Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Apparat personali protettiv

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Apparat personali protettiv

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 89/686/KEE — apparat personali protettiv

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tkopri l-apparat personali protettiv (PPE). Hija tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid fis-suq tiegħu u l-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE), u r-rekwiżiti bażiċi li l-PPE jrid jissodisfa sabiex iħares is-saħħa u jiżgura s-sikurezza tal-utenti.
  • Hija teħtieġ lill-pajjiżi tal-UE jadottaw miżuri biex jiżguraw li l-PPE li jitqiegħed fis-suq iħares is-saħħa u jiżgura s-sigurtà tal-utenti, mingħajr preġudizzju għas-saħħa jew is-sigurtà ta’ individwi oħra, annimali domestiċi jew merkanzija.

PUNTI EWLENIN

Definizzjoni u kamp ta’applikazzjoni

Il-PPE huwa kwalunkwe tagħmir jew apparat:

  • maħsub biex jintlibes jew jinżamm minn individwu għall-protezzjoni kontra periklu għas-saħħa u s-sigurtà wieħed jew aktar (eż. nuċċalijiet tax-xemx);
  • iddisinjat għall-użu kemm professjonali kif ukoll privat (bħall-isport, divertiment jew użu domestiku)

Id-direttiva ma tapplikax għal:

  • PPE diġà kopert minn direttiva oħra li għandha l-istess għanijiet bħal din id-direttiva fir-rigward tat-tqegħid fis-suq, il-moviment liberu tal-merkanzija u s-sigurtà;
  • PPE iddisinjat u manifatturat biex jintuża mill-forzi armati jew sabiex titħares il-liġi u tinżamm l-ordni;
  • PPE għal difiża personali;
  • PPE maħsub għall-protezzjoni jew is-salvataġġ ta’ nies fuq dgħajjes jew ajruplani, li ma jintlibisx il-ħin kollu;
  • Elmi u visors maħsuba għal utenti ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti.

Rekwiżiti essenzjali

  • Id-disinn u l-manifattura tal-PPE huma soġġetti għal rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà.
  • Ir-rekwiżiti essenzjali li jridu jiġu ssodisfati mill-PPE waqt il-manifattura u qabel jitqiegħed fis-suq huma:
    • rekwiżiti ġenerali applikabbli għall-PPE kollu:
    • rekwiżiti addizzjonali speċifiċi għal ċerti tipi ta’ PPE (eż. PPE li jiqdiem meta l-prestazzjoni tiegħu tista’ tiġi affettwata mill-età jeħtieġ data tal-manifattura);
    • rekwiżiti addizzjonali speċifiċi għal riskji partikolari (eż. għajnuniet għall-kapaċità li wieħed iżomm f’wiċċ l-ilma - fil-kundizzjonijiet tal-użu maħsuba, dan il-PPE ma jridx jirrestrinġi l-libertà tal-utenti li jiċċaqalqu iżda jrid jippermettilhom, b’mod partikolari, jgħumu jew jieħdu azzjoni biex jaħarbu mill-periklu jew isalvaw lil persuni oħra).

Standards armonizzati

Valutazzjoni tal-konformità u korpi notifikati

  • Il-valutazzjoni tal-konformità ta’ PPE mar-rekwiżiti essenzjali u regoli oħra ta’ din id-direttiva hija r-responsabbiltà:
    • jew tal-korpi notifikati mill-pajjiżi tal-UE b’konformità ma’ ċerti kriterji ta’ valutazzjoni minimi;
    • jew tal-manifatturi nnifishom.

Dikjarazzjoni tal-konformità u l-marka CE

Il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq jew il-bidu tas-servizz ta’ PPE li jkollu l-marka CE li għalih:

  • il-manifattur ikun jista’ jipproduċi dikjarazzjoni ta’konformità KE;
  • għal PPE li jipproteġi kontra riskji żgħar, il-konformità tintwera mill-manifattur innifsu permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità KE;
  • it-tipi l-oħra kollha ta’ PPE għandhom ikunu soġġetti għal eżami tat-tip KE* minn korp notifikat;
  • xi oġġetti tal-PPE li jipproteġu kontra riskji serji ħafna huma wkoll soġġetti għal proċedura mmirata sabiex tiżgura l-konformità mat-tip tal-produzzjoni, bħal tagħmir respiratorju. PPE bħal dan jeħtieġ ċertifikat tal-eżami tat-tip KE kif ukoll
    • jew monitoraġġ kostanti tal-konformità permezz ta’ verifiki biex jiġi żgurat li huma fis-seħħ sistemi ta’ ġestjoni ta’ kwalità sabiex prodott isir konformi
    • jew il-provvista ta’ kampjuni kull sena għall-ittestjar tal-konformità.

Il-marka ta’ konformità CE titwaħħal mill-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu stabbilit fl-UE.

Revoka

Id-Direttiva 89/686/KEE se tiġi revokata u sostitwita mir-Regolament (UE) 2016/425 b’effett mill-21 ta’ April 2018.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 1991. Hija ilha tapplika mill-1 ta’ Lulju 1992.

SFOND

Din id-direttiva hija supplimentata bid-direttivi dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari d-Direttiva 89/656/KEE dwar l-użu tal-PPE minn ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

* TERMINI EWLENIN

Eżami tat-tip: meta l-korp approvat biex jispezzjona jistabbilixxi u jiċċertifika li l-mudell PPE msemmi jissodisfa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18–38)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/686/KEE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51–98)

l-aħħar aġġornament 20.09.2016

Top