Help Print this page 
Title and reference
Protezzjoni ta’ dejta personali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Protezzjoni ta’ dejta personali

Id-Direttiva 95/46/KE hija d-dokument ta’ referenza, fil-livell Ewropew, dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Hija tistabbilixxi qafas regolamentari li għandu l-għan li jistabbilixxi bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza tal-individwi u l-moviment liberu tad-dejta personali fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Biex tagħmel dan, id-Direttiva tistabbilixxi limiti stretti għall-ġbir u l-użu ta’ dejta personali, u titlob il-ħolqien, f’kull Stat Membru, ta’ organizzazzjoni nazzjonali indipendenti inkarigata mis-superviżjoni ta' kwalunkwe attività relatata mal-ipproċessar tad-dejta personali.

ATT

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [Ara l-att(i) li jemenda(w)].

SINTEŻI

Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dejta pproċessata b’mezzi awtomatiċi (pereżempju, bażi ta' dejta kompjuterizzata tal-klienti) kif ukoll għad-dejta mqiegħda jew maħsuba sabiex titqiegħed f’sistema ta’ skedar mhux awtomatizzat (fajls tradizzjonali tal-karti).

Id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ dejta:

  • li jsir minn persuna fiżika fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklużivament personali jew domestiċi;
  • implimentat għat-twettiq ta’ attivitajiet li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja bħas-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà tal-Istat.

Id-Direttiva għandha l-għan li tħares id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali billi tistabbilixxi l-kriterji prinċipali sabiex l-ipproċessar isir b'mod legali u billi tistabbilixxi l-prinċipji tal-kwalità tad-dejta.

L-ipproċessar tad-dejta huwa legali biss jekk:

  • is-suġġett tad-dejta jkun ta b'mod ambigwu l-kunsens tiegħu; jew
  • l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kuntratt li għalih, is-suġġett tad-dejta huwa parti; jew
  • l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-konformità mal-obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur; jew
  • l-ipproċessar huwa meħtieġ sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta; jew
  • l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-prestazzjoni ta' dmir imwettaq fl-interess pubbliku jew fit-twettiq tal-awtorità uffiċjali mogħtija lil kontrollur jew parti terza; jew
  • l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-għanijiet tal-interess leġittimu segwit mill-kontrollur jew mill-parti terza, għajr fejn interess bħal dan huwa misbuq mill-interessi għad-drittijiet fundamentali u libertajiet tas-suġġett tad-dejta li jeħtieġu l-protezzjoni.

Il-prinċipji tal-kwalità tad-dejta, li għandhom jiġu implimentati għall-attivitajiet ta' pproċessar tad-dejta kollu b'mod legali, huma dawn li ġejjin:

  • id-dejta personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u skont il-liġi, u miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi. Barra minn hekk għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva, eżatta u, fejn meħtieġ, miżmuma aġġornata, ma għandhiex tinħażen għal aktar milli jkun hemm bżonn u għandha tinħażen biss għall-għanijiet li għalihom tkun inġabret;
  • il-kategoriji speċjali tal-ipproċessar: għandu jkun ipprojbit l-ipproċessar ta’ dejta personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet pubbliċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija trejdjunjonistika, kif ukoll l-ipproċessar ta’ dejta dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali. Din id-dispożizzjoni tinkludi xi riżervi dwar, pereżempju, il-każ fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għad-difiża tal-interessi vitali tal-individwu kkonċernat jew għall-finijiet tal-mediċina preventiva u ta’ dijanjożi medika.

Il-persuna li d-dejta tagħha tkun qed tiġi pproċessata, is-suġġett tad-dejta, jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet li ġejjin:

  • id-dritt li jiksbu informazzjoni tal-individwi kkonċernati mill-ipproċessar tad-dejta: il-kontrollur tal-ipproċessar għandu jipprovdi ċertu ammont ta’ informazzjoni (l-identità tal-kontrollur tal-ipproċessar, l-għanijiet tal-ipproċessar, min ser jirċievi d-dejta, eċċ.) lill-persuna li dwarha jkun qed jiġbor l-informazzjoni;
  • id-dritt tal-aċċess ta’ dawn l-individwi għad-dejta: kull individwu kkonċernat għandu jkollu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur tad-dejta
  • id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-dejta: is-suġġett tad-dejta għandu jkollu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet leġittimi, għall-ipproċessar tad-dejta relatata miegħu/magħha. Huwa għandu jkollu wkoll id-dritt li joġġezzjona, fuq talba u bla ħlas, għall-ipproċessar tad-dejta personali li l-kontrollur jistenna li jkun se jsir għall-għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta. Huwa għandu finalment ikun infurmat qabel dejta personali tiġi żvelata lil partijiet terzi għall-għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, u għandu jiġi offrut id-dritt b'mod espliċitu li joġġezzjona għal żvelar bħal dan.

