EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni tal-annimali tat-trobbija

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 98/58/KE dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tal-annimali tat-trobbija, irrispettivament mill-ispeċi.
  • Dawn japplikaw għall-annimali tat-trobbija maħsubin għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, suf, ġilda jew fer, jew għal skopijiet oħra ta’ biedja, inklużi l-ħut, ir-rettili u l-amfibji.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi kollha tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta’ Biedja. L-artikoli ewlenin ta’ din il-konvenzjoni jirrelataw mal-forniment ta’ akkomodazzjoni, għalf u kura xierqa għall-bżonnijiet ta’ dawn l-annimali.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom iqisu dawn ir-rekwiżiti dwar il-benesseri tal-annimali meta jfasslu u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, speċjalment fil-qasam tal-politika agrikola.

Annimali

Din id-direttiva tapplika għall-annimali (inklużi l-ħut, ir-rettili u l-amfibji) imrobbija jew miżmuma għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda jew fer, jew għal skopijiet oħra ta’ biedja. Din ma tapplikax għal:

  • annimali selvaġġi
  • annimali maħsuba għall-użu f’avvenimenti sportivi jew kulturali (wirjiet)
  • annimali sperimentali jew tal-laboratorju
  • annimali invertebrati

Biex issir taf aktar dettalji dwar kategoriji speċifiċi ta’ annimali, ara wkoll:

Kundizzjonijiet ta’ trobbija

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jadottaw regoli biex jiżguraw li s-sidien jew l-indokraturi tal-annimali jħarsu l-benesseri tal-annimali u jaċċertaw li dawk l-annimali ma jesperjenzawx uġigħ, tbatija jew korriment mhux meħtieġ. Abbażi tal-esperjenza fil-passat u l-għarfien xjentifiku attwali, il-kundizzjonijiet ta’ trobbija jirrelataw ma’ dawn li ġejjin.

  • Persunal: l-annimali għandhom jiġu indukrati minn għadd suffiċjenti ta’ persunal li għandhom il-ħiliet professjonali, l-għarfien u l-kompetenza xierqa.
  • Spezzjonijiet: l-annimali kollha li jinżammu fis-sistemi ta’ trobbija għandhom jiġu spezzjonati mill-inqas darba kuljum. L-annimali mweġġa’ jew morda għandhom jiġu kkurati immedjatament u iżolati jekk ikun meħtieġ f’bini adattat.
  • Żamma ta’ rekords: is-sid jew l-indokratur tal-annimali għandu jżomm rekord ta’ kull trattament mediku għal mill-inqas tliet snin.
  • Libertà tal-moviment: l-annimali kollha, anke jekk ikunu marbuta jew maqfula, għandhom jingħataw biżżejjed spazju biex jiċċaqalqu mingħajr tbatija jew korriment mhux meħtieġ.
  • Bini u akkomodazzjoni: il-materjali użati fil-kostruzzjoni tal-bini jridu jkunu kapaċi jitnaddfu u jiġu diżinfettati. Iċ-ċirkolazzjoni tal-arja, il-livelli ta’ trab, it-temperatura u l-umidità relattiva għandhom jinżammu f’limiti aċċettabbli. L-annimali miżmuma fil-bini ma għandhomx jinżammu fi dlam permanenti jew ikunu kontiwament esposti għal dawl artifiċjali.
  • Tagħmir awtomatiku jew mekkaniku: tagħmir awtomatiku jew mekkaniku essenzjali għas-saħħa u l-benesseri tal-annimali jrid jiġi spezzjonat mill-inqas darba kuljum. Fejn tintuża sistema ta’ ventilazzjoni artifiċjali, trid tiġi stabbilita sistema ta’ riżerva xierqa biex tiggarantixxi tiġdid suffiċjenti tal-arja.
  • Għalf, ilma u sustanzi oħrajn: l-annimali għandhom jingħataw dieta sustanzjuża u xierqa, li tingħatalhom fi kwantitajiet suffiċjenti u f’intervalli regolari. Is-sustanzi l-oħrajn kollha huma pprojbiti, sakemm ma jingħatawx għal raġunijiet terapewtiċi jew profilattiċi jew għal skopijiet ta’ trattament żootekniku. Barra minn hekk, it-tagħmir tal-għalf u tal-ilma jrid jimminimizza r-riskji ta’ kontaminazzjoni.
  • Mutilazzjonijiet: regoli nazzjonali dwar il-mutilazzjoni japplikaw.
  • Metodi ta’ trobbija: metodi ta’ trobbija li jikkawżaw tbatija jew korriment ma għandhomx jintużaw sakemm l-impatt tagħhom ma jkunx minimu, qasir jew jitħalla espressament mill-awtoritajiet nazzjonali. L-ebda annimal ma għandu jinżamm f’razzett jekk dan ikun ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-benesseri tiegħu.

Spezzjonijiet

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwettqu l-ispezzjonijiet. Dawn għandhom jirrapportaw dwar dawn l-ispezzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, li tuża r-rapporti biex tifformula proposti dwar l-ispezzjonijiet armonizzati.

Evalwazzjoni u implimentazzjoni

Kull 5 snin, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, bi proposti għal titjib, jekk ikun xieraq. Il-Kunsill jadotta dan ir-rapport b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata.

Il-pajjiżi tal-UE jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar stretti.

Regolament dwar il-kontrolli uffiċjali

Ir-Regolament (UE) 2017/625, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar il-kontrolli uffiċjali tal-ikel tal-bniedem u l-għalf tal-annimali, temenda ċerti dettalji tekniċi żgħar tad-direttiva. Dawn il-bidliet se japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2019.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-8 ta’ Awwissu 1998. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali mill-31 ta’ Diċembru 1999.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/EC tal- 20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta’ annimali miżmuma għal skopijiet ta’ biedja (ĠU L 221, 8.8.1998, pp. 23–27)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 98/58/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1–142)

Ara l-verżjoni konsolidata

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/778/KE tal-14 ta’ Novembru 2006 li tikkonċerna r-rekwiżiti minimi għall-ġbir tal-informazzjoni waqt l-ispezzjonijiet tas-siti ta’ produzzjoni li fihom jinżammu ċerti annimali għal skopijiet ta’ biedja (ĠU L 314 , 15.11.2006, pp. 39–47)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 13.11.2017

Top