EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kundizzjonijiet uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti sikuri fl-UE (marka ta’ konformità)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni Nru 768/2008/KE — qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti fl-UE

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

  • Hija tistabbilixxi prinċipji u proċeduri komuni li għandha ssegwi l-leġiżlazzjoni tal-UE meta tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fl-UE u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
  • Hija tinkludi r-rekwiżiti ta’ referenza li għandhom jiġu inkorporati kull meta tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti. Bħala tali, hija mudell għal-leġiżlazzjoni futura dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti.
  • Hija tistipula r-regoli għall-immarkar CE*.

PUNTI EWLENIN

  • Hija tipprovdi definizzjonijiet ċari għat-termini rilevanti, bħal “manifattur” , “tqegħid fis-suq” , “sejħa lura” jew “irtirar” ta’ prodotti.
  • Huma stabbiliti diviżjonijiet ċari tar-responsabbiltajiet għall-manifatturi, għall-importaturi u għad-distributuri tul il-katina tal-prodotti.
  • Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti u jsegwu l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità* xierqa. Huma għandhom iqiegħdu l-markar CE fuq il-prodott ladarba tintwera l-konformità.
  • L-importaturi għandhom jaċċertaw li l-manifattur ikun ikkonforma mal-proċedura xierqa tal-valutazzjoni tal-konformità u li l-prodott ikun akkumpanjat mid-dokumentazzjoni meħtieġa u l-markar CE.
  • Id-distributuri għandhom jaġixxu b’attenzjoni xierqa u jivverifikaw li l-prodott għandu d-dokumentazzjoni meħtieġa u l-markar CE.
  • Huwa pprovdut sett komuni ta’ proċeduri differenti ta’ valutazzjoni tal-konformità, magħrufa bħala moduli. Il-leġiżlaturi għandhom jagħżlu liema waħda hija l-aktar xierqa skont ir-riskju li jista’ jippreżenta prodott.
  • Huma stipulati regoli uniformi għall-ħatra u s-superviżjoni tal-korpi nnotifikati li jwettqu l-valutazzjonijiet tal-konformità abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Ir-regoli jistipulaw ir-responsabbiltajiet tagħhom meta jkunu meħtieġa valutazzjonijiet tal-konformità ta’ prodotti minn partijiet terzi (jiġifieri ċertifikazzjoni tal-konformità minn korp indipendenti).
  • Ir-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq jittrattaw prodotti li jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza jew li ma jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

TERMINI EWLENIN

* Markar CE: dan jindika prodott li jissodisfa r-rekwiżiti ambjentali, tas-sikurezza u tas-saħħa applikabbli u li jkun għadda mill-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità rilevanti.

* Valutazzjoni tal-konformità : il-proċess li jikkonferma li prodott jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa relatati mal-proċess, mas-servizz, mas-sistema, mal-persuna jew mal-korp rilevanti.

SFOND

Għan-negozji, markar CE jfisser li l-prodott tagħhom jista’ jiċċaqlaq liberament madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-pajjiżi tal-UE, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). Għall-konsumaturi, dan jindika li l-oġġett li huma jixtru huwa konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-prodotti.

ATT

Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Nru 768/2008/KE

9.7.2008

ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82–128

l-aħħar aġġornament 22.10.2015

Top