EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Funikulari għat-trasport tal-passiġġieri

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT

Id-Direttiva 2000/9/KE — Installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tiddefinixxi sett ta’ rekwiżiti ta’ sigurtà essenzjali fuq livell tal-Unjoni Ewropea (UE) kif ukoll l-ispezzjoni u l-proċeduri ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati għall-funikulari li jġorru l-passiġġieri.

PUNTI EWLENIN

Il-funikulari li jġorru persuni huma prodotti kapitali (jiġifieri tagħmir tqil li jeħtieġ investiment relattivament kbir). Huma jikkonsistu f’bosta komponenti u huma ddisinjati, immanifatturati, immuntati u kkummissjonati biex ikunu jistgħu jipprovdu servizz li jġorr lil passiġġieri.

Kamp ta’ applikazzjoni

  • L-installazzjonijiet ikkonċernati minn din id-direttiva huma:
    • binarji tal-funikular jew vetturi oħra fejn it-trazzjoni hija pprovduta b’kejbil wieħed jew aktar;
    • funikulari merfugħa u/jew imċaqalqa b’kejbils tal-ġarr, li tinkludi gondli u chair lifts;
    • drag lifts.

Id-direttiva ma tapplikax għal:

  • lifts skond it-tifsira tad-Direttiva 95/16/KE;
  • cable-operated tramways mibnija b'mod tradizzjonali;
  • installazzjonijiet użati għal skopijiet agrikoli;
  • tagħmir maħsub għall-iskop ta’ divertiment għall-użu f’fieri u/jew parks ta’ divertiment;
  • installazzjonijiet tal-minjieri u għal skopijiet industrijali;
  • laneċ imħaddma bil-kejbil, rack railways u installazzjonijiet misjuqa b’katina.

Definizzjonijiet

  • Id-Direttiva tagħti definizzjonijiet għal installazzjoni*, komponenti ta’ sigurtà *, kuntrattur priċipali*, tħaddim* u manutenzjoni *.
  • Hija tiddetermina l-objettivi jew ir-rekwiżiti essenzjali fir-rigward tas-sigurtà, is-saħħa u l-protezzjoni kemm tal-ambjent kif ukoll tal-konsumaturi li l-apparat għandu jissodisfa waqt il-manifattura u qabel jitqiegħed f’servizz.

Standardizzazzjoni

  • L-ispeċifikazzjonijiet Ewropej (speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, approvazzjonijiet tekniċi Ewropej jew standards nazzjonali li jissupplimentaw dak l-istandard Ewropew) huma mħejjija fuq il-bażi ta’ rekwiżiti essenzjali. Dawn huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
  • L-istandards armonizzati Ewropej huma mħejjija mill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni.
  • Kwalunkwe sistema li ġiet prodotta b’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet Ewropej titqies li tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali.

Proċeduri ta’ evalwazzjoni

  • Il-proċeduri għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-komponenti u s-sistemi ta’ sigurtà mar-rekwiżiti essenzjali huma bbażati fuq l-approċċ modulari stabbilit fir-regoli tal-UE fuq l-immarkar ta’ konformità CE. L-evalwazzjoni tal-konformità tagħhom hija r-responsabilità tal-organizzazzjonijiet magħżula minn pajjiżi tal-UE, skont il-kriterji komuni tal-evalwazzjoni, li mbagħad jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi l-oħra tal-UE. Il-proċedura ta’ evalwazzjoni tingħata bidu fuq talba mill-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu fi ħdan l-UE fil-każ tal-komponenti tas-sigurtà, jew mill-klijent prinċipali jew ir-rappreżentant tiegħu fil-każ ta’ installazzjonijiet.
  • Qabel jitqiegħed fis-suq it-tagħmir għandu jirċievi d-dikjarazzjoni ta’ konformità KE li żżid forma prattika għall-konformità tagħhom ma’ din id-Direttiva. Din titfassal jew mill-manifattur jew mir-rappreżentant tiegħu fi ħdan l-UE fil-każ ta’ komponenti ta’ sigurtà, jew mill-klijent prinċipali jew ir-rappreżentant tiegħu fil-każ ta’ installazzjonijiet.
  • Meta l-komponenti ta’ sigurtà jkunu koperti minn direttivi oħra tal-UE, id-dikjrazzjonijiet ta’ konformità KE tiddikjara wkoll li l-komponenti ta’ sigurtà jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dawk id-direttivi.
  • Il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu, fuq it-territorju tagħhom u fuq il-bażi ta’ din id-direttiva:
    • it-tqegħid fis-suq ta’ komponenti ta’ sigurtà biex dawn jintużaw f’sistema;
    • il-bini u t-tħaddim ta’ installazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-direttiva eżistenti.
  • Pajjiż tal-UE għandu jiżgura jekk komponent ta’ sigurtà bil-markar ta’ konformità CE jew installazzjoni awtorizzata u użata skond l-iskop maħsub tagħha tistax tipperikola s-sigurtà u s-saħħa tal-persuni, u, fejn applikabbli, is-sigurtà tal-proprjetà. Jekk il-pajjiż tal-UE jsir jaf li dan huwa l-każ, huwa għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirrestrinġi l-kundizzjonijiet tal-użu tal-komponent jew tal-installazzjoni. Id-direttiva tististabbilixxi l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti skont jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex dovut għal:
    • nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali;
    • l-applikazzjoni inkorretta tal-ispeċifikazzjonijiet Ewropej;
    • nuqqasijiet fl-ispeċifikazzjonijiet Ewropej.

Revoka

Id-Direttiva 2000/9/KE hija revokata u sostitwita mir-Regolament (UE) 2016/424 b’effett mill-21 ta’ April 2018.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-3 ta’ Mejju 2000. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-3 ta’ Mejju 2002.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* PUNTI EWLENIN

Installazzjoni: fil-kuntest ta’ dan is-sommarju, din hija magħmula minn bosta komponenti, iddisinjati, immanifatturati, immuntati u mqiegħda fis-servizz bl-iskop li jġorru persuni.

Komponent tas-sigurtà: kull komponent bażiku, sett ta’ komponenti, assemblaġġ komplut tat-tagħmir jew kull mekkaniżmu inkorporat fl-installazzjoni bl-iskop li tiġi żgurata s-sigurtà jew is-saħħa tal-persuni, irrispettivament minn jekk ikunux l-utenti, l-operaturi jew partijiet terz

Kuntrattur prinċipali: kull persuna fiżika jew ġuridika li tikkummissjona l-kostruzzjoni ta’ installazzjoni.

Operabilità: id-dispożizzjonijiet tekniċi kollha u l-miżuri li għandhom impatt fuq id-disinn u r-realizzazzjoni u li huma meħtieġa biex l-installazzjoni titħaddem b’mod sigur.

kapaċità ta’ manutenzjoni: id-dispożizzjonijiet tekniċi kollha u l-miżuri li għandhom impatt fuq id-disinn u r-realizzazzjoni u li huma meħtieġa għall-manutenzjoni maħsuba biex tiżgura li l-installazzjoni titħaddem b’mod sigur.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2000/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni (ĠU L 106, 3.5.2000, p. 21-48)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2016/424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular u li jħassar id-Direttiva 2000/9/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 1-50)

l-aħħar aġġornament 12.09.2016

Top