EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Influwenza avjarja

 

SOMMARJU TAD-

Direttiva 2005/94/KE — Miżuri tal-UE għall-kontroll tal-influwenza avjarja

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu biex jikkontrollaw l-influwenza avjarja hekk kif ikun hemm xi suspett tal-preżenza ta’ din il-marda.

PUNTI EWLENIN

L-UE tistabbilixxi miżuri biex tikkontrolla l-influwenza avjarja hekk kif ikun hemm xi suspett tal-preżenza ta’ din il-marda.

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli biex:

  • iwettqu programmi ta’ sorveljanza maħsuba biex jiddentifikaw il-virus u jżidu l-għarfien f’dan il-qasam;
  • jiżguraw li l-preżenza ta’ din il-marda tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti u li l-inkjesti epidemjoloġiċi jsiru abbażi tal-pjan ta’ kontinġenza tagħhom approvat mill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-każ ta’ suspett ta’ tfaqqigħ, l-awtorità kompetenti għandha tibda investigazzjoni minnufih biex tikkonferma jew teskludi l-preżenza tal-marda billi twettaq eżami kliniku u jittieħdu kampjuni għal testijiet fil-laboratorju.

L-awtorità tqiegħed lill-azjenda suspettata taħt sorveljanza uffiċjali u timplimenta sensiela ta’ miżuri li jinkludu li:

  • jingħadd in-numru tal-annimali;
  • issir lista tan-numru tal-annimali li huma morda, mejtin jew li x’aktarx huma infettati;
  • l-aġenzija tiġi iżolata;
  • jkun projbit id-dħul jew il-ħruġ ta’ għasafar, prodotti tal-għasafar, għalf u skart;
  • jkun ristrett il-moviment tal-persuni u tal-vetturi;
  • l-azjenda tkun diżinfettata.

Dawn il-miżuri jiġu rtirati meta s-suspett tal-marda jiġi eskluż uffiċjalment.

L-awtoritajiet kompetenti jwettqu wkoll investigazzjonijiet epidemjoloġiċi biex jiddentifikaw azjendi milquta u t-tixrid ulterjuri possibli tal-virus.

Din id-direttiva tipprovdi għal miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu skont it-tip tal-marda.

Influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI)

Ladarba tiġi kkonfermata l-preżenza tal-HPAI, l-awtorità kompetenti tiżgura li jiġu applikati l-miżuri li ġejjin:

  • it-tjur kollha u għasafar oħra miżmuma fil-magħluq* għandhom jinqatlu;
  • il-karkassi kollha għandhom jintremew taħt sorveljanza uffiċjali;
  • tjur li jfaqqas mill-bajd qabel l-applikazzjoni tal-miżuri inizjali għandhom jitqiegħdu taħt sorveljanza uffiċjali;
  • laħam ta’ tjur maqtul u bajd miġbur qabel l-applikazzjoni tal-miżuri inizjali għandhom jiġu identifikati u jintremew;
  • is-sustanzi kollha li x’aktarx ikunu kkontaminati għandhom ikunu soġġetti għal trattament xieraq;
  • id-demel, id-demel likwidu (skart tal-annimali, flimkien ma’ materja organika oħra li ma tistax tintuża), mfierex jew kwalunkwe materjal li x’aktarx huma kkontaminati għandhom ikunu soġġetti għal tindif u disinfestazzjoni;
  • kwalunkwe movimenti ta’ annimali li jidħlu u joħorġu mill-azjenda għandhom isiru taħt superviżjoni;
  • il-virus għandu jiġi iżolat bl-użu ta’ proċedura tal-laboratorju l-aktar xierqa.

Barra minn hekk għandha tkun stabbilita “żona ta’ protezzjoni” b’raġġ ta’ mill-inqas tliet kilometri madwar l-azjenda infettata u “żona ta’ sorveljanza” tal-madwar b’raġġ ta’ mill-inqas għaxar kilometri madwar dik l-azjenda. Il-miżuri applikati f’dawn iż-żoni jinkludu:

  • isir ċensiment tal-azjendi;
  • isiru żjarat minn veterinarju uffiċjali;
  • restrizzjonijiet ta’ trasport ta’ għasafar, bajd, laħam tat-tjur u karkassi.

Dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sat-tlestija tal-operazzjonijiet ta’ tindif preliminari mhux qabel 21 jum fiż-żoni ta’ protezzjoni u 30 jum fiż-żona ta’ sorveljanza.

Influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa (LPAI)

Ladarba tiġi kkonfermata l-preżenza tal-HPAI, l-awtorità kompetenti tiżgura li jiġu applikati serje ta’ miżuri fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju xierqa. Il-miżuri li għandhom jittieħdu jvarjaw skont il-kriterji stabbiliti, li jinkludu l-ispeċi kkonċernati, in-numru ta’ azjendi fiż-żona kkonċernata, il-post tal-biċċeriji u l-miżuri ta’ bijosigurtà*. Il-miżuri li għandhom jiġu applikati huma:

  • it-tjur kollha preżenti fl-azjenda u l-għasafar l-oħra kollha miżmuma fil-magħluq għandhom jew jinqatlu fuq il-post jew ikun hemm tnaqqis fil-popolazzjoni billi jkunu trasportati direttament lejn il-biċċerija wara li jinżammu iżolati f’xi post ieħor u r-riżultati tal-laboratorju juru li ttestjaw pożittiv għall-mard. Dawn l-operazzjonijiet għandhom isiru skont l-istandards minimi komuni għall-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil;
  • ir-rimi ta’ karkassi u bajd għat-tifqis għandu jsir taħt superviżjoni uffiċjali;
  • bajd għat-tifqis u tjur li jfaqqas mill-bajd qabel l-applikazzjoni tal-miżuri inizjali għandhom jitqiegħdu taħt sorveljanza uffiċjali;
  • bajd għall-ikel prodott fl-azjenda qabel ma jkun hemm tnaqqis fil-popolazzjoni għandu jintrema jew jiġi ttrasportat f’ċentru ta’ ppakkjar jew stabbiliment għall-manifattura ta’ prodotti tal-bajd;
  • kull materjal li x’aktarx ikun ikkontaminat għandu jintrema;
  • id-demel, id-demel likwidu, mfierex jew kwalunkwe materjal li x’aktarx seta’ ġie kkontaminat għandhom ikunu soġġetti għal tindif u disinfestazzjoni;
  • mammiferi domestiċi ma jistgħux jidħlu fi, jew jitilqu mill-azjenda;
  • Il-virus għandu jkun iżolat.

Barra minn hekk, miżuri speċifiċi għandhom jiġu applikati fiż-żona magħrufa bħala ż-“żona ristretta” li għandha titwaqqaf madwar iż-żona infettata b’raġġ ta’ mill-inqas kilometru.

Il-miżuri applikati f’din iż-żona jinkludu:

  • ċensiment u testijiet tal-azjendi kummerċjali;
  • ġestjoni tal-movimenti ta’ tjur, għasafar oħra miżmuma fil-magħluq u bajd.

Dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ għal tul ta’ żmien li jvarja skont kif jidrilha xieraq l-awtorità kompetenti.

Tixrid lejn speċi oħra

Wara konferma ta’ tifqigħa tal-influwenza avjarja fl-azjenda, jitwettqu testijiet fuq mammiferi oħra miżmuma f’dik l-azjenda li setgħu kienu infettati, speċifikament ħnieżer u l-awtorità tista’ tawtorizza biss il-moviment ta’ dawn il-ħnieżer lejn azjendi oħra jew lejn biċċeriji sakemm aktar ittestjar juri li ir-riskju tal-firxa tal-virus huwa negliġibbli.