Aspetti relevanti oħrajn għall-ipproċessar tad-dejta:

  • l-eżenjonijiet u r-restrizzjonijiet mid-drittijiet tas-suġġett tad-dejta: il-prinċipji dwar il-kwalità tad-dejta, l-informazzjoni tal-individwu kkonċernat, id-dritt għall-aċċess u r-reklamar tal-ipproċessar jistgħu jkollhom l-ambitu tagħhom limitat għall-ħarsien, fost oħrajn, tas-sigurtà tal-Istat, tad-difiża, tas-sigurtà pubblika, l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, ta’ interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-UE jew il-protezzjoni tal-individwu kkonċernat;
  • il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar: kull persuna li taġixxi bl-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur tad-dejta, inkluż il-proċessur innifsu, li jkollha aċċess għal dejta personali, m’għandhiex tipproċessaha ħlief fuq struzzjonijiet tal-kontrollur tad-dejta. Barra minn hekk, il-kontrollur tad-dejta għandu jimplimenta l-miżuri xierqa biex jipproteġi lid-dejta personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat;
  • in-notifika tal-ipproċessar lill-awtorità ta’ superviżjoni: il-kontrollur għandu jibgħat notifika lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni qabel isir l-ipproċessar. L-awtorità ta’ superviżjoni għandha tagħmel kontrolli minn qabel dwar il-possibbiltà ta’ riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi kkonċernati wara li tirċievi n-notifika. Il-pubbliċità tal-ipproċessar għandha tkun assigurata u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom iżommu reġistru tal-ipproċessar innotifikat.

Kull individwu għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju f’każ ta’ ksur tad-drittijiet garantiti mil-liġi nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar inkwistjoni. Barra minn hekk, l-individwi li jkunu sofrew ħsara minħabba proċessar illegali tad-dejta personali tagħhom għandhom id-dritt li jirċievu kumpens għall-ħsara li jkunu sofrew.

It-trasferimenti ta’ dejta personali minn Stat Membru lil pajjiż terz li jkollu livell ta’ protezzjoni adegwata huma awtorizzati. Madankollu, għalkemm it-trasferimenti ma jistgħux iseħħu meta ma jkunx garantit livell ta’ protezzjoni adegwat, hemm għadd ta' eċċezzjonijiet għal din ir-regola elenkata fid-Direttiva, eż. is-suġġett tad-dejta stess jaqbel li jittrasferixxi, fil-każ tal-konklużjoni ta' kuntratt, fil-każ li jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku, iżda wkoll jekk Regoli Korporattivi Vinkolattivi jew Klawsoli Kuntrattwali Standard ikunu ġew awtorizzati mill-Istat Membru.

Id-Direttiva għandha l-għan li tħeġġeġ it-tfassil ta’ kodiċi ta’ kondotta nazzjonali u Komunitarji maħsuba sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji.

Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli mis-sorveljanza tal-applikazzjoni, fit-territorju tiegħu, tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva.

Għandu jkun stabbilit Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar ta’ Dejta Personali, li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, minn rappreżentanti tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji, u minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 95/46/KE

13.12.1995

24.10.1998

ĠU L 281, 23.11.1995

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1882/2003

20.11.2003

ĠU L 284, 31.10.2003

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 95/46/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha tintuża biss għal għanijiet ta' referenza.

ATTI RELATATI

RAPPORT TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2007, intitolata: Monitoraġġ tal-Programm ta’ Ħidma għal Implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta [ COM(2007) 87 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

Din il-Komunikazzjoni eżaminat ix-xogħol li sar bħala parti mill-Programm ta’ ħidma għal implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta li jinsab fl-Ewwel Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE. Il-Kummissjoni enfasizzat it-titjib fil-fatt li l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva. Hija enfasizzat li għalissa, id-Direttiva m’għandhiex tkun emendata.

