Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Organiżmi modifikati ġenetikament — it-traċċjabilità u l-ittikkettjar

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Organiżmi modifikati ġenetikament — it-traċċjabilità u l-ittikkettjar

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1830/2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (OMĠs) u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli biex ikun żgurat li prodotti li fihom OMĠs* u ikel u għalf tal-annimali derivati minnhom jistgħu jiġu intraċċjati fl-istadji kollha tal-katina ta’ produzzjoni u distribuzzjoni.

Ir-regoli jkopru t-tikkettjar, il-monitoraġġ ambjentali u r-riskji tas-saħħa, u l-kapaċità li l-prodotti jiġu rtirati fejn meħtieġ.

PUNTI EWLENIN

Traċċjabilità

It-traċċjabilità (il-kapaċità li jiġu intraċċjati OMĠ u prodotti ġejjin minn OMĠ fl-istadji kollha tal-katina tal-produzzjoni u distribuzzjoni) hija importanti biex tipprovdi lill-konsumaturi u lill-kummerċjanti tal-ikel bl-informazzjoni u s-salvagwardji dwar l-ikel/l-għalf derivati mill-OMĠ. Dan jippermettilhom jagħmlu għażliet infurmati bbażati fuq l-ittikkettjar preċiż.

Hemm tliet rekwiżiti ewlenin għall-bejjiegħa:

  • jinfurmaw lix-xerrejja bil-kitba li prodott fih OMĠs (jew jipprovdu “dikjarazzjoni tal-użu” għal prodotti maħsuba għall-ikel jew l-għalf tal-annimali);
  • jikkomunikaw l-identifikaturi uniċi assenjati għal kull OMĠ skont ir-regolament;
  • (għall-ikel u l-għalf) jidentifikaw kull ingredjent magħmul mill-OMĠs, jekk teżisti lista tal-ingredjenti.

Din l-informazzjoni għandha tingħata f’kull stadju tal-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni u tinżamm għal ħames snin.

Tikkettjar

L-ippakkjar finali għall-konsumatur jew prodotti ppakkjati minn qabel li fihom OMĠs għandu jkollhom it-tikketta: “Dan il-prodott fih organiżmi modifikati ġenetikament [jew l-ismijiet tal-organiżmi]”.

Spezzjoni u verifiki

Pajjiżi tal-UE għandhom iwettqu spezzjonijiet, verifiki u testijiet ta’ kampjuni , biex jiżguraw li r-regoli dwar it-tikkettjar tal-OMGs huma segwiti.

Kull pajjiż għandu wkoll jimponi multi effettivi għall-ksur. Il-prodotti jistgħu jiġu rtirati jekk ikollhom effetti kuntrarji mhux mistennija fuq is-saħħa jew l-ambjent.

L-awtoritajiet nazzjonali jingħataw gwida teknika mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni żżomm reġistru ċentrali tal-materjal ta’ referenza tal-OMĠs, użati għas-sejbien ta’ OMĠs awtorizzati fl-UE, kif ukoll informazzjoni fuq OMĠs mhux awtorizzati.

Eżenzjonijiet

  • Prodotti jista’ jkun fihom traċċi ta’ OMĠs (inqas minn 0.9 %), jekk dan ikun teknikament inevitabbli.
  • Ir-regolament ma japplikax għal prodotti mediċi.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-7 ta' Novembru 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara It-traċċjabilità u l-ittikkettjar – regoli tal-UE.

TERMINU EWLIENI

* Organiżmi Modifikati Ġenetikament – pjanti jew annimali mrobbija biex ikollhom produzzjoni ogħla jew biex jirreżistu l-mard, billi jimmodifikaw l-għamla ċellulari u ġenetika tagħhom.

ATT

Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u l-għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24-28)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE — Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1-39). Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-reviżjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) (COM(2015) 176 final tat-22.4.2015)

l-aħħar aġġornament 18.04.2016

Top