Help Print this page 
Title and reference
Rimi ta’ batteriji u akkumulaturi użati

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Rimi ta’ batteriji u akkumulaturi użati

Din il-leġiżlazzjoni tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-biċċa l-kbira tal-batteriji u l-akkumulaturi b’ċertu kontenut ta’ merkurju jew ta’ kadmju u tistabbilixxi regoli għall-ġbir, ir-riċiklaġġ, it-trattament u r-rimi ta’ batteriji u akkumulaturi.

ATT

Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE [Ara l-atti li jemendaw].

SOMMARJU

Din id-Direttiva tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti batteriji u akkumulaturi b’kontenut ta’ merkurju u kadmju ’l fuq minn livell limitu stabbilit. Barra minn hekk, tippromwovi rata għolja ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji u akkumulaturi u t-titjib fil-prestazzjoni ambjentali ta’ dawk kollu involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ batteriji u akkumulaturi, inklużi r-riċiklaġġ u r-rimi tagħhom.

L-għan huwa li jitnaqqas l-ammont ta’ sustanzi perikolużi - b’mod partikolari l-merkurju, il-kadmju u ċ-ċomb - li jintrema fl-ambjent; dan għandu jsir billi jitnaqqas l-użu ta’ dawn is-sustanzi fil-batteriji u l-akkumulaturi u billi l-ammonti li jintużaw jiġu ttrattati u użati mill-ġdid.

Id-Direttiva tapplika għat-tipi kollha ta’ batteriji u akkumulaturi, minbarra dawk li jintużaw f’tagħmir għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istati Membri jew għal finijiet militari, jew f’tagħmir maħsub biex jintbagħat fl-ispazju. B’hekk tkopri firxa iktar wiesgħa ta’ prodotti mid-Direttiva 91/157/KEE, li kienet tapplika biss għal batteriji li kien fihom il-merkurju, iċ-ċomb jew il-kadmju, u kienet teskludi ċelluli buttuni.

Fir-rigward tal-presenza tal-merkurju, id-Direttiva tipprojbixxi batteriji u akkumulaturi, irrispettivament minn jekk ikunux inkorporati f’apparati, li jkun fihom aktar minn 0.0005 % ta’ merkurju fil-piż. Iċ-ċelluli buttuni b’kontenut ta’ merkurju ta’ mhux aktar minn 2 % fil-piż huma eżentati minn din il-projbizzjoni sa Ottubru 2015 (fil-każ ta’ ċelluli buttuni għal apparat għas-smigħ, din l-eżenzjoni madankollu ser tibqa’ taħt reviżjoni mill-Kummissjoni);

Fir-rigward tal-kadmju, il-batteriji u l-akkumulaturi portabbli, inklużi dawk inkorporati f’apparati, b’kontenut ta’ kadmju ta’ aktar minn 0.0002 % fil-piż huma pprojbiti (ħlief għal batteriji u akkumulaturi portabbli biex jintużaw f’sistemi ta’ emerġenza u ta’ allarm jew f’tagħmir mediku). Hija stabbilita eżenzjoni minn din il-projbizzjoni għal batteriji u akkumulaturi għal għodod mingħajr wajers imħaddma bl-enerġija sal-31 ta’ Diċembru 2016, li tippermetti lill-industrija tar-riċiklaġġ u lill-konsumaturi flimkien mal-katina tal-valur kollha kemm hi sabiex ikomplu jadattaw għat-teknoloġiji ta’ sostituzzjoni rilevanti.

Biex jiżguraw li jiġi riċiklat proporzjon għoli ta’ batteriji u akkumulaturi użati, l-Istati Membri jridu jieħdu kwalunkwe miżura li tkun meħtieġa (inklużi strumenti ekonomiċi) biex jippromwovu u jimmassimizzaw il-ġbir separat tal-iskart u biex jevitaw li l-batteriji u l-akkumulaturi jintremew bħala skart muniċipali mhux magħżul. Iridu jagħmlu arranġamenti li jippermettu lill-utenti aħħarin jarmu l-batteriji u l-akkumulaturi użati f’punti tal-ġbir fil-viċinanza tagħhom u jaraw li dawn jittieħdu lura mingħajr ħlas mill-produtturi. Kellhom jintlaħqu rati ta’ ġbir ta’ mill-inqas 25 % sas-26 ta’ Settembru 2012, u 45 % sas-26 ta’ Settembru 2016 rispettivament.

Skont id-Direttiva 2013/56/UE, irid ikun possibbli li l-batteriji u l-akkumulaturi jitneħħew faċilment u b’mod sikur. B’hekk, l-apparati li jkun fihom batteriji u akkumulaturi għandhom ikunu akkumpanjati minn struzzjonijiet dwar kif dawn jistgħu jitneħħew b’mod sikur jew mill-utent aħħari jew minn professjonisti indipendenti kwalifikati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-batteriji u l-akkumulaturi li jkunu nġabru jiġu trattati u riċiklati billi jintużaw l-Aħjar Tekniki Disponibbli. L-irkupru tal-enerġija mhuwiex ikkunsidrat bħala proċess ta’ riċiklaġġ.

