Help Print this page 
Title and reference
Residwi tal-pestiċidi fl-ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem u fl-għalf tal-annimali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Residwi tal-pestiċidi fl-ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem u fl-għalf tal-annimali

L-oġġetti tal-ikel kollha maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali fl-Unjoni Ewropea (UE) huma soġġetti għal livell massimu ta’ residwu tal-pestiċidi fil-kompożizzjoni tagħhom sabiex tkun protetta s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Il-liġi tal-UE tirregola l-limiti li japplikaw għal prodotti tal-ikel differenti u tistabbilixxi limitu massimu applikabbli awtomatikament.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

SOMMARJU

L-oġġetti tal-ikel kollha maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali fl-Unjoni Ewropea (UE) huma soġġetti għal livell massimu ta’ residwu tal-pestiċidi fil-kompożizzjoni tagħhom sabiex tkun protetta s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Il-liġi tal-UE tirregola l-limiti li japplikaw għal prodotti tal-ikel differenti u tistabbilixxi limitu massimu applikabbli awtomatikament.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi l-kwantitajiet massimi ta’ residwi tal-pestiċidi permessi fi prodotti li joriġinaw minn annimali jew ħxejjex maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali. Dawn il-limiti massimi ta’ residwi (MRLs), li huma ffissati mill-Kummissjoni Ewropea, jinkludu:

1.

MRLs li huma speċifiċi għal oġġetti tal-ikel partikolari maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali u

2.

limitu ġenerali li japplika meta ma jkun ġie stabbilit ebda MRL speċifiku (limitu default ta’ 0.01 mg/kg).

L-MRLs għall-uċuh tar-raba’ u l-pestiċidi kollha jistgħu jinstabu fid-database tal-MRLs tal-Kummissjoni.

L-oġġetti tal-ikel koperti

Il-liġi tkopri l-prodotti kollha maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali elenkati fl-Anness I tagħha.

Dawn il-prodotti mhumiex soġġetti għal-limiti stabbiliti jekk ikunu maħsuba għal:

żrigħ jew tħawwil,

testijiet awtorizzati fuq sustanzi attivi,

manifattura ta’ prodotti mhux tajbin għall-ikel, jew

esportazzjoni.

Eċċezzjonijiet

Ċerti sustanzi elenkati mill-Kummissjoni (l-Anness VII) jistgħu jiġu awtorizzati anki jekk jaqbżu l-MRL tagħhom, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

il-prodotti ma jkunux intiżi għal konsum immedjat;

ikun hemm kontrolli fis-seħħ sabiex jiżguraw li dawn il-prodotti ma jsirux disponibbli għall-konsumatur;

il-pajjiżi l-oħrajn tal-UE u l-Kummissjoni jiġu infurmati dwar il-miżuri.

Valutazzjoni tas-sigurtà

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija responsabbli mill-valutazzjoni tas-sigurtà tal-applikazzjonijiet ġodda sottomessi għall-MRLs. Din hija bbażata fuq it-tossiċità tagħhom, il-livelli massimi mistennija fl-ikel u d-dieti tal-konsumaturi. Abbażi tal-opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni toħroġ Regolament bil-għan li tistabbilixxi MRL ġdid jew temenda jew tneħħi wieħed eżistenti.

Teħid tal-kampjuni

L-UE għandha programm li, kull sena, jivverifika lista miftiehma ta’ prodotti sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-MRLs tal-pestiċidi.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-5 ta’ April 2005.

Għal aktar tagħrif, ara s-siti elettroniċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Livelli Massimi ta’ Residwu u l-EFSA.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005

5.4.2005

-

ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1-16

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 396/2005 kienu inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 400/2014 tat-22 ta’ April 2014 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta’ kontroll għall-2015, l-2016 u l-2017 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jivvaluta l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 119, 23.4.2014, p. 44-56).

L-aħħar aġġornament: 23.04.2015

Top