Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-iżgurar tas-supplimenti tal-ikel sikuri fl-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-iżgurar tas-supplimenti tal-ikel sikuri fl-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2002/46/KE — supplimenti tal-ikel

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tarmonizza r-regoli dwar supplimenti tal-ikel* biex tipproteġi l-konsumaturi minn riskji potenzjali għas-saħħa u biex ikun żgurat li dawn ma jiġux ipprovduti b’informazzjoni qarrieqa.

PUNTI EWLENIN

  • Il-liġi tistabbilixxi lista armonizzata ta’ vitamini u minerali li jistgħu jintużaw biex jagħmlu supplimenti tal-ikel.
  • Il-manifatturi jirrakkomandaw livelli massimi u minimi tal-konsum ta’ kuljum.
  • Is-supplimenti tal-ikel m’għandhomx ikunu ttikkettjati, ippreżentati jew reklamati li huma kapaċi jipprevjenu, jitrattaw jew jikkuraw xi marda. Lanqas ma għandu jiġi ssuġġerit li dieta bbilanċjata u varjata ma tistax tipprovdi kwantitajiet xierqa ta’ nutrijenti.
  • It-tikketti għandhom jagħtu d-dettalji ta’:
    • in-nutrijenti u sustanzi li jkun fih l-ikel;
    • jirrakkomdaw konsum ta’ kuljum bi twissija li dik id-doża ma għandhiex tinqabeż; u
    • parir biex il-prodott jinħażen ’il bogħod mit-tfal żgħar.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jeħtieġu li l-manifatturi jinnotifikawhom billi jipprovdu kopja tat-tikketta meta huma jqiegħdu prodott fis-suq.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jissospendu jew jirrestrinġu l-bejgħ ta’ suppliment jekk huma jemmnu li jista’ jipperikola s-saħħa tal-bniedem. Huma jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi kollha fiż-Żona Ekonomika Ewropea – żona li tinkludi t-28 pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja li fiha hemm moviment ħieles ta’ persuni, oġġetti, servizzi u kapital.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għal prodotti mediċinali.

Barra minn hekk:

  • Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 jistabbilixxi regoli dwar il-kontenut u l-informazzjoni akkumpanjata tal-formula tat-trabi, l-ikel proċessat biċ-ċereali, ikel tat-trabi, l-ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sositut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż;
  • Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jarmonizza r-regoli dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fl-ikel mibjugħ lill-pubbliku, inkluż ikel fornut lil ristoranti, sptarijiet, skejjel, canteens u fornituri oħra tal-massa;
  • Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jarmonizza r-regoli dwar iż-żieda ta’ vitamini, minerali u ċerti sustanzi oħra mal-ikel.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Lulju 2002. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Lulju 2003.

SFOND

TERMINI EWLENIN

* Supplimenti tal-ikel: sorsi kkonċentrati ta’ nutrijenti jew ta’ sustanzi oħra ma’ benefiċċji nutrittivi jew fiżjoloġiċi biex jissupplimentaw dieta normali. Dawn jistgħu jinbiegħu bħala kapsuli, mustardini, pilloli u qratas jew fi fliexken.

ATT

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/46/KE tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51-57)

Emendi suċċessivi u korrezzjonijiet għad-Direttiva 2002/46/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35-56)

Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9-25). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra ma’ l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26-38). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.02.2016

Top