Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-prevenzjoni tat-tixrid tal-mard tal-annimali bħall-marda vesikulari tal-ħnieżer

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-prevenzjoni tat-tixrid tal-mard tal-annimali bħall-marda vesikulari tal-ħnieżer

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 92/119/KEE — miżuri ġenerali għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-marda vesikulari tal-ħnieżer

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tfittex li tipprevjeni t-tixrid tal-mard tal-annimali u tippreserva l-profittabbiltà tat-trobbija tal-bhejjem billi tiddefinixxi miżuri li jipproteġu l-annimali minn ċertu mard.

PUNTI EWLENIN

Notifika

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti responsabbli mit-twettiq ta’ kontrolli veterenarji tal-każijiet kollha ta’ mard koperti minn din id-Direttiva mingħajr dewmien.

Mard tal-annimali

Id-Direttiva tistipula miżuri applikabbli fil-każ li tfaqqa’ l-marda tal-bluetongue, il-marda vesikulari tal-ħnieżer, id-deni Afrikan tal-ħnieżer jew kwalunkwe marda mill-mard li ġej:

  • il-pesta tal-bhejjem tal-ifrat;
  • il-marda tal-annimali ż-żgħar li jgerrmu;
  • il-marda epiżootika tal-emorraġija taċ-ċriev;
  • il-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż;
  • l-istomatite vesikulari;
  • il-marda tal-infafet fil-ġilda; u
  • l-marda tar-Rift Valley.

Dijanjożi

  • Jekk ikun hemm suspett li l-annimali jkunu infettati b’waħda mill-mard imsemmija hawn fuq, il-veterinarju uffiċjali għandu jivverifika l-preżenza ta’ dik il-marda fl-azjenda. Għal dan il-għan, huwa jew hija għandhom jimplimentaw miżuri investigattivi li jinkludu t-teħid ta’ kampjuni għal-laboratorji.
  • L-azjenda kkonċernata, kif ukoll kull azjenda oħra li jista’ jkollha s-sors tal-marda, għandha titqiegħed taħt sorveljanza uffiċjali. L-awtorità kompetenti għandha tordna numru ta’ miżuri li għandhom jittieħdu, inkluż iċ-ċensiment u l-iżolament tal-kategoriji kollha tal-annimali tal-ispeċi suxxettibbli għall-marda.
  • Il-laboratorji nazzjonali, maħtura mill-pajjiżi tal-UE għal kull marda, għandhom jikkoordinaw il-proċess dijanjostiku u l-użu ta’ reaġenti tal-laboratorju. Dawn il-laboratorji għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mal-laboratorji ta’ referenza tal-UE.

Konferma

Malli tiġi kkonfermata l-preżenza tal-marda fl-azjenda, l-awtorità kompetenti għandha tapplika miżuri li jirrigwardaw:

  • il-qtil tal-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli għall-marda;
  • it-trattament tal-materjali li jistgħu jkunu kkontaminati;
  • it-tindif tal-bini użat biex iżomm l-annimali;
  • l-annimali selvaġġi li jistgħu jiġu infettati.

Jistgħu jingħataw eċċezzjonijiet għal unitajiet b’saħħithom tal-produzzjoni.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi żona ta’ protezzjoni minima ta’ 3 km u żona ta’ sorveljanza minima ta’ 10 km madwar l-azjenda infettata, fejn għandhom jiġu applikati miżuri speċifiċi għall-annimali u l-azjendi għal mill-inqas sakemm idum il-perjodu tal-inkubazzjoni tal-marda. Ir-residenti ta’ dawn iż-żoni għandhom jiġu infurmati bil-miżuri meħuda.

Prevenzjoni

  • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li t-tilqim għandu jikkumplimenta l-miżuri preventivi, għalkemm din tibqa’ eċċezzjoni. F’dan il-każ, l-annimali mlaqqma għandhom jiġu identifikati b’marka viżibbli u ma jistgħux iħallu ż-żona tat-tilqim.
  • Pjan nazzjonali ta’ kontinġenza għandu jistabbilixxi għall-pajjiżi kollha tal-UE, il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li tfaqqa’ waħda mill-mard kopert min din id-Direttiva. Dawn il-pjanijiet huma approvati mill-Kummissjoni u jistgħu jiġu emendati fid-dawl taċ-ċirkostanzi.

Proċedura tal-Kumitat

Il-Kummissjoni hija megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-8 ta’ Jannar 1993. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Ottubru 1993.

Din ser titħassar u tiġi sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (ĠU L 62, 15.3.1993, pp. 69–85)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/119/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda id-Direttiva 92/119/KE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, pp. 27–46)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue (ĠU L 327, 22.12.2000, pp. 74–83)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/428/KE tal-4 ta’ Lulju 2000 li tistabbilixxi proċeduri dijanjostiċi, metodi ta’ kampjuni u kriterji għall-evalwazzjoni ta’ riżultati ta’ provi ta’ laboratorju għal konferma u dijanjosi differenti ta’ “swine vesicular disease” (notifikat bid-dokument numru Ċ(2000) 1805) (ĠU L 167, 7.7.2000, pp. 22–32)

l-aħħar aġġornament 26.10.2016

Top