Help Print this page 
Title and reference
Kummerċ internazzjonali f'kimiċi perikolużi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Kummerċ internazzjonali f'kimiċi perikolużi

SOMMARJU:

tad-Deċiżjoni 2006/730/KE – Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Tiżgura l-approvazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-UE fil-Konvenzjoni ta’ Rotterdam wara li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni leġiżlattiva oriġinali dwar punt tal-liġi.

Il-konvenzjoni tagħti proċedura għall-kunsens infurmat bil-quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi kkummerċjalizzati fuq livell internazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni

Tirregola l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ 47 sustanza kimika u pestiċida perikolużi.

Teħtieġ li kwalunkwe sustanza kimika li telenka tirċievi l-kunsens bil-quddiem tal-importatur qabel ma tkun tista’ tiġi esportata.

Tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni fuq deċiżjonijiet meħudin mill-pajjiżi tal-importazzjoni.

Teħtieġ lil kull firmatarju tal-konvenzjoni li jaħtar awtorità nazzjonali biex jiżgura li tiġi implimentata bis-sħiħ.

Tistaqsi lil kull firmatarju jekk huwiex preparat jew le biex jaċċetta importazzjonijiet tas-sustanzi kimiċi u l-pestiċidi li telenka.

Teħtieġ li l-esportaturi jiżguraw li s-sustanzi kimiċi elenkati ma jiġux esportati jekk il-pajjiż tal-importazzjoni ma jkunx ta l-approvazzjoni formali tiegħu.

Teħtieġ li l-partijiet li jkunu pprojbixxew jew illimitaw severament is-sustanza kimika jinnotifikaw dan lis-Segretarjat tal-konvenzjoni.

Tipprevedi l-iskambju tal-informazzjoni xjentifika, teknika, ekonomika u legali dwar il-kimiċi li tkopri u l-possibbiltà tal-assistenza teknika għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw dwar ir-regolament tal-kimiċi.

Tippermetti lil firmatarju jirtira mill-konvenzjoni sena wara li tirċievi n-notifika tiegħu biex jagħmel hekk.

Il-konvenzjoni ma tkoprix narkotiċi, materjali radjuattivi, skart, armi kimiċi, ikel u additivi tal-ikel, organiżmi ġenetikament modifikati jew kimiċi esportati għar-riċerka.

SFOND

Fl-10 ta' Jannar 2006, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat sentenza fil-kawża C-94/03. Il-Kummissjoni Ewropea ġabet il-każ kontra l-Kunsill u talbet lill-Qorti tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/106/KE li kienet approvat il-Konvenzjoni ta' Rotterdam f'isem l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni argumentat li d-deċiżjoni riedet tkun ibbażata esklussivament fuq l-artikolu tat-Trattat li kellu x'jaqsam mal-politika kummerċjali komuni (dak iż-żmien, l-Artikolu 133 tat-Trattat ta' Amsterdam) u mhux fuq l-artikolu użat (l-Artikolu 175 tal-istess trattat – li kien ikopri l-politika ambjentali).

Il-Qorti ddeċidiet li ż-żewġ artikoli kienu meħtieġa biex jagħtu l-bażi legali neċessarja u annullat id-deċiżjoni oriġinali tal-Kunsill. Id-deċiżjoni l-ġdida, li daħlet fis-seħħ fil-ġurnata ta' meta ġiet adottata l-predeċessur tagħha, tiżgura li m'hemm l-ebda lakuna ġuridika.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta' Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonal (ĠU L 299, 28.10.2006, pp. 23–25)

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, pp. 60-106)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 649/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 26.11.2015

Top