Help Print this page 
Title and reference
Regoli ġenerali: sigurtà tal-prodotti

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Regoli ġenerali: sigurtà tal-prodotti

Il-leġiżlazzjoni Ewropea tassigura protezzjoni għolja u uniformi tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi. Il-prodotti kkumerċjalizzati fis-suq intern huma soġġetti għal rekwiżiti ġenerali ta’ sigurtà. L-Unjoni Ewropea (UE) waqqfet ukoll sistema ta’ twissija bikrija (RAPEX) għall-prodotti li jippreżentaw riskju serju għall-konsumaturi.

ATT

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [Ġurnal Uffiċjali L 11, ta' 15.1.2002].

SINTEŻI

Din id-Direttiva tapplika fin-nuqqas ta’ regolamenti speċifiċi Ewropej li jirregolaw is-sigurtà ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti, jew meta dawn ir-Regolamenti speċifiċi (settorjali) ikollhom xi nuqqasijiet. Barra minn hekk, hija tapplika wkoll mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 85/374/KEE dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi.

Obbligu ġenerali ta’ sigurtà

Id-Direttiva timponi obbligu ġenerali ta’ sigurtà għal kull prodott imqiegħed fis-suq, maħsub għall-konsumaturi jew li x’aktarx jintuża mill-konsumaturi, inklużi l-prodotti użati mill-konsumaturi bħala parti minn servizz. Il-prodotti użati li għandhom valur bħala antikitajiet jew bħala prodotti li jridu jissewwew m’humiex soġġetti għal dan l-obbligu.

Prodott sigur huwa dak li ma jippreżenta l-ebda riskju, jew li jippreżenta biss riskji minimi (kompatibbli mal-użu tal-prodott) u aċċettabbli fir-rigward ta’ livell għoli tal-protezzjoni għas-sigurtà u s-saħħa tal-persuni.

Prodott ikun meqjus sigur, jekk jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà previsti mil-liġi Ewropea, jew fin-nuqqas ta’ tali regoli, jekk jissodisfa r-regolamenti nazzjonali speċifiċi tal-Istat Membru dwar is-suq. Il-prodott jitqies ukoll sigur jekk ikun konformi ma’ standard Ewropew stabbilit skont il-proċedura ta’ din id-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ regolamenti jew standards bħal dawn, il-konformità ta’ prodott tiġi evalwata skont:

  • l-istandards nazzjonali volontarji (li jittrasponu standards oħrajn rilevanti Ewropej), ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni (li jiffissaw il-linji gwida dwar l-istima tas-sigurtà tal-prodott);
  • l-istandards ta’ produzzjoni jew ta’ tqegħid fis-suq tal-Istat Membru;
  • il-kodiċijiet ta’ kondotta tajba tas-saħħa jew tas-sigurtà;
  • l-iprem għarfien jew teknoloġija;
  • l-aspettattivi ta’ sigurtà tal-konsumatur.

L-obbligi tal-produtturi u tad-distributuri

Il-produtturi għandhom iqiegħdu fis-suq prodotti li jissodisfaw l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà. Barra minn hekk, dawn għandhom:

  • jipprovdu lill-konsumaturi bit-tagħrif rilevanti li jgħinhom jistmaw ir-riskji, meta dawn ir-riskji ma jkunux ovvji immedjatament;
  • jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw dawn ir-riskji (eż: l-irtirar tal-prodotti mis-suq, twissijiet lill-konsumaturi, ġbir lura mingħand il-konsumaturi ta’ prodotti diġà pprovduti, eċċ.).

Id-distributuri huma wkoll meħtieġa li:

  • jipprovdu prodotti li jissodisfaw l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà;
  • isegwu s-sigurtà tal-prodotti mqiegħda fis-suq;
  • jipprovdu d-dokumenti meħtieġa li jassiguraw it-traċċabbiltà tal-prodotti.

Meta l-produtturi jew id-distributuri jinnutaw li prodott ikun perikoluż, dawn għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti u jikkollaboraw magħhom, jekk ikun meħtieġ. Dan l-obbligu ta’ informazzjoni huwa elaborat aktar fl-Anness I għad-Direttiva.

