EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kummerċ fl-UE ta' annimali bovini u suwini

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-UE

X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi regoli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE) tal-annimali* bovini jew suwini* għat-trobbija, għall-produzzjoni tal-ħalib jew tal-laħam, għall-qatla jew għall-wirja.
  • Din ma tkoprix annimali użati għal avvenimenti sportivi jew kulturali.

PUNTI EWLENIN

  • It-trasport lejn pajjiż ieħor tal-UE tal-annimali koperti mid-Direttiva huwa awtorizzat biss jekk l-annimali:
    • ma jurux sinjali ta’ mard;
    • ma nkisbux minn sors ipprojbit jew ristrett taħt il-liġi tal-UE jew dik nazzjonali;
    • huma identifikati b’mod uffiċjali, skont id-Direttivi u r-Regolamenti tal-UE;
    • huma akkumpanjati b’ċertifikat tas-saħħa matul it-trasport;
    • jiġu minn merħla ħielsa mit-tuberkolożi, mill-bruċellosi jew mil-lewkożi enżootika bovina (tapplika biss għal annimali bovini);
    • ma jiġux f’kuntatt ma’ annimali li għandhom status tas-saħħa inferjuri matul it-trasport.
  • Il-vetturi użati biex jittrasportaw l-annimali għandhom jirrispettaw il-benesseri tagħhom u għandhom:
    • ikunu magħmula b’tali mod li l-iskart, iż-żibel jew l-għalf tal-annimali ma jnixxix mill-vettura;
    • jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara l-użu u, jekk ikun meħtieġ, qabel kwalunkwe tagħbija ġdida tal-annimali billi jintużaw metodi approvati;
    • iġorru rekord tal-post, inkluż id-data u l-ħin tal-moviment tal-annimali, id-dettalji tal-annimali ttrasportati u informazzjoni dwar it-tindif u d-disinfettar tal-vettura, li għandha tinżamm għal mill-inqas 3 snin.
  • L-annimali għall-qatla għandhom jinqatlu fi żmien 72 siegħa jekk jiġu ttrasportati direttament lejn biċċerija, jew fi żmien 3 ijiem ta’ xogħol jekk jaslu permezz ta’ ċentru tal-ġbir approvat.
  • Il-preżenza ssuspettata ta’ kwalunkwe marda rilevanti fl-azjenda għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti.
  • Għandhom jitfasslu ċertifikati tas-saħħa mill-veterinarju uffiċjali wara l-ispezzjoni.
  • In-negozjanti kollha, l-istabbilimenti u l-azjendi tagħhom, għandhom jiġu rreġistrati u approvati, u l-pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu sistema ta’ sorveljanza, b’penali sabiex jiżguraw konformità.

Revoka

Id-Direttiva 64/432/KE se tiġi revokata bir-Regolment (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021.

META TAPPLIKA?

Din kellha tiġi inkorporata fil-liġi nazzjonali tas-6 pajjiżi oriġinali tal-Komunità Ekonomika Ewropea (illum l-UE) sat-30 ta’ Ġunju 1965.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

bovini: subfamilja ta’ annimali li tinkludi bhejjem, żebu, gendus, bisonti u buflu
suwini: subfamilja ta’ annimali li tinkludi ħnieżer u ħnieżer selvaġġi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/EEC tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (edizzjoni speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1963.-1964, pp. 164-184)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 64/432/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, pp. 1-208)

l-aħħar aġġornament 04.05.2020

Top