Bħala minimu, it-trattament irid jinkludi t-tneħħija tal-fluwidi u l-aċidi kollha. Il-batteriji u l-akkumulaturi jridu jiġu ttratati u maħżuna (anke jekk temporanjament biss) f’siti b’uċuħ impermeabbli u b’għata adatt li jiflaħ għat-temp, jew f’kontenituri xierqa. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll obbligi b’rabta mal-effiċjenzi tal-proċessi ta’ riċiklaġġ li huma soġġetti għalihom il-batteriji, skont il-kompożizzjoni kimika tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jarmu batteriji u akkumulaturi li jkun fihom il-kadmju, il-merkurju jew iċ-ċomb f’terrafermi jew f’ħażniet taħt l-art jekk ma jkun hemm l-ebda suq aħħari vijabbli għall-prodotti tar-riċiklaġġ, jew jekk valutazzjoni ddettaljata tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tikkonkludi li r-riċiklaġġ mhuwiex l-aħjar soluzzjoni. Inkella, huwa projbit li skart minn batteriji u akkumulaturi industrijali u awtomotivi jitqiegħed f’terraferma, jew li dan jinħaraq; jistgħu jintremew biss b’dawn il-mod ir-residwi mit-trattament u r-riċiklaġġ tagħhom.

It-trattament u r-riċiklaġġ jistgħu jsiru barra l-Istat Membru kkonċernat jew anki barra l-Komunità, sakemm tiġi osservata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-vjeġġi ta’ skart.

Il-produtturi jkollhom iġarrbu l-ispiża tal-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ ta’ batteriji u akkumulaturi industrijali, awtomottivi u portabbli, kif ukoll l-ispejjeż ta’ kampanji biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar dawn l-arranġamenti. Produtturi żgħar jistgħu jkunu eżentati minn dan l-obbligu jekk dan ma jwaqqafx il-funzjonament xieraq tal-iskemi tal-ġbir u r-riċiklaġġ. Il-produtturi kollha ta’ batteriji u akkumulaturi għandhom ikunu rreġistrati.

L-utenti aħħarin iridu jirċievu informazzjoni dwar suġġetti differenti u permezz ta’ kanali differenti:

  • dwar l-effetti potenzjali fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem ta’ sustanzi użati f’batteriji u akkumulaturi, u dwar l-arranġamenti ta’ ġbir u riċiklaġġ disponibbli għalihom, permezz ta’ kampanji jew direttament mid-distributuri;
  • dwar il-kapaċità tal-akkumulatur jew tal-batterija portabbli jew dwar il-preżenza ta’ kimiki ’l fuq minn ċertu livell limitu, l-informazzjoni ser tingħata permezz ta’ mmarkar viżibbli, leġġibbli u permanenti fuq il-batteriji, l-akkumulaturi u l-pakketti ta’ batteriji;
  • dwar il-ħtieġa li jkun żgurat il-ġbir separat għall-batteriji jew l-akkumulaturi, għandu jintuża s-simbolu tal-barmil tal-iskart bir-roti maqtugħ b’salib.

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-miżuri li qed jieħdu biex iħeġġu l-iżviluppi li jaffettwaw l-impatt tal-batteriji u tal-akkumulaturi fuq l-ambjent (inklużi tekniki ġodda ta’ riċiklaġġ u trattament). Xi aspetti tad-Direttiva ġew riveduti fl-2013 (ara d-Direttiva 2013/56/UE).

Kuntest

Din id-Direttiva tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 91/157/KEE.

Diversi mijiet ta’ eluf ta’ tunnellati ta’ batteriji u akkumulaturi industrijali u portabbli jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità kull sena. Tintuża firxa wiesgħa ta’ metalli, mill-merkurju, iċ-ċomb u l-kadmju għan-nikil, ir-ram, iż-żingu, il-manjeżju u l-litju.

Ir-rimi tal-iskart minn dawn il-prodotti jniġġes l-ambjent (fil-każ tal-ħruq) u jikkontamina l-veġetazzjoni ta’ fuq l-art u l-ilma (fil-każ ta’ miżbla jew meta jindifen). Permezz ta’ regoli xierqa ser ikun possibbli li jitnaqqas it-tniġġis ambjentali minn dan l-iskart. Barra minn hekk, ir-riċikilaġġ tal-iskart jippermetti l-irkuprar ta’ eluf ta’ tunnellati ta’ metalli, inklużi metalli prezzjużi bħan-nikil, il-kobalt u l-fidda.

Aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett hija disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2006/66/KE

26.9.2006

26.9.2008

ĠU L 266 tas-26.9.2006

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2008/12/KE

20.3.2008

-

ĠU L 76 tad-19.3.2008

Direttiva 2008/103/KE

5.12.2008

5.1.2009

ĠU L 327 tal-5.12.2008

Direttiva 2013/56/KE

30.12.2013

1.7.2015

ĠU L 329 tal-10.12.2013

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/763/KE tad-29 ta’ Settembru 2008 li tistabbilixxi, skond id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli lil konsumaturi finali (Ġurnal Uffiċjali L 262 tal-1.10.2008).

L-aħħar aġġornament: 19.05.2014

Top