Help Print this page 
Title and reference
Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI)

Minħabba d-diversità tad-dejta legali tal-Istati Membri, kemm fil-livell reġjonali u f'dak nazzjonali, kif ukoll fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE), jeħtieġ li jiġi żgurart li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b'aċċess faċli u effiċjenti għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll dwar dik Ewropea. L-identifikatur Ewropew tal-leġiżlazzjoni (ELI) jipprovdi aċċess faċli u rapidu għal din l-informazzjoni, bil-għan li jikkontribwixxi għat-twettiq taż-żona komuni tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill li jitolbu li jiġi introdott ta' identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI) (Ġurnal Uffiċjali C 325, 26.10.2012).

SOMMARJU

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jinkludu l-istabbiliment ta' identifikatur Ewropew tal-leġiżlazzjoni (ELI), imfassal sabiex jipprovdi aċċess faċli għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri.

Liema huwa r-rwol tal-identifikatur Ewropew tal-leġiżlazzjoni (ELI)?

Fuq livell Ewropew, l-iskambju tad-dejta dwar il-leġiżlazzjoni żviluppa b'mod konsiderevoli. Din id-dejta tirriżulta l-aktar minn sorsi reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Madankollu, l-iskambju ta' din id-dejta huwa impedut minn disparitajiet bejn is-sistemi legali fil-livell tal-Istati Membri u dak tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħolqien ta' ELI jippermetti li ssir referenza għal testi leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali b'mod armonizzat u stabbli, u li b'hekk tinkiseb sistema ta' riċerka u ta' skambju ta' dejta aktar rapida u effikaċi, aċċessibbli għaċ-ċittadini, jew għal utenti speċifiċi bħalma huma l-leġiżlaturi, il-maġistrati jew l-avukati.

Kif jaħdem l-ELI?

L-ELI huwa l-ewwelnett ibbażat fuq l-użu ta' identifikaturi uniċi, li jisimhom URI (Uniform Resource Identifier, identifikaturi uniformi tar-riżorsi) u t-tieninett fuq serje ta' metadata strutturata sabiex issir referenza għal testi leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali. Finalment, sabiex jinkiseb il-benefiċċju sħiħ mill-web semantiku, ELI huwa bbażat fuq l-istabbiliment ta' lingwa speċifika għall-iskambju ta' din l-informazzjoni.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom il-possibilità li jkomplu jiġġestixxu l-informazzjoni ta' natura leġiżlattiva skont kif iridu huma.

Xi jridu jagħmlu l-Istati Membri biex jimplimentaw l-ELI?

L-implimentazzjoni tal-ELI hija fakultattiva. L-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw dan l-identifikatur b'mod volontarju u progressiv, b'tal-ewwel diġà qed isir f'ċerti Stati Membru u fuq livell Ewropew. Sabiex jagħmlu dan, huma jridu:

  • japplikaw ELI għat-testi leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali ppubblikati fil-ġurnali uffiċjali, jew fil-bażijiet ta' dejta tagħhom u fis-sistemi ta' informazzjoni legali li huma jużaw;
  • jipprovdu t-testi leġiżlattivi b'identifikatur uniku u xi metadata li tista' tinkludi, fost oħrajn, it-tip ta' leġiżlazzjoni, is-suġġett, l-applikazzjoni territorjali u d-data tad-dokument;
  • jaħtru koordinatur għal ELI;
  • jikkondividu u jqassmu informazzjoni dwar ELI;
  • jirrevedu ta' kul sena l-progress fl-implimentazzjoni ta' ELI u tal-metadata dwar il-leġiżlazzjonijiet Ewropej u nazzjonali.

L-aħħar aġġornament: 26.12.2012

Top