EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu

 

SOMMARJU TA’:

Konvenzjoni dwar proċedura ta’ transitu komuni

Id-Deċiżjoni 87/415/KEE - il-konklużjoni ta’ konvenzjoni dwar proċedura ta’ transitu komuni

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U D-DEĊIŻJONI?

Il-konvenzjoni tipprovdi l-qafas legali li jistabbilixxi l-obbligi tan-negozjanti u l-awtoritajiet doganali għal oġġetti fi tranżitu* doganali minn parti kontraenti għal oħra. Din tkopri l-EU-27 (bħala parti kontraenti waħda) u tmien pajjiżi ta’ tranżitu komuni (l-Iżlanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, t-Turkija, l-Ukrajna u r-Renju Unit) bħala partijiet kontraenti separati.

Id-deċiżjoni tapprova l-konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea).

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni:

  • tintroduċi proċedura komuni ta’ tranżitu għal oġġetti ttrasportati taħt is-superviżjoni tat-tranżitu doganali bejn partijiet kontraenti;
  • tistabbilixxi l-obbligi tal-persuna (magħrufa bħala “d-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu”) li tintroduċi dikjarazzjoni tat-tranżitu biex:
    • tippreżenta l-oġġetti intatti u l-informazzjoni neċessarja lil destinazzjonijiet tal-uffiċċju doganali fil-perjodu ta’ żmien miftiehem;
    • tosserva regoli tat-tranżitu doganali;
    • tipprovdi garanzija biżżejjed biex tkopri kwalunkwe dejn li jista’ jinqala’. Regoli speċifiċi japplikaw għall-irkupru tad-dejn.
  • telenka l-obbligi tal-uffiċċji doganali fil-pajjiżi ta’ tluq u ta’ destinazzjoni, bħal:
    • verifika li d-data hija sħiħa;
    • twettiq ta’ kontroll doganali, fejn applikabbli:
    • ftehim ta’ limitu ta’ żmien għat-twassil;
    • konferma li hemm siġilli xierqa;
    • turija ta’ prova li l-oġġetti twasslu u konferma tat-tmiem korrett tal-proċedura.
  • tistipula li kull dikjarazzjoni tat-tranżitu għandha tkopri biss dawk l-oġġetti li qed jinġarru minn uffiċċju doganali għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport wieħed.
  • tipprovdi struzzjonijiet dettaljati dwar l-elementi ta’ data f’dikjarazzjoni tat-tranżitu, inkluż kodiċi komuni (sabiex jiġu evitati differenzi lingwistiċi bejn il-partijiet kontraenti).

Tintuża sistema elettronika ta’ tranżitu biex jitwettqu formalitajiet doganali, ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi (eż. oġġetti trasportati permezz tal-ferrovija meta l-karti huma permissibbli).

Simplifikazzjonijiet tat-tranżitu jistgħu japplikaw għal negozjanti affidabbli

Il-pajjiżi jistgħu jaqblu li jpoġġu fis-seħħ proċeduri simplifikati bejniethom permezz ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

Il-pajjiżi għandhom jikkooperaw ma’ xulxin rigward assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet.

MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-KONVENZJONI?

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ u ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 1988.

SFOND

Il-proċedura komuni tat-tranżitu doganali tippermetti t-tmexxija effiċjenti tal-oġġetti mill-fruntieri tal-partijiet kontraenti u tissimplifika l-formalitajiet doganali.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tranżitu: proċedura li permezz tagħha oġġetti jiġu ttrasportati bejn il-partijiet kontraenti taħt il-kontroll ta’ awtoritajiet doganali.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/415/KEE tal-15 ta’ Ġunju 1987 dwar il-konklużjoni ta’ Konvenzjoni bejn il-Komunità Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar proċedura ta’ transitu komuni (ĠU L 226, 13.8.1987, p. 1)

Konvenzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar proċedura ta’ transitu komuni (ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2-117)

Emendi suċċessivi għall-Konvenzjoni ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1999 rigward ir-riforma tas-sistemi ta’ transitu doganali (ĠU C 193, 9.7.1999, pp. 1-2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 1995 rigward il-kompjuterizzazzjoni tas-sistemi ta’ transitu doganali (ĠU C 327, 7.12.1995, pp. 2-3)

l-aħħar aġġornament 30.09.2022

Top