Help Print this page 
Title and reference
Is-sħubija fl-UE — il-proċess ta’ adeżjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Is-sħubija fl-UE — il-proċess ta’ adeżjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — is-sħubija fl-UE

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (TUE)?

L-Artikolu 49 jipprovdi l-bażi legali għal kwalunkwe Stat Ewropew biex jissieħeb fl-UE.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE.

PUNTI EWLENIN

Eliġibbiltà

Il-pajjiż applikant għandu:

ikun stat li jinsab fl-Ewropa ġeografika

jirrispetta u jimpenja ruħu favur il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, jiġifieri: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt; ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; u r-rispett għal soċjetà pluralistika u għan-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Il-pajjiż applikant għandu jissodisfa wkoll il-kriterji tal-eliġibbiltà tal-UE. Dawn huma komunement magħrufa bħala l-kriterji ta’ Copenhagen, minħabba li kienu ġew definiti mill-Kunsill Ewropew li seħħ f’Copenhagen f’Ġunju tal-1993. Il-kriterji huma dawn li ġejjin:

istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett lejn u l-protezzjoni tal-minoranzi;

ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità li din tlaħħaq mal-kompetizzjoni u mal-forzi tas-suq fl-UE;

il-kapaċità li jassumi u jimplimenta b’mod effettiv l-obbligi tas-sħubija, inkluża l-aderenza mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja.

Il-Kunsill Ewropew li sar f’Madrid f’Diċembru 1995 żied jgħid li l-pajjiż kandidat għandu jkun jista’ japplika d-dritt tal-UE u jkun jista’ jiżgura li d-dritt tal-UE traspost f’leġiżlazzjoni nazzjonali jiġi implimentat b’mod effettiv permezz ta’ strutturi ġudizzjarji u amministrattivi xierqa.

L-UE tirriserva d-dritt li tiddeċiedi meta l-pajjiż kandidat ikun issodisfa l-kriterji tal-adeżjoni. Barra minn hekk, l-UE nnifisha għandha tkun kapaċi tintegra lill-membri l-ġodda.

Proċedura

1.

Applikazzjoni

Tiġi ppreżentata applikazzjoni formali lill-Kunsill mill-pajjiż Ewropew li jissodisfa l-kriterji inklużi fl-Artikolu 2 tat-TUE. Il-Kunsill jgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni.

2.

Status ta’ kandidat

L-istatus ta’ pajjiż bħala pajjiż kandidat jingħata mill-Kunsill Ewropew wara li jingħataw opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni u kunsens mill-Parlament Ewropew.

3.

Negozjati

In-negozjati jinfetħu wara li tittieħed deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew u wara li tkun ġiet riċevuta rakkomandazzjoni favorevoli mill-Parlament Ewropew.

In-negozjati jsiru f’konferenzi intergovernattivi bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE u tal-pajjiż kandidat. L-acquis (il-korp tad-dritt tal-UE) huwa maqsum f’oqsma ta’ politika, li kull wieħed minnhom irid jiġi nnegozjat separatament. (Bħalissa hemm 35 qasam ta’ politika jew “kapitoli”.)

Matul il-fażi ta’ qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni timmonitorja l-isforzi tal-pajjiż kandidat sabiex jimplimenta l- acquis. Hija tassisti wkoll lill-pajjiżi kandidati matul il-proċess bl-istrumenti ta’ finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni, bħal TAIEX.

Arranġamenti tranżitorji – il-partijiet jiddiskutu wkoll jekk xi regoli jistgħux jiġu introdotti gradwalment (u jekk iva, kif) sabiex il-pajjiżi membri ġodda tal-UE jew dawk eżistenti jkollhom biżżejjed żmien sabiex jadattaw. Dan jiġi diskuss l-aktar matul l-istadji finali tan-negozjati.

4.

Proċess ta’ screening

L-hekk imsejjaħ stadju ta’ screening isir b’mod parallel man-negozjati. Dan jikkonsisti f’verifika ta’ jekk entrati individwali tal-acquis elenkati f’kapitolu partikolari ġewx trasposti fid-dritt tal-pajjiż kandidat. Huwa biss meta l-pajjiż kandidat juri li huwa diġà implimenta kapitolu tal-acquis, jew li ser jimplimentah sad-data tal-adeżjoni, li dak il-kapitolu jkun jista’ jingħalaq b’mod provviżorju. L-eċċezzjoni hija meta pajjiż kandidat jaqbel fuq arranġamenti speċjali fir-rigward ta’ parti mill-acquis.

Il-Kummissjoni tgħarraf lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew matul il-proċess kollu, b’mod partikolari permezz ta’ rapporti tal-progress annwali. Il-pajjiż kandidat ifassal ukoll programmi nazzjonali annwali fejn huwa jevalwa l-progress tiegħu fl-implimentazzjoni tal-kapitoli differenti tal-acquis.

5.

Adeżjoni

L-għan aħħari tan-negozjati huwa li jitħejja trattat ta’ adeżjoni. L-adeżjoni għandha tiġi approvata b’mod unanimu mill-Kunsill u għandha tirċievi l-kunsens tal-Parlament Ewropew. It-trattat imbagħad jiġi ffirmat minn kull wieħed mill-pajjiżi tal-UE u mill-pajjiż aderenti u jiġi rratifikat minn kull pajjiż tal-UE u mill-pajjiż aderenti, kull wieħed skont il-proċeduri kostituzzjonali tiegħu.

SFOND

ATT

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

l-aħħar aġġornament 10.11.2015

Top