Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Format uniformi għall-viżi maħruġa lil ċittadini mhux tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Format uniformi għall-viżi maħruġa lil ċittadini mhux tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 — regoli dwar il-format uniformi tal-UE għall-viża

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Fl-1995, l-UE ħolqot format uniformi għal viża tal-UE fl-għamla ta’ stiker li għandha titwaħħal fuq id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini mhux tal-UE taħt l-obbligu tal-viża.

Dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għall-format uniformi għall-viżi, mhux biss għall-pajjiżi tax-Schengen* iżda wkoll għall-Irlanda u r-Renju Unit.

PUNTI EWLENIN

Il-format uniformi japplika għal:

  • żjara f’pajjiż wieħed jew aktar taż-żona Schengen għal mhux aktar minn tliet xhur b’kollox;
  • tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-pajjiżi tax-Schenten (“viża għal tranżitu f’ajruport”).

Fil-każ tal-pajjiżi tax-Schengen, pereżempju, viża għal żjara qasira li tinħareġ minn wieħed minnhom tawtorizza lid-detentur tagħha jivjaġġa fis-26 pajjiż sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

Il-viżi għal żjarat li jaqbżu dak il-perjodu jibqgħu suġġetti għal proċeduri nazzjonali (jiġifieri sabiex id-detentur tagħha jitħalla jibda impjieg jew jistabbilixxi negozju, kummerċ jew professjoni).

Informazzjoni dwar l-istiker tal-viża

L-istiker tal-viża uniformi tispeċifika n-numru ta’ ġranet li ċittadin mhux tal-UE ta’ pajjiż tal-UE jista’ joqgħod fiż-żona Schengen u fl-Irlanda u r-Renju Unit. Fil-każ tal-viża tax-Schengen, il-ġranet għandhom jingħaddu mid-data meta l-persuna tidħol fiż-żona Schengen (it-timbru tad-dħul) sad-data li toħroġ miż-żona Schengen (it-timbru tal-ħruġ), filwaqt li jiġu inklużi ż-żewġ ġranet.

It-tul ta’ validità preċiż tal-viża huwa indikat fuq l-istiker tal-viża taħt l-intestatura “Tul taż-żjara”.

Speċifikazzjonijiet tekniċi

Il-viża uniformi trid tikkonforma ma’:

  • lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-UE li jistabbilixxu karatteristiċi ta’ sigurtà li jintgħarfu b'mod universali li jkunu viżibbli għall-għajn b’mod ċar (eż. ritratt integrat prodott skont standards għoljin tas-sigurtà, il-logo li jikkonsisti f’ittra jew ittri li jindikaw il-pajjiż li joħroġha - jew grupp ta’ pajjiżi, fil-każ tal-Benelux);
  • speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn bl-għan li jipprevjenu l-falsifikazzjoni tal-viża u jipprovdu metodi għall-mili tal-viża.

Kull pajjiż tal-UE jrid jaħtar awtorità waħda għall-istampar tal-viżi. Irid jikkomunika l-isem ta’ dan il-korp lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE l-oħrajn.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mit-3 ta’ Awwissu 1995.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “Politika dwar il-viża” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINU EWLIENI

* Pajjiżi tax-Schengen: L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1-4)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1683/95 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 fuq format uniformi għall-formuli biex titwaħħal il-viża maħruġa mill-Istati Membri lill-persuni li jkollhom dokumenti għall-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istati Membri li jirrediġu l-formula (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 4-6)

Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1-58). Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.04.2016

Top