Hija nnotat ukoll li:

  • kienet sejra tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, tniedi proċeduri uffiċjali ta’ ksur;
  • sejra tħejji komunikazzjoni interpretattiva għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva;
  • sejra tkompli timplimenta l-programm ta’ ħidma;
  • sejra tippreżenta, f’każ ta’ żviluppi tekonoloġiċi kbar f’qasam speċifiku, leġiżlazzjoni settorjali fil-livell tal-Unjoni Ewropea;
  • sejra tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-imsieħba esterni, b’mod partikolari l-Istati Uniti.

Rapport tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Mejju 2003, intitolat L-Ewwel Rapport dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (95/46/KE) [ COM(2003) 265 finali - Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].

Ir-rapport irrefera b’mod partikolari għar-riżultati tal-konsultazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE mal-gvernijiet, l-istituzzjonijiet, il-federazzjonijiet tal-impriżi, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u ċittadini. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet urew li xi kontributuri talbu reviżjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni nnutat li l-parti l-kbira minnhom u, ukoll, tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, kienu tal-fehma li fl-istadju attwali d-Direttiva m’għandhiex bżonn tkun emendata.

Minkejja d-dewmien u n-nuqqasijiet identifikati fl-implimentazzjoni tagħha, id-Direttiva ssodisfat l-għan ewlieni tagħha li tneħħi l-ostakoli għall-moviment liberu tad-dejta personali bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni emmnet ukoll li l-għan li jkun garantit livell għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità ntlaħaq peress li d-Direttiva stabbiliet ċerti standards ta’ protezzjoni tad-dejta fost l-ogħla fid-dinja.

Għanijiet oħrajn tal-politika tas-suq intern madankollu ma ntlaħqux daqstant tajjeb. Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta għadha tvarja sew bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, dawn id-differenzi jimpedixxu li l-organizzazzjonijiet multinazzjonali jiddefinixxu politiki panEwropej dwar il-protezzjoni tad-dejta. Għalhekk il-Kummissjoni ħabbret li sejra tagħmel dak li huwa meħtieġ sabiex tirranġa din is-sitwazzjoni billi tevita, safejn ikun possibbli, li tirrikorri għal azzjoni formali.

Mill-aspett ta’ livell ġenerali ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-UE, għandhom jingħelbu tliet diffikultajiet:

  • nuqqas ta’ riżorsi allokati għall-implimentazzjoni;
  • nuqqas ta’ konsistenza fil-konformità fost il-kontrolluri tad-dejta;
  • livell apparentement baxx ta’ għarfien tad-drittijiet tagħhom fost l-individwi kkonċernati, li jista’ jkun il-kawża tal-fenomenu preċedenti.

Sabiex tassigura applikazzjoni aqwa tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta, il-Kummissjoni adottat programm ta’ ħidma li fih ċertu numru ta’ azzjonijiet li kellhom jitwettqu bejn l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport u l-aħħar tal-2004. Dawn l-azzjonijiet jinkludu l-inizjattivi li ġejjin:

  • diskussjonijiet mal-Istati Membri u l-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tad-dejta dwar il-bidliet li għandhom isiru fil-liġi nazzjonali tagħhom sabiex jagħmluha għal kollox konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva;
  • assoċjazzjoni tal-pajjiżi kandidati mal-isforzi mmirati lejn applikazzjoni ta’ kwalità aqwa u aktar uniformi tad-Direttiva;
  • titjib tan-notifika tal-atti legali kollha li jittrasponu d-Direttiva;
  • simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-trasferimenti internazzjonali tad-dejta;
  • promozzjoni tat-teknoloġiji li jsaħħu l-protezzjoni tal-privatezza;
  • promozzjoni tal-awto-regolamentazzjoni u tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropej.

DIRETTIVA PRIVATEZZA U KOMUNIKAZZJONIJIET ELETTRONIĊI

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) [Ġurnal Uffiċjali L 201, 31 ta’ Lulju 2002].

Din id-Direttiva ġiet adottata fl-2002 flimkien ma’ leġiżlazzjoni ġdida maħluqa sabiex tirregola s-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Din fiha dipożizzjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet xi ftit jew wisq sensittivi, bħall-ħażna ta’ dejta ta’ konnessjoni mill-Istati Membri għal finijiet ta’ sorveljanza mill-pulizija (żamma ta’ dejta), l-ispam, l-użu tal-cookies u l-inklużjoni ta’ dejta personali fid-direttorji pubbliċi.

