użu oħrajn.

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa bbażati fuq dejta xjentifika aċċettata b’mod ġenerali, li jkunu mifhuma sewwa mill-konsumatur medju, jistgħu jiġu eżentati mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

Xarbiet li jkun fihom aktar minn 1.2 % bħala volum ta’ alkoħol ma għandux ikollhom indikazzjonijiet dwar is-saħħa jew in-nutrizzjoni, ħlief biex jirreferu għal tnaqqis fil-kontenut jew l-enerġija tal- alkoħol.

Ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 jipprovdi għal lista ta' indikazzjonijiet, għajr dawk relatati mat-tnaqqqis tar-riskju tal-mard u mal-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal. Dan ir-Regolament ilu japplika mill-14 ta' Diċembru 2012 u huwa emendat regolarment biex jaġġorna l-lista ta' indikazjonijiet awtorizzati riċenti tas-saħħa.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni

Kwalunkwe manifattur jista' jitlob l-inklużjoni ta' indikazzjoni ġdida mal-lista permessa billi jissottometti applikazzjoni lil kwalunkwe pajjiż tal-UE. Din tal-aħħar tibgħatha lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u lill-Kummissjoni li mbagħad tieħu deċiżjoni dwar l-użu tal-indikazzjoni abbażi tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta' Lulju 2007.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Indikazzjoni: kwalunkwe messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhijiex mandatorja taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE jew leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż rappreżentazzjoni f'forma ta' stampi, grafika jew simbolika fi kwalunkwe forma li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu karatteristiċi partikolari.

Indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni: kwalunkwe indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu propjetajiet benefiċċjali nutrittivi partikolari minħabba:

  • l-enerġija (valur kalorifiku) li:
    • jipprovdi,
    • jipprovdi b'rata mnaqqsa jew miżjuda, jew
    • ma jipprovdix; u/jew
  • in-nutrijenti jew u sustanzi oħra li:
    • fih,
    • fih f'proporzjonijiet imnaqqsa jew miżjuda, jew
    • ma fihx.

Indikazzjoni dwar is-saħħa: kwalunkwe indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija tal-ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa.

Nutrijenti: proteini, karboidrati, xaħmijiet, fibri, sodju, vitamini u minerali elenkati fl-anness għar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, u sustanzi li jappartjenu għal jew li huma komponenti ta' waħda minn dawk il-kategoriji.

Sustanzi oħra: sustanza għajr nutrijent li għandha effett nutrittiv jew fiżjoloġiku.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (Ġ U L 404, 30.12.2006, p. 9-25)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinal. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 353/2008 tat-18 ta' April 2008 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni għal applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ saħħa kif stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 109 tad-19.4.2008, p. 11–16).

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta' Mejju 2012 li jistabbilixxi lista permessa ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa mogħtija fuq l-ikel, għajr dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1-40). Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/63/EU tal-24 ta' Jannar 2013 li qed tadotta linji gwida għall-implimentazjoni ta' kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjoni dwar is-saħħa stipulata f'Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 25-28)

l-aħħar aġġornament 16.08.2016

Top