Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Kontrolli tal-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Kontrolli tal-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 91/477/KEE — il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

  • Id-“Direttiva dwar l-Armi tan-Nar” tistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet minimi għaċ-ċirkolazzjoni tal-armi tan-nar ċivili* fi ħdan l-UE.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tistabbilixxi erba’ kategoriji ta’ armi tan-nar skont l-ordni tal-livell ta’ periklu tagħhom, kif definit fl-Anness I għad-direttiva.

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva ma tapplikax għal trasferimenti kummerċjali ta’ armi u munizzjon tal-gwerra u lanqas għall-akkwist jew il-pussess ta’ armi u munizzjon* minn dawn li ġejjin:

  • il-forzi armati, il-pulizija jew l-awtoritajiet pubbliċi
  • kolletturi u korpi kkonċernati mill-aspetti kulturali u storiċi tal-armi u rikonoxxuti bħala tali mill-pajjiżi tal-UE fejn huma stabbiliti.

Id-direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-ġarr ta’ armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersalji.

Pass għall-armi tan-nar

Pass Ewropew għall-armi tan-nar jinħareġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż tal-UE lil kwalunkwe persuna li tieħu pussess legali ta’ arma tan-nar u li tużaha. Il-pass dejjem irid ikun fil-pussess tal-persuna li tuża l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar elenkati fuqu.

Identifikazzjoni u traċċar

  • Kull arma tan-nar u pakkett elementari ta’ munizzjon iridu jkunu mmarkati malli jiġu manifatturati.
  • Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jżommu sistema kompjuterizzata ta’ filing tad-dejta biex jirreġistraw dawn l-armi tan-nar. L-awtoritajiet awtorizzati biss jistgħu jaċċessaw ir-reġistru.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistabbilixxu sistema li se tirregola l-attivitajiet tal-intermedjarji*. Il-kummerċjanti* jridu jżommu reġistru tal-armi tan-nar li jirċievu jew li jiddisponu minnhom matul il-perjodu ta’ attività tagħhom.

Bejgħ, akkwist u pussess

  • Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli sabiex jikkontrollaw il-bejgħ, l-akkwist u l-pussess ta’ dawn l-armi; madankollu, kwalunkwe regola stabbilita trid taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-direttiva.
  • L-arranġamenti għall-akkwist u l-pussess tal-munizzjon għandhom ikunu l-istess bħal dawk għall-pussess tal-arma tan-nar li huma intiżi għaliha.

L-akkwist u l-pussess ta’ arma tan-nar huma permessi meta persuna:

  • ikollha raġuni tajba għall-akkwist u l-pussess (eż. hija kollettur leġittimu jew involuta fi klabb li jipprattika l-isparar);
  • ikollha mill-inqas 18-il sena, għalkemm teżisti eċċezzjoni għal din ir-regola fir-rigward tal-armi tan-nar għall-kaċċa jew l-isparar fuq bersalji (eż. f’xi każijiet, l-ixkubetti jistgħu jintużaw għall-kaċċa u l-prattika fuq bersalji minn dawk li jkollhom inqas minn 18-il sena jew jekk ikunu ggwidati minn ġenitur/adult b’liċenzja tal-armi tan-nar jew f’ċentru ta’ taħriġ approvat);
  • ma tkunx ta’ perikolu għaliha nnifisha jew għall-pubbliku.

Ħruġ ta’ liċenzji

Persuna li tissodisfa r-rekwiżiti għall-akkwist u l-pussess ta’ kwalunkwe arma tan-nar tista’ tingħata liċenzja multiannwali. F’każijiet bħal dawn, iridu jiġu osservati ċerti formalitajiet:

  • kwalunkwe moviment tal-arma tan-nar irid jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet kompetenti,
  • iridu jsiru kontrolli regolari sabiex jiġi evalwat jekk il-persuna tkomplix tissodisfa r-rekwiżiti, u
  • l-limiti ta’ żmien massimi speċifikati mil-liġi nazzjonali jridu jiġu osservati.

Biex tikkontrolla l-moviment tal-armi tan-nar fi ħdan l-UE, id-direttiva tistabbilixxi proċeduri:

  • għat-trasferiment definittiv ta’ armi minn pajjiż tal-UE għal ieħor;
  • għat-trasferimenti temporanji ta’ armi (vjaġġi) minn żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar.
  • Dawn il-formalitajiet japplikaw għall-armi tan-nar kollha, esklużi l-armi tal-gwerra.

Ir-rwol tal-pajjiżi tal-UE

  • Fl-2009 ġie stabbilit grupp ta’ kuntatt biex jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • Id-direttiva ma taffettwax id-dritt tal-pajjiżi tal-UE li jieħdu miżuri sabiex jipprevjenu l-kummerċ illegali tal-armi.

Reviżjoni u proposti

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva f’Novembru 2015 bħala parti minn pakkett ta’ miżuri dwar l-armi tan-nar. Il-pakkett kien jinkludi proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mis-17 ta’ Ottubru 1991. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Jannar 1993.

TERMINI EWLENIN

* Arma tan-nar: kwalunkwe arma portabbli bil-kanna li tispara, hija ddisinjata sabiex tispara jew tista’ tkun mibdula biex tispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli.

* Munizzjon: ir-round komplut jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kontenituri tal-iskrataċ, primers, il-porvli tal-propellant, balal jew projettili li jintużaw f’arma tan-nar.

* Intermedjarju: kwalunkwe persuna fiżika jew legali, minbarra kummerċjant, li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu jew parzjalment fil-bejgħ, ix-xiri jew l-arranġament tat-trasferiment tal-armi.

* Kummerċjant: kwalunkwe persuna fiżika jew legali li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu jew parzjalment fil-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-kiri, it-tiswija jew il-konverżjoni ta’ armi tan-nar, partijiet u munizzjon.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51-58)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 91/477/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KE tat-18 ta' Ġunju 1991, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-21 ta' Mejju 2008, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (COM(2015) 751 finali, 18.11.2015)

l-aħħar aġġornament 17.03.2016

Top