L-obbligi tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-produtturi u d-distributuri jirrispettaw l-obbligi tagħhom. Huma għandhom jistabbilixxu strutturi li jkunu responsabbli:

  • għall-kontroll tal-konformità tal-prodotti mal-obbligu ta’ sigurtà;
  • għat-teħid ta’ azzjonijiet xierqa fil-każ ta’ prodotti ta’ riskju (eż: il-projbizzjoni tal-bejgħ) u li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli sabiex jippenalizzaw il-ksur u jaraw li l-konsumaturi jibbenefikaw minn sistema ta’ segwitu tal-ilmenti.

Ir-rwol tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà għad-definizzjoni tal-mandati tal-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni u tippubblika f' il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi tal-istandards Ewropej li jgħinu fl-istabbiliment tal-konformità mal-obbligu ġenerali ta’ sigurtà. Hija tmexxi s-sistema ta’ twissija bikrija RAPEX u tista’ tadotta miżuri urġenti b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Is-sistema RAPEX : interventi rapidi għall-prodotti li jippreżentaw riskju serju

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-prodotti li jippreżentaw riskju serju għas-saħħa u s-sigurtà. Huma għandhom jieħdu miżuri ta’ interventi rapidi sabiex iħarsu lill-konsumaturi. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih permezz ta' sistema RAPEX (EN). Din is-sistema hija mezz ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Hija tippermetti t-tnaqqis jew il-projbizzjoni tat-tqassim ta’ prodotti perikolużi. Il-proċeduri dwar kif taħdem is-sistema RAPEX huma deskritti fl-Anness II għad-Direttiva.

Il-prodotti tal-ikel, tal-farmaċewtika u tal-mediċina huma ġestiti minn sistemi ta’ intervent oħrajn.

F’każ ta’ użu tas-sistema RAPEX, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni it-tagħrif minimu li ġej:

  • it-tagħrif li jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott;
  • id-deskrizzjoni tar-riskju li jippreżenta l-prodott kif ukoll kwalunkwe dokument li jippermetti l-evalwazzjoni tiegħu;
  • il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà;
  • it-tagħrif dwar it-tqassim tal-prodott.

Fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni tista’ wkoll timplimenta azzjonijiet rapidi meta jkollha għarfien ta’ riskju serju minn prodott. Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, hija tista’ tadotta deċiżjonijiet validi għal sena u li jistgħu jiġġeddu għal perijodi tal-istess tul ta’ żmien. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu:

  • jimponu rekwiżiti speċifiċi ta’ sigurtà;
  • jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti sustanzi; kif ukoll
  • jobbligaw lill-manifatturi jwaħħlu twissijiet fuq il-prodotti tagħhom.

Komitoloġija

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat regolatorju dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsum, fit-teħid ta’ miżuri urġenti u ta’ deċiżjonijiet dwar l-istandards.

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna wkoll minn kumitat konsultattiv dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsum għall-aspetti l-oħrajn li jirrigwardaw id-Direttiva.

Trasparenza

L-informazzjoni dwar ir-riskji ppreżentati mill-prodotti għandha tingħata lill-pubbliku. Is-sigriet professjonali huwa limitat biss għall-każijiet iġġustifikati kif xieraq.

Kuntest

Din id-Direttiva twieġeb għar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tad-29 ta’ Marzu 2000, dwar l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/59/KEE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti. Hija tirrevoka d-Direttiva 92/59/KEE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, mill-15 ta’ Jannar 2004.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2001/95/KE [adozzjoni: kodeċiżjoni COD/2000/0073]

15.1.2002

15.1.2004

ĠU L 11, 15.1.2002

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 765/2008

1.1.2010

-

ĠU L 218, 13.8.2008

Regolament (KE) Nru 596/2009

7.8.2009

-

ĠU L 188, 18.7.2009

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) [Ġurnal Uffiċjali C 38, 17.2.2009].

Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-titoli u r-referenzi tal-istandards armonizzati mid-Direttiva 2001/95/KE.

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [ COM(2008) 905 finali - Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].

