Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Karta Blu tal-UE — dħul u residenza ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Karta Blu tal-UE — dħul u residenza ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/50/KE — Kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal ċittadini mhux tal-UE bi kwalifiki għoljin*, u l-familji tagħhom, li jixtiequ jaħdmu f’impjieg bi kwalifiki għoljin f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea (barra d-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit).
  • Hija toħloq sistema ta’ Karta Blu tal-UE*.

PUNTI EWLENIN

  • Applikanti għal Karta Blu tal-UE għandhom jippreżentaw:
    • kuntratt validu ta’ xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg għal mill-inqas sena, li joffri salarju ta’ mill-inqas darba u nofs is-salarju gross annwali f’pajjiż tal-UE;
    • dokumenti ta’ prova li għandhom il-kwalifiki meħtieġa;
    • dokument validu tal-ivvjaġġar u, jekk meħtieġ viża;
    • prova ta’ assigurazzjoni tal-mard .
  • Pajjiżi tal-UE jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq mhumiex sodisfatti jew id-dokumenti nkisbu illegalment, ġew iffalsifikati jew imbagħbsa.
  • L-applikant ma jistax ikun ta’ theddida għall-politika, is-sigurtà jew is-saħħa pubblika.
  • Pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeterminaw in-numru ta’ impjegati bi kwalifiki għoljin li jdaħħlu.
  • L-applikanti li jintgħażlu jirċievu Karta Blu tal-UE b’validità standard ta’ bejn sena u erba’ snin, skont il-pajjiż tal-UE inkwistjoni jew it-tul tal-kuntratt tax-xogħol, jekk dan ikun iqsar mill-validità standard b’żieda ta’ tliet xhur.
  • L-applikazzjoni tista’ ssir minn individwu u/jew min iħaddimhom skont il-pajjiż tal-UE.
  • Għall-ewwel sentejn, id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE huma limitati għal impjieg bi kwalifiki għoljin li jissodisfaw il-kriterji għall-ammissjoni. Wara dan huma jistgħu japplikaw fuq termini ugwali għal dak ta’ ċittadin tal-pajjiż fir-rigward tal-aċċess għal impjieg bi kwalifiki għoljin, skont il-pajjiż tal-UE.
  • Detenturi ta’ Karta Blu u l-familji tagħhom jistgħu jidħlu, jerġgħu jidħlu u joqogħdu fil-pajjiż tal-UE tal-ħruġ u jgħaddu minn pajjiżi oħra tal-UE.
  • Detenturi ta’ Karta Blu għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż f’termini tal-kondizzjonijiet ta’ impjieg, l-edukazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ diplomi, elementi tas-sigurtà soċjali u l-libertà ta’ assoċjazzjoni. Pajjiżi tal-UE jistgħu jillimitaw xi wħud minn dawn, partikolarment għotjiet u self edukattivi.
  • Awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirtiraw Karta Blu tal-UE, jew ma jġedduhiex, jekk l-utent ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet oriġinali, ikun ilu qiegħed għal aktar minn tliet xhur jew huwa kkunsidrat theddida pubblika.
  • Wara tmintax-il xahar ta’ residenza legali, detentur ta’ Karta Blu tal-UE jkollu xi faċilità li jmur f’pajjiż ieħor tal-UE. Sakemm jikkonformaw mal-kriterji ta’ ammissjoni, huma jkunu jistgħu jitħallew jaħdmu qabel tittieħed deċiżjoni, u l-membri tal-familja jistgħu jingħaqdu magħhom immedjatament.
  • Kull tliet snin, il-Kummissjoni Ewropea tirrapporta dwar kif qed tiġi applikata l-leġiżlazzjoni. L-ewwel rapport kien ippubblikat f’Ġunju 2014.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija bdiet tapplika mill-19 ta’ Ġunju 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-19 ta’ Ġunju 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “L-Immigrazzjoni legali” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Impjegati bi kwalifiki għoljin: xi ħadd li jitħallas u għandu kompetenza speċifika, li hi mixhuda bi kwalifiki professjonali ogħla.

* Karta Blu tal-UE: awtorizzazzjoni ta’ xogħol u residenza bil-kliem “Karta Blu tal-UE”, li tawtorizza lid-detentur jgħix u jaħdem fil-pajjiż tal-UE li ħarġitha.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17-29)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/50/KE dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (“Karta Blu tal-UE”) (COM(2014) 287 final tat-22.5.2014)

l-aħħar aġġornament 21.04.2016

Top