Help Print this page 
Title and reference
Tisħiħ taż-żona Schengen

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Tisħiħ taż-żona Schengen

L-objettivi tal-istrateġija Ewropea għat-tisħiħ taż-żona Schengen huma li jsir titjib fl-applikazzjoni tar-regoli komuni u sabiex theddid eċċezzjonali fil-fruntieri esterni jiġi indirizzat aħjar.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-16 ta’ Settembru 2011, intitolata Il-ġestjoni ta’ Schengen - it-tisħiħ taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni (COM(2011) 561 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

SOMMARJU

’L hekk imsejħin rewwixti tar-Rebbiegħa Għarbija fl-2011 wasslu għal influss sinifikanti ta’ immigranti f’xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). Dawn l-avvenimenti enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ l-applikazzjoni tar-regoli komuni taż-żona Schengen u li tiġi regolata l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali, b’mod speċjali meta l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen jitpoġġa fil-periklu.

Fl-2011, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni u 2 proposti leġislattivi sabiex jindirizzaw dan. Dawn tal-aħħar ġew adottati eventwalment f’Ottubru 2013.

Evalwazzjoni aħjar tal-applikazzjoni tar-regoli taż-żona Schengen

Il-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan iż-żona Schengen jiddependi fuq il-fiduċja reċiproka fejn kull pajjiż parteċipanti jkun lest u kapaċi japplika l-korp sħiħ ta’ regoli komuni fuq il-kontrolli tal-fruntieri esterni, visas, pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja, miżuri li jikkonċernaw is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, eċċ. (l-acquis ta’ Schengen).

Sabiex dan jintlaħaq, sar essenzjali li l-ewwelnett jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni mfassal sabiex jikkontrolla l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri tal-UE u t-tieninett li jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ u kontrollar xieraq tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapporti ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari meta tiġi identifikata ħsara jew nuqqas. Il-Kummissjoni hija responsabbli għat-twettiq ta’ dan il-kontroll u għax-xogħol ta’ monitoraġġ.

Is-sistema għal dan ġiet introdotta permezz tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. Il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni huma responsabbli b’mod konġunt għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu, anki jekk il-Kummissjoni għandha rwol ta’ koordinazzjoni.

Introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni

Il-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen diġà jipprovdi l-għażla, għal Stati Membri tal-UE, sabiex jintroduċi kontrolli mill-ġdid, temporanjament, fil-fruntieri interni tiegħu, fil-każ ta’ theddid serju għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna (eż. theddid terroristiku jew theddid relatat mal-kriminalità organizzata).

Ir-Regolament (UE) Nru 1051/2013 jestendi din l-għażla għal każijiet ta’ nuqqasijiet serji relatati mal-kontroll tal-fruntieri esterni u identifikati fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013. Madankollu, f’dan il-każ, l-inizjattiva għall-introduzzjoni mill-ġdid taqa’ f’idejn il-Kummissjoni u l-Kunsill:

  • meta jiġu identifikati nuqqasijiet bħal dawn f’rapport ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel rakkomandazzjoni lill-pajjiż evalwat sabiex jieħu ċerti miżuri, bħall-użu ta’ timijiet ta’ gwardja tal-fruntiera Ewropea. Bħala l-aħħar mezz, tista’ tagħti bidu għall-proċedura deskritta taħt;
  • meta l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen jitpoġġa fil-periklu minħabba nuqqasijiet serji u li jkunu għadhom preżenti fil-kontrolli tal-fruntieri esterni, il-Kunsill, wara proposta mill-Kummissjoni, jagħmel rakkomandazzjoni lil pajjiż tal-UE wieħed jew aktar sabiex temporanjament jintroduċu mill-ġdid kontrolli tal-fruntieri interni.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas- 16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (Ġurnal Uffiċjali L 295 tas-6.11.2013).

Ir-Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f’ċirkostanzi eċċezzjonali (Ġurnal Uffiċjali L 295 tas-6.11.2013).

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Il-ħames rapport biennali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen 1 ta’ Novembru 2013 - 30 ta’ April 2014 ( COM(2014) 292 final - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

Wara l-Komunikazzjoni tas-16 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni tippreżenta rapporti bienneali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament taż-żona Schengen. Fl-aktar rapport reċenti tagħha, hija tindika b’mod partikolari li bħalissa għaddejjin il-preparazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ġdid u li l-ewwel evalwazzjonijiet taħt il-mekkaniżmu l-ġdid huma mistennija li jsiru minn Jannar 2015 ’il quddiem.

L-aħħar aġġornament: 28.05.2014

Top