L-effikaċja tal-qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-prodotti żdiedet minn meta ġiet implimentata d-Direttiva 2001/95/KE. Is-sistema Ewropea ta’ informazzjoni u ta’ twissija għenet sabiex jiġu rtirati għadd kbir ta’ prodotti perikolużi mis-suq. Ċerti aspetti jistgħu madankollu jitjiebu sabiex jiżguraw il-ħarsien sħiħ tal-konsumaturi. Dan ir-rapport jidentifika xi prijoritajiet fl-oqsma:

  • tas-sigurtà tal-prodotti ta’ konsum, b’mod speċjali mill-aspett ta’ traċċabbiltà, billi jissaħħaħ l-obbligu ta’ identifikazzjoni tal-prodotti, tal-produttur jew tad-distributur;
  • tal-kontroll tas-suq minn naħa, permezz ta’ koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri bbażata fuq l-iskambji ta’ tagħrif u ta’ prattika tajba (inkluż ta’ kooperazzjoni doganali). U min-naħa l-oħra, permezz tal-ftuħ tas-sistema RAPEX għas-sehem ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali ta’ pajjiżi terzi;
  • tal-istandardizzazzjoni, permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri li jirrigwardaw ċerti kategoriji ta’ prodotti, u bl-istabbiliment ta’ preżunzjoni ta’ konformità ta’ dawn l-istandards mal-ħtiġijiet ġenerali ta’ sigurtà;
  • tal-miżuri urġenti li jittieħdu bħala parti mis-sistema ta’ twissija bikrija li jistgħu jsiru definittivi sabiex wieħed jasal għall-irtirar tal-prodotti perikolużi;

L-ambitu tad-Direttiva 2001/95/KE ikopri wkoll is-sigurtà tas-servizzi pprovduti lill-konsumaturi. It-traspożizzjoni tagħha saret fl-Istati Membri kollha.

RAPEX

Id-Deċiżjoni 2010/15 tas-16 ta’ Diċembru 2009 li tistabbilixxi l-linji gwida għall-immaniġġjar tas-Sistema tal-Informazzjoni Rapida tal-Komunità (RAPEX) u tal-proċedura ta’ notifika stabbiliti rispettivament skont l-Artikolu 12 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/95/KE (id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti) [Ġurnal Uffiċjali L 22, 26.1.2010].

Il-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda li għandhom jiffaċilitaw il-ġestjoni tas-sistema RAPEX u l-proċedura ta’ notifika tal-prodotti perikolużi. Dawn il-linji gwida huma maħsuba għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-suq.

Plejers personali tal-mużika

Deċiżjoni 2009/490/KE tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ġunju 2009 dwar rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal plejers personali tal-mużika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) [Ġurnal Uffiċjali L 161, 24.6.2009].

Il-Kummissjoni stabbiliet rekwiżit ta’ sigurtà maħsub sabiex jevita li l-livelli ta’ ħsejjes tal-plejers personali tal-mużika jikkawżaw ħsara fis-sens ta’ smigħ tal-konsumaturi li jagħmlu użu minnhom f’kundizzjonijiet ta’ użu previsti b’mod raġonevoli. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat waqt it-tfassil u l-manifattura tal-plejers personali tal-mużika Huwa meħtieġ għad-definizzjoni ta’ standards xierqa mill-korpi ta’ standardizzazzjoni. Għandhom jitwaħħlu wkoll twissijiet fuq il-prodotti sabiex il-konsumaturi jiġu mħarsa mir-riskji eżistenti.

LAJTERS

Deċiżjoni 2009/298/KE tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2009 li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2006/502/KE li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li fis-suq jitqiegħdu biss lajters li huma reżistenti għat-tfal u li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ lajters innovattivi (novelty lighters) [notifikata taħt id-dokument Nru C(2009) 2078] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

Deċiżjoni 2006/502/KE (emendata mid-Deċiżjonijiet 2007/231/KE u 2008/322/KE) tal-11 ta’ Mejju 2006 li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li fis-suq jitqiegħdu biss lajters li huma reżistenti għat-tfal u li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ lajters innovattivi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) [Ġurnal Uffiċjali L 198, 20.7.2006].

