Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Żwiemel (semen, ova u embrijuni) — kummerċ fl-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Żwiemel (semen, ova u embrijuni) — kummerċ fl-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 90/427/KEE — kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw il-kummerċ tal-ekwidi ġewwa l-UE

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tarmonizza l-kundizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li taħthom iż-żwiemel (inklużi l-annimali kollha fil-familja tal-ekwidi), u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom jinxtraw u jinbiegħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Skont din id-direttiva, iż-żwiemel iridu jkunu rreġistrati u identifikati, u huma introdotti regoli ġenealoġiċi li jagħtu lill-Kummissjoni Ewropea r-responsabbiltà li:

tiddetermina l-kriterji dwar kif jiġu identifikati ż-żwiemel;

tapprova l-organizzazzjonijiet li jżommu r-reġistri għaż-żwiemel tar-razza (studbooks)*;

iddaħħal iż-żwiemel fir-reġistru għaż-żwiemel tar-razza.

Fil-kummerċ fi ħdan l-UE, iż-żwiemel irreġistrati fil-pajjiż tad-dispaċċ iridu jiddaħħlu fir-reġistru għaż-żwiemel tar-razza tal-pajjiż tad-destinzazzjoni taħt l-istess isem.

Kull pajjiż tal-UE huwa responsabbli sabiex jaġġorna lista ta’ organizzazzjonijiet li jżommu reġistri għaż-żwiemel tar-razza, u għaċ-ċirkolazzjoni ta’ din il-lista fost pajjiżi tal-UE oħrajn.

Id-direttiva tkopri wkoll regoli żootekniċi. Pereżempju, il-Kummissjoni trid tiddetermina r-regoli ġenerali għaż-żwiemel tat-tnissil irreġistrati u l-metodi għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li meta jinxtraw jew jinbiegħu, iż-żwiemel (jew is-semen, l-ova u l-embrijuni) ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ oriġini u ta’ identifikazzjoni.

Il-kummerċ taż-żwiemel fi ħdan l-UE ma jistax ikun ipprojbit jew ristrett għal raġunijiet ġenealoġiċi jew żootekniċi.

Ir-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa għas-semen, l-ova u l-embrijuni taż-żwiemel huma armonizzati fid-Direttiva 92/65/KEE li tistabbilixxi wkoll regoli għall-approvazzjoni ta’ ċentri tal-ġbir ta’ semen u embrijuni u timijiet tal-produzzjoni.

Ir-Regolament (UE) 2015/262 isaħħaħ ir-regoli ta’ dokumentazzjoni u identifikazzjoni bl-introduzzjoni ta’ skema ta’ passaport taż-żwiemel.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 1990. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali tagħhom sal-1 ta’ Lulju 1991.

SFOND

Kummerċ intra-Unjoni u Importazzjonijiet ta’ Annimali Ekwini

TERMINI EWLENIN

*Ekwidi: membri tal-familja taż-żwiemel, inklużi żwiemel, ħmir, żebri, u annimali li jkunu tħalltu għat-tgħammir.

*Żootekniċi: li jappartjenu għat-teknoloġija tat-trobbija tal-annimali, inkluż id-domestikazzjoni u t-tgħammir.

*Reġistru għaż-żwiemel tar-razza (studbook): ktieb, jew forma ta’ rekord oħra, li jelenka ż-żwiemel irreġistrati eliġibbli, filwaqt li jsemmi l-axxendenti magħrufa tagħhom.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju f’equidae (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 55–59)

L-emendi suċċessivi u l-korrezzjonijiet għad-Direttiva 90/427/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/353/KEE tal-11 ta’ Ġunju 1992 li tippreskrivi l-kriterji għall-approvazzjoni jew l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba stud għal equidae reġistrati (ĠU L 192, 11.7.1992, p. 63–65)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/354/KEE tal-11 ta’ Ġunju 1992 li tipprovdi ċerti regoli biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba ta’ annimali maskili miżmumin għar-razza ta’ equidae reġistrati (ĠU L 192, 11.7.1992, p. 66)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (I) ta’ Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54–72). Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/78/KEE tal-10 ta’ Jannar 1996 li tistabbilixxi l-kriterji biex jitniżżlu u jiġu rreġistrati l-equidae fil-kotba li jkun fihom ir-razez taż-żwiemel għal skopijiet ta’ tagħmir (ĠU L 19, 25.1.1996, p. 39-40)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/79/KE tat-12 ta’ Jannar 1996 li tistabbilixxi ċ-ċertifikati żootekniċi tas-semen, tal-ova u tal-embriji mill-ekwidi rreġistrati (ĠU L 19, 25.1.1996, p. 41–49)

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/262 tas-17 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi regoli skont id-Direttivi tal-Kunsill 90/427/KEE u 2009/156/KE fir-rigward tal-metodi għall-identifikazzjoni tal-equidae (Regolament dwar il-Passaport Ekwin) (ĠU L 59, 3.3.2015, p. 1–53)

l-aħħar aġġornament 27.11.2015

Top