Help Print this page 
Title and reference
Nomenklatura Magħquda, Tariffa Doganali Komuni u Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (Taric)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Nomenklatura Magħquda, Tariffa Doganali Komuni u Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (Taric)

In-Nomenklatura Magħquda hija n-nomenklatura tariffarja u statistika tal-Għaqda Doganali. It-Tariffa Doganali Komuni hija t-tariffa esterna applikata fuq prodotti importati fl-Unjoni Ewropea (UE). It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea ssir referenza għaliha bħala Taric. It-Taric tinkorpora t-tariffi doganali, il-miżuri agrikoli u kummerċjali kollha tal-UE applikati għall-merkanzija importata u esportata barra mill-UE. Hija amministrata mill-Kummissjoni, li tippubblika verżjoni aġġornata kuljum fuq il-websajt uffiċjali tat-Taric.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana [Ara l-att(i) emendatorju(i)].

SOMMARJU

L-għan ta' dan ir-regolament huwa li jistabbilixxi Nomenklatura Magħquda li tissodisfa t-tariffa Doganali tal-Unjoni u r-rekwiżiti statistiċi u li tinħoloq Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea, li ssir referenza għaliha bħala Taric. In-Nomenklatura Magħquda tipprovdi l-aħjar mezz ta' ġbir, skambju u pubblikazzjoni ta' dejta dwar l-istatistiċi kummerċjali esterni tal-UE. Tintuża wkoll għall-ġbir u għall-pubblikazzjoni ta' statistiċi tal-kummerċ estern fil-kummerċ intra-UE.

Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (Taric)

Taric hija t-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea. Tinkludi r-rati kollha tad-dazju doganali u ċerti regoli tal-UE applikabbli għall-kummerċ estern tal-UE. Il-bażi legali tat-Taric hija r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987.

It-Taric tappoġġa l-approvazzjoni ta' merkanzija mill-pajjiżi tal-UE. Tipprovdi wkoll mezz ta' ġbir, skambju u pubblikazzjoni ta' dejta dwar l-istatistika kummerċjali esterna tal-UE. Madankollu, din id-dejta mhijiex disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

Nomenklatura Magħquda u t-Taric

Ir-regolament jistabbilixxi nomenklatura għall-merkanzija li ssir referenza għaliha bħala n-Nomenklatura Magħquda (NM) biex jissodisfa r-rekwiżiti tat-Tariffa Doganali Komuni u r-rekwiżiti tal-kummerċ estern tal-UE. Hija bbażata fuq il-nomenklatura tas-sistema armonizzata u tissupplimentaha bis-subdiviżjonijiet tagħha stess li ssir referenza għalihom bħala subintestaturi tan-NM.

In-Nomenklatura Magħquda hija r-riżultat tal-għaqda bejn in-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni u n-Nimexe (Nomenklatura Statistika tal-UE).

L-Anness I tar-Regolament jiffissa r-rati konvenzjonali tad-dazju, ir-rati ta' xi Tariffi Doganali Komuni awtonomi meta dawn ikunu inqas minn dawk konvenzjonali, u l-unitajiet statistiċi supplimentari.

Il-Kummissjoni tistabbilixxi t-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (Taric) fuq il-bażi tan-Nomenklatura Magħquda. Tinkludi subdiviżjonijiet addizzjonali tal-UE, li ssir referenza għalihom bħala subintestaturi tat-Taric użati biex jiddeskrivu l-oġġetti skont il-leġiżlazzjoni implimentata, u fejn japplikaw rati tad-dazju doganali speċifiċi li jiddependu mill-oriġini tal-merkanzija jew bosta miżuri politiċi kummerċjali oħrajn.

Kull subintestatura tan-NM għandha numri ta' kodiċi magħmul minn tmien ċifri. L-ewwel sitt ċifri jirreferu għall-intestaturi u s-subintestaturi tas-sistema armonizzata. Is-seba' u t-tmien ċifra jirrappreżentaw is-subintestaturi tan-NM. Id-disa' u l-għaxar ċifra jirrappreżentaw subintestaturi tat-Taric.

L-irwol tal-Kummissjoni

Kull sena, il-Kummissjoni tadotta regolament li jirriproduċi verżjoni kompluta tan-Nomenklatura Magħquda u tar-rati tad-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni, filwaqt li jitqiesu l-emendi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Ir-regolament huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru. Huwa japplika mill-1 ta' Jannar tas-sena segwenti.

Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-pubblikazzjoni u l-ġestjoni kompjuterizzata tat-Taric. Hija tatribwixxi n-numri tal-kodiċi tat-Taric, taġġorna t-Taric, u tinforma lill-pajjiżi tal-UE b'mod elettroniku fuq bażi ta' kuljum bi kwalunkwe emenda.