Użu ħażin tal-lajters – bħala ġugarelli – minn tfal żgħar jikkawża bejn 1 500 u 1 900 korriment u bejn 34 u 40 mewt fis-sena fl-UE. Biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn, jeżistu mekkaniżmi ta’ sigurtà għat-tfal li l-użu tagħhom ilu obbligatorju fl-Istati Uniti, fil-Kanada, fl-Awstralja u fi New Zealand għal dawn l-aħħar għaxar snin. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti ta’ sigurtà għat-tfal fl-Istati Uniti wassal għal tnaqqis ta’ 60 % fl-għadd ta’ inċidenti.

Sabiex tevita inċidenti ġodda, il-Kummissjoni adottat, fil-11 ta’ Mejju 2006, id-Deċiżjoni 2006/502/KE li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri bl-għan li l-lajters li jkollhom apparat ta’ sigurtà kontra l-użu mit-tfal biss jitqiegħdu fis-suq u jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ lajters innovattivi.

Deċiżjoni 2008/357/KE tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2008 dwar rekwiżiti ta’ sikurezza għat-tfal li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal-lajters skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Ġurnal Uffiċjali L 120, tas-7.5.2008].

Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà għat-tfal mil-lajters għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE bl-għan li l-korpi ta’ standardizzazzjoni jirrevedu l-istandard EN 13869 u tkun permessa l-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard rivedut fil-Ġurnal Uffiċjali.

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ sigurtà li fuq il-bażi tagħhom il-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni CEN (Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) għandu jirrevedi l-istandard EN 13869 dwar is-sigurtà tal-lajters u l-metodi ta’ ttestjar.

SIGARETTI

Deċiżjoni 2008/264/KE tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2008 dwar rekwiżiti ta’ sikurezza kontra n-nar li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għas-sigaretti skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Ġurnal Uffiċjali L 83, tas-26.3.8].

Is-sigaretti li jinxtegħlu u li jitħallew waħedhom jirrappreżentaw riskju kbir għas-sigurtà tal-konsumaturi. Huwa stmat li madwar 1000 persuna tmut fis-sena fil-Komunità Ewropea minħabba dan. Madankollu hemm tekniki li jdewmu l-ħruq, jew saħansitra jitfuh għal kollox, permezz tal-inklużjoni ta’ strixxi ta’ karti spazjati fil-karta tas-sigaretti. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din it-teknika, in-nar tas-sigarett li jitħalla waħdu jintefa fil-parti l-kbira tal-każijiet minħabba nuqqas ta’ arja.

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ sigurtà li fuq il-bażi tagħhom il-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni CEN (Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) issodisfa t-talba ta’ adozzjoni ta’ standard biex tonqos il-propensità tal-qbid tas-sigaretti. Dan l-obbligu ta’ sigurtà tas-sigaretti huwa bbażat fuq id-Direttiva 2001/95/KE.

L-effikaċja tal-istandard għandha tkun ivverifikata permezz tal-kontroll ta’ kampjuni ta’ sigaretti mqiegħda fis-suq, bl-għan ta’ massimu ta’ 25 % ta’ sigaretti li jinħarqu kompletament.

TRABI U TFAL ŻGĦAR

Deċiżjoni 2010/9/UE tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għas-sedili tal-banju, strumenti awżiljarji tal-banju u banjijiet u saqajn tagħhom għat-trabi u t-tfal iż-żgħar skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [notifikata bid-dokument Nru C(2009) 10290] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

Il-prodotti maħsuba għall-ħasil tat-trabi u tat-tfal żgħar għandhom ikunu konformi mar-rekwiżit ġenerali ta’ sigurtà tal-prodotti. Għal dan il-għan il-korpi Ewropew ta’ standardizzazzjoni għandhom jistabbilixxu standards ta’ sigurtà rigward:

  • is-sedili tal-banju: li jintużaw biss għat-tfal li jkunu kapaċi joqgħodu bilqiegħda, iżda li ma jafux joqgħodu bilwieqfa;
  • l-aċċessorji li jgħinu fil-ħasil: li jintużaw sabiex iżommu lit-tfal f’pożizzjoni mimduda jew minn tulhom, mit-twelid tagħhom sakemm ikunu jafu joqgħodu waħedhom;
  • il-banjijiet li jintużaw bejn it-twelid u t-tnax-il xahar: jiġifieri l-prodotti li jitqiegħdu fil-banju jew li jitwaħħlu mal-ġenb tal-banju l-kbir, imqiegħda fl-art jew fuq xi saqajn ta’ appoġġ.