Ir-Regolament (UE) Nru 611/2013 fih regoli dwar in-notifikazzjoni ta' ksur ta' dejta personali minn fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli b'mod pubbliku fil-każ li d-dejta personali tal-klijenti tagħhom tintilef, tinsteraq jew inkella tiġi kompromessa.

Fejn iseħħ ksur ta' dejta personali u fejn ikun hemm tbagħbis fid-dejta personali, il-fornituri huma meħtieġa, skont id-Direttiva 2002/58/KE jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar id-dejta (DPA) u wkoll, f'ċerti każijiet, lill-abbonati affettwati u lil individwi dwar il-ksur. Ir-Regolament (UE) 611/2013 jintroduċi 'miżuri tekniċi implimentattivi' sabiex jiċċara kif dawn l-obbligi għandhom jiġu ssodisfati.

Fost affarijiet oħrajn, il-fornituri għandhom:

  • javżaw lid-DPA relevanti bl-inċident fi żmien 24 siegħa wara l-kxif tal-ksur, sabiex jiġi massimizzat it-trażżin tagħha;
  • iqisu t-tip ta' dejta kompromessa meta jiġi vvalutat jekk abbonati u individwi għandhomx jiġu vvalutati, eż. Fejn id-dejta jkollha x'taqsam ma' informazzjoni finanzjarja, dejta tal-email, fajls tal-logs tal-internet, storja ta' brawżjar tal-web, eċċ.;
  • jipprovdu lid-DPA u/jew lil abbonati jew individwi relevanti, id-dettalji tal-inċident, it-tip ta' dejta involuta, u l-miżuri li ttieħdu sabiex tiġi kkoreġuta l-kwistjoni.

KLAWŻOLI KUNTRATTWALI STANDARD GĦAT-TRASFERIMENT TA’ DEJTA LIL PAJJIŻI TERZI

Deċiżjoni 2004/915/KE , tas-27 ta' Diċembru 2004, li temenda d-deċiżjoni 2001/497/KE fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ sett alternattiv ta’ klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi [Ġurnal Uffiċjali L 385, 29.12.2004].

Il-Kummissjoni Ewropea approvat klawżoli kuntrattwali standard ġodda li l-impriżi jistgħu jużaw sabiex jassiguraw garanziji adegwati waqt it-trasferiment ta’ dejta personali mill-UE lejn pajjiżi terzi. Dawn il-klawżoli ġodda sejrin jiżdiedu ma’ dawk li diġà jeżistu fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2001 (ara hawn taħt).

Deċiżjoni 2001/497/KE tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ġunju 2001, dwar klawżoli standard tal-kuntratti għat-trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi skont id-Direttiva 95/46/KE [Ġurnal Uffiċjali L 181, tal-4.7.2001].

Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi l-klawżoli kuntrattwali standard li jassiguraw livell xieraq ta’ protezzjoni tad-dejta personali ttrasferita mill-UE lejn pajjiżi terzi. Id-Deċiżjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu li l-kumpaniji jew l-organizzazzjonijiet li jużaw tali klawżoli standard f’kuntratti dwar trasferimenti ta’dejta personali lejn pajjiżi terzi jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/87/UE dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Ġurnal Uffiċjali L 39 tat-12.02.2010]

Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jattestaw il-livell adegwat ta' protezzjoni ta' dejta personali lil numru ta' pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-Art. 25 (6): s'issa, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-Prinċipji ta' Privatezza ta' Żamma Sikura ta' Andorra, l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada (organizzazzjonijiet kummerċjali), l-Isvizzera, il-Gżejjer Faeroe, Guernsey, Iżrael, Isle of Man, Jersey, New Zealand, l-Urugwaj u tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti bħala li jipprovdu protezzjoni adegwata.

PROTEZZJONI TAD-DEJTA MILL-ISTITUZZJONIJIET U L-KORPI TAL-KOMUNITÀ

Ir-Regolament 45/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar il- protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta [Ġurnal Uffiċjali L 8, 12.01.2001].

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jassigura l-protezzjoni tad-dejta personali fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. Id-dokument jipprovdi:

  • dispożizzjonijiet li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali pproċessata mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji;
  • l-istabbiliment ta’ awtorità indipendenti ta’ sorveljanza inkarigata mill-kontroll tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

L-aħħar aġġornament: 08.03.2014

Top