EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prodotti perikolużi li jixbhu oġġetti tal-ikel — l-iżgurar tas-sigurtà tal-konsumaturi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 87/357/KEE rigward prodotti li, minħabba li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu, jipperikolaw is-saħħa jew is-sigurtà tal-konsumaturi

X’TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Din tapplika għal oġġetti, bħal kosmetiċi u prodotti likwidi tad-dar, li mhumiex tajbin għall-ikel, iżda li minħabba l-forma, ir-riħa, il-kulur, id-dehra, l-ippakkjar, it-tikkettar jew id-daqs tagħhom jistgħu jidhru tali. It-tfal huma vulnerabbli b'mod partikolari u jistgħu jaqgħu fit-tentazzjoni li jippruvaw jieklu prodotti bħal dawn.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu:
    • jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-bejgħ, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-manifattura tal-prodotti koperti mil-leġiżlazzjoni;
    • jivverifikaw li prodotti perikolużi bħal dawn ma jinbiegħux fit-territorju tagħhom;
    • ineħħu mis-suq kwalunkwe prodott li qed jinbiegħ u jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-prodott u r-raġuni għad-deċiżjoni.
  • Il-Kummissjoni trid tinforma lill-gvernijiet l-oħrajn kollha tal-UE dwar din id-deċiżjoni malajr kemm jista' jkun.
  • Sas-26 ta' Ġunju 1989 u abbażi ta' rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-gvernijiet tal-UE kellhom jiddeċiedu jekk id-direttiva għandhiex tiġi estiża sabiex tkopri prodotti perikolużi oħrajn.

Fit-3 ta' Diċembru 2001, il-gvernijiet tal-UE u l-Parlament Ewropew qablu fuq leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti li teħtieġ li l-manifatturi jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu siguri qabel ibiegħuhom.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-26 ta' Ġunju 1987. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sas-26 ta' Ġunju 1989.

SFOND

F'opinjoni adottata f'Marzu 2011, il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur innota li kien hemm riskju baxx ta' vvelenar akut jew fit-tfal jew fl-anzjani minħabba li setgħu jieklu l-kosmetiċi bi żball. Għal prodotti tad-djar, hemm żieda żgħira ta' riżultat aktar serju. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' dejta speċifika dwar inġestjoni aċċidentali minn prodotti tal-konsumatur li jixbhu l-ikel u/jew li għandhom karatteristiċi li jappellaw għat-tfal.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar prodotti li, minħabba li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu, jipperikolaw is-saħħa jew is-sigurtà tal-konsumaturi (ĠU L 192, 11.7.1987, p. 49-50)

ATTI RELATATI

Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4-17)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/95/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 01.08.2016

Top