Deċiżjoni 2010/11/UE tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Jannar 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal apparati tal-illokkjar għal twieqi u bibien ta’ gallariji li ma jistgħux jinfetħu mit-tfal u mmuntati mill-konsumatur skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [notifikata bid-dokument Nru C(2009) 10298] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

Ċertu apparat li jintuża sabiex jostakola l-passaġġ tat-tfal quddiem xi tieqa jew xi bieb ieħor jinbiegħ f’biċċiet separati li għandhom jingħaqdu mill-konsumatur. Standards Ewropej speċifiċi ta’ sigurtà għandhom ikunu adottati għal dawn il-mekkaniżmi, maħsuba għat-tfal ta’ inqas minn 51 xahar.

PRODOTTI BIJOĊIDI

Deċiżjoni 2009/251/KE tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2009 li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li prodotti li fihom il-bijoċida dimethylfumarate ma jitqiegħdux jew ikunu disponibbli fis-suq [Ġurnal Uffiċjali L 74, 20.3.2009] (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

Id-dimethylfumarate (DMF) huwa prodott bijoċida li jintuża għall-konservazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ konsum matul il-ħażna jew it-trasport tagħhom (għamara, żraben, ħwejjeġ tal-ġilda, eċċ.). Id-DMF jista’ jikkawża reazzjonijiet serji fil-ġilda (dermatite mill-kuntatt), l-effetti ħżiena tiegħu ġew iddeterminati minn studji kliniċi.

Mill-1 ta’ Mejju 2009, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bejgħ u d-disponibbiltà tal-prodotti li fihom DMF ikunu pprojbiti. Il-prodotti diġà disponibbli fis-suq għandhom jiġu rtirati u l-konsumaturi għandhom ikunu informati dwar ir-riskji marbuta ma’ dawn il-prodotti. Prodott li fih DMF fih aktar minn 0.1 mg DMF għal kull kg tal-prodott jew għal kull kg ta’ element tal-prodott.Id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta’ Marzu 2010, u tista’ tiġġedded jekk ikun meħtieġ.

PROPOSTA

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE. [ COM(2013)78 - mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali].

L-għan ta' din il-proposta huwa li tissostitwixxi d-Direttiva 87/357/KEE dwar prodotti li jimitaw l-ikel u d-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti b'Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti tal-Konsumaturi ġdid. Ir-regolament propost iżomm il-prinċipju bażiku tal-leġiżlazzjoni eżistenti li l-prodotti kollha tal-konsumaturi għandhom ikunu bla periklu meta jkunu magħmulin disponibbli fis-suq. Madankollu, tpoġġi enfasi ikbar fuq identifikazzjoni mtejba tal-prodott u fuq traċċabilità aħjar. Il-proċeduri sabiex jiġu żviluppati standards ġodda jew sabiex jiġu aġġornati standards eżistenti ġew issimplifikati ħafna, u dan isaħħaħ l-irwol tal-istandards fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur.

Il-proposta hija parti mill-Pakkett tas-Sigurtà tal-Prodotti u ta' Sorveljanza fis-Suq li jinkludi wkoll proposta għal regolament dwar is-sorveljanza tas-suq waħdieni u pjan ta' azzjoni multiannwali għas-sorveljanza tas-suq li jkopri l-perjodu 2013-2015. L-Att II dwar is-Suq Waħdieni, adottat fl-2012 jikkonferma l-Pakkett tas-Sigurtà tal-Prodotti u ta' Sorveljanza fis-Suq bħala azzjoni prinċipali lejn it-titjib tas-sigurtà tal-prodotti li jiċċirkolaw fl-UE.

L-aħħar aġġornament: 21.01.2014

Top