EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Statistika dwar il-migrazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 862/2007 — Statistika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 jistabbilixxi r-regoli tal-UE għall-ġbir u l-kompilazzjoni ta’ statistika dwar il-migrazzjoni (emigrazzjoni* u immigrazzjoni*), protezzjoni internazzjonali (ażil), migrazzjoni regolari u irregolari* u ritornar mill-pajjiżi tal-UE u tal-EFTA.
  • Biex jiġi żgurat li statistika affidabbli, rilevanti u fil-ħin tkun disponibbli fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, u biex tiġi appoġġata l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li temenda r-Regolament (UE) 2020/851 tintroduċi statistika addizzjonali li għandha tiġi miġbura mill-Eurostat u żżid regoli għall-introduzzjoni ta’ studji pilota biex jittestjaw il-fattibilità ta’ kollezzjonijiet ta’ data ġodda jew disaggregazzjonijiet fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

PUNTI EWLENIN

Rekwiżiti statistiċi

Ir-regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti statistiċi għal kategoriji differenti ta’ data:

  • Għall-migrazzjoni internazzjonali, il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu lill- Eurostat bi statistika dwar:
    • immigranti deħlin fit-territorji tagħhom;
    • emigranti ħerġin mit-territorji tagħhom;
    • persuni li huma normalment residenti fit-territorji tagħhom;
    • persuni li akkwistaw iċ-ċittadinanza nazzjonali.
  • Għal permessi ta’ residenza u residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE, il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu lil Eurostat bi statistika dwar:
    • permessi ta’ residenza maħruġin, u l-permessi maħruġin minħabba l-bidla tal-istatus ta’ immigrazzjoni jew ir-raġuni għas-soġġorn; u permessi ta’ residenza maħruġin fuq terminu twil;
    • in-numru ta’ permessi ta’ residenza validi u l-permessi ta’ residenza għat-tul.
  • Għal protezzjoni internazzjonali, il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu lil Eurostat bi statistika dwar:
    • persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali inklużi applikanti għall-ewwel darba u applikazzjonijiet sussegwenti;
    • tfal mhux akkumpanjati li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali;
    • applikazzjonijiet pendenti għall-protezzjoni internazzjonali;
    • applikazzjonijiet għall-ażil irtirati;
    • applikazzjonijiet proċessati taħt proċedura aċċellerata;
    • applikanti li jibbenefikaw minn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali;
    • applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali rrifjutati;
    • għotjiet tar-refuġjati, protezzjoni sussidjarja, status nazzjonali umanitarju u ta’ protezzjoni temporanja;
    • talbiet u talbiet ta’ eżami mill-ġdid, deċiżjonijiet u trasferimenti skont ir-Regolament ta’ Dublin III;
    • benefiċjarji ta’ risistemazzjoni*.
  • Għall-prevenzjoni ta’ dħul illegali u residenza, u għar-ritorni, il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu statisika fuq in-numru ta’:
    • ċittadini ta’ pajjiżi terz li ġew irrifjutati d-dħul fil-fruntieri esterni tagħhom;
    • ċittadini ta’ pajjiż terz li nstabu preżenti illegalment fit-territorji tagħhom;
    • deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji li jimponu obbligazzjoni biex jitilqu mit-territorji tagħhom;
    • in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma ritornati għaliex ingħataw ordni li jitkeċċew.

Sorsi tad-data

l-istatisika hija bbażata fuq numru ta’ sorsi li jinkludu:

  • rekords tal-azzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji;
  • reġistri tal-popolazzjoni jew li jirrelataw mal-azzjonijiet amministrattivi;
  • ċensimenti;
  • stħarriġ kampjun.

B’mod ġenerali, l-istatistika hija maqsuma skont l-età, is-sess u ċ-ċittadinanza. Madankollu, id-data hija miġbura wkoll għal kategoriji oħrajn bħar-raġuni tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew il-pajjiż tat-twelid u l-pajjiż tar-residenza ta’ qabel jew li jmiss għad-data dwar il-migrazzjoni.

Studji pilota

  • Ir-Regolament (UE) 2020/851 li jemend, jintroduċi studji pilota biex jittestjaw il-fattibilità ta’ kollezzjonijiet ta’ data ġodda jew disaggregazzjonijiet fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit tal-UE huma disponibbli għall-istituti nazzjonali għal:

  • l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda għall-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali; u
  • l-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta’ kollezzjonijiet ta’ data ġodda u disaggregazzjonijiet, inkluż l-aġġornament ta’ sorsi tad-data u sistemi tal-IT, għal perjodu ta’ ħames snin.

Implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-regolament kull 3 snin. Ir-rapport tal-2018 sab titjib ċar fid-disponibilità, il-kompletezza, il-kwalità u l-puntwalità tad-data.

MINN META BEDA JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-20 ta’ Awwissu 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Emigrazzjoni: l-azzjoni li biha persuna, li qabel kienet residenti f’pajjiż tal-UE, tibdel il-pajjiż tar-residenza tagħha jew tiegħu għal perjodu li huwa mistenni li jkun minn tal-inqas 12-il xahar.
Immigrazzjoni: l-azzjoni li biha persuna tistabbilixxi r-residenza tagħha jew tiegħu fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE jew pajjiż mhux tal-UE ieħor għal perjodu ta’ jew li huwa mistenni li jkun minn tal-inqas 12-il xahar.
Migrazzjoni irregolari: il-moviment ta’ nies bejn il-fruntieri li ma jikkonformax man-normi amministrattivi jew legali tal-pajjiż li jibgħat, ta’ tranżitu jew li jirċievi.
Risistemazzjonit: it-trasferimenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE lejn pajjiż tal-UE fejn huma permessi li joqgħodu għall-finijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, pp. 23-29)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 862/2007 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitraja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonli (COM(2018) 594 final, 16.8.2018)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 351/2010 tat-23 ta’ April 2010 implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali rigward id-definizzjonijiet tal-kategoriji tal-gruppi ta’ pajjiż tat-twelid, gruppi ta’ pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti, gruppi ta’ pajjiż tar-residenza abitwali sussegwenti u gruppi ta’ ċittadinanza (ĠU L 104, 24.4.2010, pp. 37-39)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2010 tal-15 ta’ Marzu 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ kategoriji għar-raġunijiet għall-permessi ta’ residenza (ĠU L 66, 16.3.2010, pp. 1-2)

l-aħħar aġġornament 24.08.2020

Top