Tindif, diżinfettar u ri-popolazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li kull ħaġa li x’aktarx tkun ġiet ikkontaminata, inkluż azjendi, biċċeriji, vetturi u tagħmir ieħor, tkun imnaddfa u diżinfettata. L-azjenda tista’ terġa’ tiġi ri-popolata 21 jum wara t-tlestija tat-tindif u d-diżinfezzjoni finali.

Proċeduri dijanjostiċi

Manwal dijanjostiku adottat permezz tad-Direttiva 2006/437/KE jistabbilixxi rekwiżiti, kriterji u proċeduri li għandhom jiġu applikati għal testijiet dijanjostiċi u eżamijiet kliniċi post-mortem (ara “Dokumenti relatati”). Dawn il-proċeduri jsiru esklussivament f’laboratorji nazzjonali awtorizzati.

Kull pajjiż tal-UE jaħtar laboratorju ta’ referenza fuq livell nazzjonali li jaħdem, f’kooperazzjoni mal-laboratorju ta’ referenza tal-UE (se jinħatar laboratorju ġdid mill-1 ta’ Jannar 2019) li huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ proċeduri dijanjostiċi armonizzati (eżempju billi jwettaq proċeduri fuq bażi annwali) u jagħti pariri lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-UE dwar l-influwenza avjarja.

Tilqim

Skont is-sitwazzjoni tal-marda u r-riżultat ta’ valutazzjoni tar-riskju, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jintroduċu tilqim ta’ emerġenza jew preventiv ta’ tjur u għasafar miżmuma fil-magħluq skont pjan ta’ tilqim li għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni minn qabel. Azjendi agrikoli li jżommu għasafar imlaqqmin għandhom ikunu soggetti għal sorveljanza stretta, b’mod partikolari jekk tintuża l-vaċċinazzjoni ta’ emerġenza. Id-direttiva tinkludi linji gwida għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u toffri l-possibbiltà li jkunu stabbiliti banek tal-vaċċini.

Proċedura tal-Kumitat

Il-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fil-ġestjoni tal-miżuri relatati mal-influenza avjarja. Fost affarijiet oħra, dan il-kumitat jista’ jkollu rwol fid-definizzjoni ta’ miżuri preventivi ta’ bijosigurtà.

Revoka

Din id-direttiva se tiġi revokata u sostitwita bil-Liġi ġdida dwar is-Saħħa tal-Annimali tal-UE, Regolament (UE) 2016/429 fil-21 ta’ April 2021.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-3 ta’ Frar 2006 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Lulju 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Għasafar miżmuma fil-magħluq: għasafar li ma ġewx maqbuda fis-selvaġġ imma li twieldu u trabbew fil-magħluq minn ġenituri li tgħammru jew kellhom gameti trasferiti mod ieħor waqt li qegħdin fil-magħluq.
Miżuri ta’ bijosigurtà: sett ta’ miżuri preventivi mfassla biex inaqqsu r-riskju tat-trażmissjoni ta’ mard infettiv fl-għelejjel u l-bhejjem.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, pp. 16-65)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2005/94/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/263 tal-14 ta’ Frar 2017 dwar miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u miżuri għal bijosigurtà rinforzata u s-sistemi tad-detezzjoni bikrija f’dak li għandu x’jaqsam mar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi għat-trażmissjoni ta’ virusijiet tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja għall-pollam (ĠU L 39, 16.2.2017, pp. 6–11)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, pp. 1-208)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/367/UE tal-25 ta’ Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku u t-tjur selvaġġ (ĠU L 166, 1.7.2010, pp. 22-32)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/118/KE tas-16 ta’ Frar 2007 li tistipula regoli dettaljati relatati ma’ marka ta’ identifikazzjoni alternattiva skont id-Direttiva 2002/99/KE (ĠU L 51, 20.2.2007, pp. 19-21)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/598/KE tat 28 ta’ Awwissu 2007 dwar il-miżuri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fost għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati fl-Istati Membri (ĠU L 230, 1.9.2007, pp. 20-26)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (ĠU L 164, 16.6.2006, pp. 51-60)

Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 09.04.2018

Top