Help Print this page 
Title and reference
Nindirizzaw it-theddid li joħolqu s-sustanzi kimiċi (Konvenzjoni ta’ Stokkolma)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Nindirizzaw it-theddid li joħolqu s-sustanzi kimiċi (Konvenzjoni ta’ Stokkolma)

Is-sustanzi niġġiesa organiċi persistenti (POPs), jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u tfittex li tiggarantixxi l-eliminazzjoni sikura ta’ dawn is-sustanzi, kif ukoll tnaqqis fil-produzzjoni u l-użu tagħhom.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.

SOMMARJU

Is-sustanzi niġġiesa organiċi persistenti (POPs), jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u tfittex li tiggarantixxi l-eliminazzjoni sikura ta’ dawn is-sustanzi, kif ukoll tnaqqis fil-produzzjoni u l-użu tagħhom.

DIN ID-DEĊIŻJONI X’TAGĦMEL?

Tapprova d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea (jew, kif kienet meta ġiet adottata, il-Komunità Ewropea) biex tieħu sehem fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Tiddefinixxi l-POPs u r-regoli, li jirregolaw il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom. Teħtieġ li l-pubbliku, il-politikanti u l-industrija kimika jinżammu infurmati dwar ir-riskju li joħolqu.

PUNTI EWLENIN

Definizzjoni

Il-POPs huma sustanzi kimiċi b’ċerti proprjetajiet tossiċi li huma reżistenti għad-degradazzjoni. Dawn jakkumulaw fl-organiżmi ħajjin, jiġu ttrasportati bl-arja, bl-ilma u b’speċijiet migratorji u jakkumulaw f’ekosistemi terrestri u akwatiċi. It-tniġġis ikkawżat minn POPs huwa problema transkonfinali li teħtieġ azzjoni internazzjonali.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-Konvenzjoni tkopri 23 POP ta’ prijorità li huma prodotti kemm intenzjonalment kif ukoll mhux intenzjonalment (eż. minn sorsi bħal inċineraturi tal-iskart).

Hemm: aldrin, chlordane, chlordecone, dichlorodiphenyltrichlorethane (DDT), dieldrin, endrin, heptachlor, hexabromobiphenyl, hexabromocyclododecane, hexabromodiphenyl ether u heptabromodiphenyl ether, hexachlorobenzene (HCB), alpha hexachlorocyclohexane, beta hexachlorocyclohexane, lindane, mirex, perfluorooctane sulfonic acid, l-imluħa tiegħu u perfluorooctane sulfonyl fluoride, polychlorinated dibenzo-p-dioxins (PCDD), polychlorinated dibenzofurans (PCDF), polychlorobiphenyls (PCBs), endosulfan tekniku u isomeri relatati miegħu, tetrabromodiphenyl ether u pentabromodiphenyl ether, u toxaphene.

Implimentazzjoni

3 korpi jimplimentaw il-Konvenzjoni fil-livell internazzjonali:

Il-Konferenza tal-Partijiet: tinkludi l-firmatarji kollha flimkien, fejn ikun xieraq, mal-osservaturi. Tistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni u hija responsabbli għal deċiżjonijiet kbar.

Il-Kumitat għar-Reviżjoni tas-Sustanzi Niġġiesa Organiċi Persistenti : li huwa magħmul minn speċjalisti li jeżaminaw il-proposti biex iżidu sustanzi ġodda mal-Konvenzjoni.

Is-Segretarjat: responsabbli għall-kompiti amministrattivi.

Il-partijiet għandhom jiżviluppaw pjanijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni. Kull waħda minnhom tagħżel punt fokali nazzjonali biex ikun aktar faċli li tiġi skambjata l-informazzjoni.

Produzzjoni, użu, importazzjoni u esportazzjoni

Il-Konvenzjoni tipprevedi li tintemm il-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ POPs ipprojbiti.

L-għan huwa li jitnaqqas u, fejn ikun fattibbli, tiġi eliminata l-produzzjoni u r-rilaxx mhux intenzjonali ta’ POPs. Għal dan il-għan, il-firmatarji għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni u jfittxu li jużaw materjali, prodotti u proċessi ta’ sostituzzjoni.

SFOND

Il-Konvenzjoni kienet adottata fl-2001. Din daħlet fis-seħħ fl-2004. Din għandha 179 firmatarju, inkluż l-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni, ara s-Sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea.

KLIEM EWLIENI

Prinċipju ta’ prekawzjoni: approċċ għall-ġestjoni tar-riskju li permezz tiegħu, jekk ikun hemm il-possibbiltà li politika jew azzjoni partikolari tista’ tikkawża ħsara lill-pubbliku jew l-ambjent u jekk ma jkun hemm ebda kunsens xjentifiku dwar il-kwistjoni, il-politika jew l-azzjoni inkwistjoni ma għandhiex tiġi segwita.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Deċiżjoni 2006/507/KE

14.10.2004

-

ĠU L 209 tas-27.6.2014, p. 1-2

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158 tat-30.4.2004, p. 7-49)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE tad-19 ta’ Frar 2004 li għandha x’taqsam mal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġiż Transkonfini tal-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (ĠU L 81 tad-19.3.2004, p. 35-36).

L-aħħar aġġornament: 03.04.2015

Top