Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Sistema ta’ eżenzjonijiet doganali tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Sistema ta’ eżenzjonijiet doganali tal-UE

SOMMARJU TA':

Ir-Regolament (KE) Nru 1186/2009 – it-twaqqif ta’ sistema ta’ eżenzjonijiet mid-dazji doganali

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jippermetti l-għoti ta’ eżenzjoni mid-dazji li normalment ikollhom jitħallsu kemm fuq il-prodotti li jiġu importati fl-UE kif ukoll fuq dawk li jiġu esportati minnha.

Huwa jistabbilixxi l-każijiet li fihom l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni u l-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (ex-Artikolu 133 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) jingħataw meta l-prodotti jiġu importati fl-UE jew esportati minnha.

PUNTI EWLENIN

EŻENZJONI MID-DAZJI TAL-IMPORTAZZJONI

Hemm diversi kategoriji ta’ prodotti li huma eliġibbli għal eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni. Soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, il-prodotti jkunu ħielsa mid-dazji tal-importazzjoni meta jikkonċernaw:

Proprjetà personali:

  • proprjetà personali ta’ nies li jittrasferixxu l-post tar-residenza normali tagħhom minn pajjiż terz għal pajjiż tal-UE, sakemm il-post tar-residenza kien barra mill-UE għal mill-inqas 12-il xahar konsekuttiv;
  • oġġetti importati fl-okkażjoni ta’ żwieġ, sakemm il-persuna kkonċernata kienet residenti barra mill-UE għal mill-inqas 12-il xahar konsekuttiv u tkun tista’ tipprovdi prova taż-żwieġ;
  • proprjetà personali li ntirtet minn persuna residenti fl-UE;
  • ħwejjeġ, materjal ta’ studju u għamara ta’ studenti li jiġu biex jistudjaw fl-UE.

Oġġetti ta’ valur negliġibbli, oġġetti mhux kummerċjali, oġġetti kapitali u oġġetti li jkunu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi:

  • oġġetti ta’ valur negliġibbli;
  • oġġetti ta’ natura mhux kummerċjali, mibgħuta direttament minn individwu privat f’pajjiż terz lil ieħor fl-UE;
  • oġġetti kapitali u tagħmir ieħor li jappartjeni lil impriża li tterminat b’mod definittiv l-attivitajiet tagħha f’pajjiż terz u ċċaqilqet lejn l-UE;
  • oġġetti eżentati mill-VAT li jkunu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi li jaslu minn barra l-UE.

Prodotti agrikoli, bijoloġiċi, kimiċi, farmaċewtiċi u mediċi:

  • prodotti agrikoli, tat-trobbija tal-bhejjem, tat-trobbija tan-naħal, ortikulturali u tal-forestrija minn proprjetajiet f’pajjiżi terzi kontigwi mħaddma minn bdiewa tal-UE;
  • żrieragħ, fertilizzanti u prodotti għat-trattament tal-ħamrija u tal-għelejjel importati minn produtturi agrikoli minn pajjiżi terzi, iżda maħsuba biex jintużaw fil-pajjiżi tal-UE kontigwi;
  • annimali li jintużaw fil-laboratorji u sustanzi kimiċi jew bijoloġiċi intiżi għar-riċerka;
  • sustanzi terapewtiċi ta’ oriġini mill-bniedem u riaġenti għad-determinazzjoni tal-gruppi tad-demm u tal-gruppi tat-tessuti;
  • strumenti u apparat li jintużaw fir-riċerka medika, fid-dijanjożi jew fit-trattament;
  • is-sustanzi ta’ referenza għall-kontroll tal-kwalità ta’ prodotti mediċinali;
  • prodotti farmaċewtiċi li jintużaw f’avvenimenti sportivi internazzjonali.

Kategoriji oħrajn:

  • materjal edukattiv, xjentifiku u kulturali u strumenti u apparat xjentifiċi;
  • oġġetti għal organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi;
  • dekorazzjonijiet jew premjijiet onorarji, rigali riċevuti fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali u oġġetti li jintużaw minn monarki jew kapijiet ta’ Stat;
  • oġġetti importati għal skopijiet ta’ promozzjoni kummerċjali;
  • trademarks, mudelli jew disinji mibgħuta lill-organizzazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ privattiva kummerċjali jew industrijali;
  • letteratura ta’ tagħrif turistiku;
  • materjali anċillari li jintużaw għall-istivar u l-protezzjoni tal-oġġetti matul it-trasport tagħhom;
  • tiben, għalf u ikel li jakkumpanjaw lill-annimali matul it-trasport tagħhom;
  • karburant u żjut tal-magni preżenti f’vetturi b’mutur u muturi li jidħlu fl-UE;
  • materjali għall-kostruzzjoni jew manutenzjoni ta’ monumenti għal vittmi tal-gwerra;
  • twiebet bl-iġsma fihom, urni funerarji bl-irmied fihom u oġġetti funerarji ta’ tiżjin.

Meta l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni tkun soġġetta għal użu partikolari tal-oġġetti, il-persuna kkonċernata tkun responsabbli sabiex tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi prova li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfati. F’din is-sitwazzjoni, huma biss l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE kkonċernat li jistgħu jagħtu din l-eżenzjoni.

EŻENZJONI MID-DAZJI TAL-ESPORTAZZJONI

Hemm diversi kategoriji ta’ prodotti li huma eliġibbli għal eżenzjoni mid-dazji tal-esportazzjoni. Soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, il-prodotti jkunu ħielsa mid-dazji tal-esportazzjoni meta jikkonċernaw:

  • oġġetti ta’ valur negliġibbli;
  • annimali domestikati esportati meta impriża agrikola tittrasferixxi l-attivitajiet tagħha minn pajjiż tal-UE għal pajjiż terz;
  • prodotti agrikoli jew tat-trobbija tal-bhejjem miksuba minn bdiewa ta’ pajjiżi terzi f’pajjiżi kontigwi;
  • żrieragħ esportati minn produtturi agrikoli sabiex jintużaw fuq proprjetajiet f’pajjiżi terzi;
  • għalf u ikel li jakkumpanjaw lill-annimali matul l-esportazzjoni tagħhom.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2009.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, 10.12.2009, pp. 23–57)

l-aħħar aġġornament 15.11.2015

Top