Help Print this page 
Title and reference
Statistika dwar il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE - Intrastat

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Statistika dwar il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE - Intrastat

Fost id-dejta li jiġbor, l-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, jiġbor informazzjoni dwar il-kummerċ intra-UE ta’ merkanzija (Intrastat). Din il-liġi tistabbilixxi s-sistemi u l-proċeduri għall-Intrastat u tfittex li tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jiġbru dejta komparabbli u affidabbli biex tintbagħat lill-Eurostat.

ATT

Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91.

SOMMARJU

Fost id-dejta li jiġbor, l-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, jiġbor informazzjoni dwar il-kummerċ intra-UE ta’ merkanzija (Intrastat). Din il-liġi tistabbilixxi s-sistemi u l-proċeduri għall-Intrastat u tfittex li tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jiġbru dejta komparabbli u affidabbli biex tintbagħat lill-Eurostat.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Ifittex li jissimplifika s-sistema tal-Intrastat li kienet oriġinarjament stabbilita fl-1993 u li jtejjeb il-komparabbiltà tal-istatistika bejn il-pajjiżi tal-UE. L-għoti ta’ statistika bħal din dwar il-kummerċ hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ politiki dwar is-suq uniku tal-UE u għall-analiżi tas-suq.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-Regolament ikopri l-kummerċ fil-merkanzija. “Kummerċ tal-merkanzija” tfisser kwalunkwe moviment ta’ merkanzija minn pajjiż tal-UE partikolari għal ieħor u “merkanzija” tfisser kull beni immobbli, inkluż il-kurrent tal-elettriku.

In-negozji tal-UE li huma rreġistrati għall-finijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u li l-ammont ta’ kummerċ annwali tagħhom jaqbeż ċertu livell limitu għandhom jipprovdu dettalji tat-tranżazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Din id-dejta hija relatata kemm mal-wasliet (akkwisti, xiri jew importazzjoni) u mad-dispaċċi (tneħħijiet, bejgħ jew esportazzjonijiet). Negozji oħrajn huma eżentati mir-rekwiżit.

Il-pajjiżi tal-UE jiddefinixxu mill-ġdid il-livell limitu kull sena u jistabbilixxu valur separat għad-dispaċċi u l-wasliet (li jkun jippermetti l-ġbir ta’ ammont minimu ta’ dejta għal kull fluss ta’ kummerċ).

Reġistrazzjoni

Kull awtorità tal-istatistika nazzjonali ta’ pajjiż tal-UE timmaniġġja reġistru ta’ operaturi intra-UE (jiġifieri negozji) magħmul minnkonsenjaturi u destinatarji.

Dejta miġbura għall-Intrastat

In-negozji li huma mitlubin jissottomettu dikjarazzjonijiet għall-finijiet tal-Intrastat għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

in-numru ta’ identifikazzjoni tagħhom;

il-perjodu ta’ referenza;

il-fluss (wasla/dispaċċ);

il-komodità kkonċernata (permezz ta’ kodiċi bi 8 numri tan-Nomenklatura Magħquda tal-UE);

il-pajjiż imsieħeb tal-UE;

il-valur tal-merkanzija fil-munità nazzjonali;

il-kwalità tal-merkanzija f’massa netta (il-piż eskluż l-imballaġġ) u l-unità supplimentari (litri, m2, numru ta’ oġġetti, eċċ.), jekk ikun rilevanti;

in-natura tat-tranżazzjoni.

Kunfidenzjalità

Parti li tipprovdi informazzjoni tista’ titlob li d-dejta tagħha tirċievi kunfidenzjalità statistika. F’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk ir-riżultati tal-istatistika li jagħmluha possibbli li jiġi identifikat il-fornitur imsemmi għandhomx jixxerrdu jew għandhomx jiġu emendati biex b’hekk it-tixrid tagħhom ma jippreġudikax il-kunfidenzjalità statistika.

Bgħit ta’ dejta lill-Eurostat

Il-pajjiżi tal-UE jibagħtu r-riżultati ta’ kull xahar tal-istatistika tagħhom dwar il-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-pajjiżi tal-UE lill-Eurostat.

Huma resposabbli biex jiżguraw il-kwalità tad-dejta mibgħuta skont l-istandards fis-seħħ. L-istatistika għandha tissodisfa ċerti kriterji:

rilevanza;

preċiżjoni;

prontezza;

puntwalità;

aċċessibbiltà u ċarezza;

komparabbiltà;

koerenza.

Il-Kummissjoni Ewropea, bl-assistenza ta’ kumitat li jinkludi r-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE, tista’ tadotta ċerti bidliet tekniċi fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-1 ta’ Jannar 2005.

SFOND

L-Intrastat twaqqaf fl-1 ta’ Jannar 1993, id-data li fiha daħal fis-seħħ is-suq uniku tal-UE. Ħa post id-dikjarazzjonijiet doganali bħala sors ta’ dejta dwar il-kummerċ.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web tal-Eurostat.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004

27.4.2004

-

ĠU L 102 tas-7.4.2004, p. 1-8

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 222/2009

20.4.2009

-

ĠU L 87 tal-31.3.2009, p. 160-163

Ir-Regolament (UE) Nru 659/2014

17.7.2014

-

ĠU L 189 tad-27.6.2014, p. 128-134

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 638/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

L-aħħar aġġornament: 03.04.2015

Top