Proċeduri tal-Kumitat

Fit-twettiq ta' dan ix-xogħol, il-Kummissjoni hija megħjuna mill-Kumitat għall-Kodiċi Doganali, kostitwit mill-Artikolu 247 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 u l-Artikolu 10 tar-Regolament 2658/87, li jinkludi rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE u li huwa ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Huwa responsabbli għall-eżami ta' kull kwistjoni dwar in-Nomenklatura Magħquda, in-nomenklatura tat-Taric u kull nomenklatura oħra msejsa fuq in-Nomenklatura Magħquda.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KEE) Nru 2658/87

10.9.1987

-

ĠU L 256, tas-7.9.1987

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KEE) Nru 3528/89

28.11.1989

-

ĠU L 374, tat-22.12.1989

Regolament (KEE) Nru 2913/92

22.10.1992

-

ĠU L 302, tad-19.10.1992

Regolament (KEE) Nru 1969/93

26.7.1993

-

ĠU L 180, tat-23.7.1993

Regolament (KE) Nru 254/2000

10.2.2000

-

ĠU L 28, tat-3.2.2000

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament Nru 2658/87 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha tintuża biss għal għanijiet ta' referenza.

Anness 1 tar-Regolament 2658/87 huwa emendat b'mod regolari.

ATTI RELATATI

Commission communication - Code of conduct for the management of the Combined Nomenclature (NC) [Official Journal C 150 of 30.5.2000] (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Kodiċi ta' kondotta għall-ġestjoni tan-Nomenklatura Magħquda).

L-għan tal-Kodiċi ta' Kondotta huwa li jagħmilha aktar faċli biex jiġu ġestiti, jiġifieri jinżammu, jinħolqu u jitneħħew, is-subintestaturi elenkati fl-Anness I mar-Regolament bażiku sabiex tiġi ssimplifikata u mmodernizzata n-Nomenklatura Magħquda (NM). Il-prinċipji tal-kodiċi huma applikati għal kull talba biex jemendaw is-subintestaturi tan-NM. Talbiet għall-emenda tan-Nomenklatura Magħquda jistgħu jsiru mid-DĠ Tassazzjoni u Għaqda Doganali, l-Eurostat u dipartimenti oħrajn tal-Kummissjoni, il-Kumitat għall-Kodiċi Doganali, il-pajjiżi tal-UE u l-federazzjonijiet tan-negozjanti Ewropej. Għandhom jintbagħtu lill-Eurostat jekk jinvolvu statistiċi jew lid-DĠ Tassazzjoni u Għaqda Doganali jekk huma ta' natura mhux statistika. Fil-prinċipju, dawn għandhom jintbagħtu sa mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena ta' qabel dawn jidħlu fis-seħħ. Kull talba jrid ikun fiha memorandum ta' spjegazzjoni, is-subintestaturi tan-NM taħt diskussjoni, stima tal-volum ta' negozju kummerċjali u l-preżentazzjoni tal-oġġetti involuti.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/96 tas-27 ta' Ġunju 1996 li jissospendi b'mod temporanju d-dazji awtonomi tat-Tariffi Doganali Komuni fuq ċerti prodotti industrijali u agrikoli [Ġurnal Uffiċjali L 158 tat-29.6.1996].

Id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni għall-prodotti li hemm referenza għalihom f'dan ir-regolament huma parzjalment jew totalment sospiżi minħabba li l-produzzjoni tagħhom fl-UE hija inadegwata jew ineżistenti. Dan sejjer jippermetti lill-produtturi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' industriji utenti fl-UE. L-addattamenti tekniċi għal dan ir-regolament li jirriżultaw minn emendi tan-NM u l-kodiċijiet Taric ġew adottati mill-Kummissjoni.

Noti ta' spjega għan-Nomenklatura Kombinata tal-Unjoni Ewropea. [Il-Ġurnal Uffiċjali C 137 of 6.5.2011].

Din hija l-aktar verżjoni reċenti ta' dawn in-noti li huma meqjusin bħala għajnuna importanti għall-interpretazzjoni tal-ambitu tal-intestaturi varji tat-tariffi. Madankollu, għandu jiġi nnotat, li mhumiex legalment vinkolanti.

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal-4 ta' Ottubru 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [Il-Ġurnal Uffiċjali L 290 tal-31.10.2013].

Din hija l-aktar verżjoni reċenti tal-Anness I tar-Regolament dwar in-Nomenklatura Kombinata. Jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014 u jqis kwalunkwe bidla li jkun sar qbil fuqha f'livell internazzjonali, jew fl-Organizzazzjoni Doganali Dinjija fir-rigward tan-nomenklatura fuq livell tas-Sistema Armonizzata (HS - Harmonised System) jew fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Kummerċjali Dinjija (WTO - World Trade Organisation) fir-rigward tar-rati ta' dazju konvenzjonali. Iqis ukoll bidliet fir-rekwiżiti relatati mal-istatistika u mal-politika kummerċjali, l-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjali u l-ħtieġa li jiġu allinjati jew iċċarati testi.

L-aħħar aġġornament: 09.02.2014

Top